Konferma tal-Kanoni tal-Bibbja
“KULL linja qisha ġiet miktuba speċifikament biex tqajjem il-kurżità taʼ dawk li tinteressahom l-istorja tal-Kristjanità tal-bidu.” Dan hu kif ġie deskritt dokument antik. Taf liema dokument kien?
Jistaʼ jkun li dan id-dokument ġieli smajt bih u jistaʼ jkun li le—il-Framment Muratorjan. Hu x’inhu l-każ, int għandek mnejn tistaqsi, ‘X’inhu dak li jagħmel il-Framment Muratorjan daqshekk speċjali?’ Dan huwa l-eqdem lista li teżisti taʼ kotba taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana.
Għandu mnejn li qatt ma ddubitajt li ċerti kotba għandhom ikunu fil-Bibbja. Madankollu, kont int tkun sorpriż li kieku sirt taf li kien hemm żmien meta kien hemm xi wħud li ma kinux jafu liema kotba individwali kellhom ikunu inklużi? Il-Framment Muratorjan, jew il-lista taʼ kotba mqaddsa, hija lista taʼ kitbiet meqjusin bħala li huma ispirati. Forsi diġà tirrikonoxxi li dak kollu li hemm fil-Bibbja huwa importanti ħafna. Allura, dan id-dokument xi rrivela dwar il-kotba li issa huma parti mill-Iskrittura Griega Kristjana? L-ewwel ikkunsidra ftit l-istorja taʼ dan id-dokument.
Is-Sejba Tiegħu
Il-Framment Muratorjan huwa parti minn manuskritt kodiċi li fih 76 folja tal-parċmina, kull waħda twila 27 ċentimetru u wiesgħa 17-il ċentimetru. Ludovico Antonio Muratori (1672-1750), storjografu Taljan magħruf, sabu fil-Librerija Ambrosjana, f’Milan, l-Italja. Muratori ppubblika s-sejba tiegħu fl-1740, u minn hemm ġie l-isem—il-Framment Muratorjan. Milli jidher il-kodiċi ġie prodott fit-tmien seklu fil-monasterju tal-qedem f’Bobbio, viċin Piacenza, fit-tramuntana taʼ l-Italja. Imbagħad, fis-17-il seklu ttieħed fil-Librerija Ambrosjana.
Il-Framment Muratorjan jikkonsisti f’85 linja taʼ kitba li tinsab fuq l-10 u l-11-il folja tal-kodiċi. It-test hu bil-Latin, li milli jidher kien ikkopjat minn skriba li ma tantx qagħad attent. Imma xi ftit mill-iżbalji tiegħu ġew identifikati meta dan it-test tqabbel maʼ l-istess test li kien inkluż fil-manuskritti tal-11 u t-12-il seklu.
Meta Nkiteb?
Madankollu, għandek mnejn tistaqsi dwar meta nkitbet l-informazzjoni oriġinali fil-Framment Muratorjan. Milli jidher, l-oriġinal inkiteb bil-Grieg ħafna sekli qabel it-test tal-Framment, li huwa traduzzjoni bil-Latin tat-test Grieg. Dan li ġej se jgħinek tagħraf id-data taʼ l-oriġinal. Il-Framment isemmi ktieb li ma jinsabx fil-Bibbja, ir-Ragħaj, u jgħid li raġel jismu Erma kitbu “reċentement, fi żmienna, fil-belt taʼ Ruma.” L-istudjużi jgħidu li l-aħħar kitba t’Erma, ir-Ragħaj, saret bejn is-sena 140 u s-sena 155 E.K. B’hekk, tistaʼ tara għala t-test oriġinali bil-Grieg, li iktar tard inqaleb għal-Latin u sar magħruf bħala l-Framment Muratorjan, huwa datat bejn is-sena 170 u s-sena 200 E.K.
Ir-referenzi kemm diretti u kemm indiretti li saru għal Ruma juru li dan it-test setaʼ nkiteb f’din il-belt. Imma hemm dibattitu dwar min jistaʼ jkun l-awtur. Hemm min jgħid li l-awtur setaʼ kien Klement taʼ Lixandra, Melito taʼ Sardi, jew Polikrates t’Efesu. Madankollu, ħafna studjużi jgħidu li kien Ippolitu, awtur li pproduċa ħafna xogħlijiet bil-Grieg u li kien jgħix Ruma matul il-perijodu li x’aktarx kien qed jinkiteb il-Framment Muratorjan. Forsi dan kollu ma tantx issibu taʼ interess, imma wisq probabbli tixtieq tkun taf iktar dwar il-kontenut tiegħu li jagħmlu tant imprezzabbli.
L-Informazzjoni li Fih
It-test m’huwiex sempliċement lista tal-kotba li nsibu fl-Iskrittura Griega Kristjana. Hemm ukoll kummenti dwar il-kotba u l-kittieba rispettivi tagħhom. Li kieku kellek taqra t-test kont tistaʼ tara li l-ewwel linji tal-manuskritt huma neqsin, u wkoll it-test qisu jieqaf f’daqqa. Dan jibda billi jsemmi l-Evanġelju taʼ Luqa, u d-dokument jgħid li l-kittieb taʼ dan il-ktieb tal-Bibbja kien tabib. (Kolossin 4:14) Jgħid li l-evanġelju taʼ Luqa huwa t-tielet Evanġelju, u b’hekk tistaʼ tirrealizza li l-ewwel biċċa li hi nieqsa wisq probabbli kienet tirreferi għall-Evanġelji taʼ Mattew u Marku. Jekk int wasalt għal din il-konklużjoni se ssib li l-Framment Muratorjan jappoġġa dan il-ħsieb għax jgħid li r-rabaʼ Evanġelju huwa taʼ Ġwanni.
Il-Framment jikkonferma li l-ktieb taʼ l-Atti taʼ l-Appostli nkiteb minn Luqa għall-“wisq eċċellenti Teofilu.” (Luqa 1:3; Atti 1:1) Imbagħad il-lista tkompli billi ssemmi l-ittri taʼ l-appostlu Pawlu lill-Korintin (tnejn), lill-Efesin, lill-Filippin, lill-Kolossin, lill-Galatin, lit-Tessalonikin (tnejn), lir-Rumani, lil Filemon, lil Titu, u lil Timotju (tnejn). L-ittra taʼ Ġuda u żewġ ittri taʼ Ġwanni huma msemmijin ukoll bħala li huma kotba ispirati. L-ewwel ittra taʼ l-appostlu Ġwanni kienet diġà ssemmiet flimkien maʼ l-Evanġelju tiegħu. Il-ktieb taʼ l-Apokalissi, jew taʼ Rivelazzjoni, jikkonkludi l-lista tal-kotba meqjusin bħala li huma ispirati.
Taʼ min jinnota li lFramment isemmi Apokalissi taʼ Pietru imma jgħid li xi wħud iħossu li dan m’għandux jinqara mill-Kristjani. Il-kittieb tal-Framment Muratorjan iwissi li fi żmienu diġà kienu qed jinfirxu xi kitbiet foloz. Il-Framment Muratorjan jispjega li dawn il-kitbiet m’għandhomx jiġu aċċettati, “għax m’huwiex xieraq li tħallat xi ħaġa qarsa maʼ l-għasel.” Id-dokument isemmi wkoll xi testi oħra li ma kellhomx jiġu inklużi fost il-kitbiet imqaddsin. Dan kien jew minħabba li nkitbu wara l-perijodu taʼ l-appostli, bħalma hu l-każ tar-Ragħaj t’Erma, jew inkella minħabba li nkitbu biex jappoġġaw l-ereżijiet.
Minn dan kollu għandek mnejn osservajt li l-ittra lill-Ebrej, iż-żewġ ittri taʼ Pietru, u dik taʼ Ġakbu m’humiex imsemmijin f’din il-lista taʼ kotba awtentiċi tal-Bibbja. Madankollu, wara li rrefera għax-xogħol taʼ skriba li kkopja l-manuskritt, Dr. Geoffrey Mark Hahneman innota li huwa “raġunevoli li jiġi suġġerit li l-Framment għandu mnejn kellu xi referenzi oħra li issa huma mitlufin, u li Ġakbu u Ebrej (u l-1 Pietru) setgħu kienu fosthom.”—The Muratorian Fragment and the Development of the Canon.
Għalhekk, il-Framment Muratorjan jikkonferma li fit-tieni seklu E.K. ħafna mill-kotba li issa jinsabu fl-Iskrittura Griega Kristjana diġà kienu kunsidrati bħala li huma kanoniċi. M’għandniex xi ngħidu, il-kanoniċità tal-kotba tal-Bibbja—jiġifieri, id-dritt li għandhom biex jiġu inklużi fil-Bibbja—ma tiddependix mill-fatt li huma msemmijin f’xi lista antika. Dak li jagħti evidenza li l-kotba tal-Bibbja huma ispirati mill-ispirtu qaddis huwa l-kontenut tagħhom. Il-kotba kollha tal-Bibbja jikkonfermaw li Alla Ġeħova huwa l-awtur u li lkoll kemm huma jaqblu kompletament. Is-66 ktieb kanoniku tal-Bibbja tant jaqblu u għandhom bilanċ bejniethom li jixhdu għal kemm huma magħqudin u kompluti. Għalhekk, tagħmel tajjeb li taċċettahom bħala dak li huma verament, il-Kelma taʼ Ġeħova bil-verità ispirata li ġiet preservata sal-ġurnata taʼ llum.—1 Tessalonikin 2:13; 2 Timotju 3:16, 17.
[Stampa f’paġna 13]
Ludovico Antonio Muratori
[Stampa f’paġna 14]
Il-Librerija Ambrosjana
[Stampa f’paġna 15]
Il-Framment Muratorjan
[Sors]
Diritti Biblioteca Ambrosiana. Vietata la riproduzione. Aut. No. F 157 / 05
[Sorsi tal-Istampi f’paġna 13]
Frammenti: Diritti Biblioteca Ambrosiana. Vietata la riproduzione. Aut. No. F 157 / 05; Muratori, based on line art: © 2005 Brown Brothers