LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/1 pp. 4-7
  • Pariri li Tistaʼ Tafdahom dwar it-Trobbija tat-Tfal

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Pariri li Tistaʼ Tafdahom dwar it-Trobbija tat-Tfal
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Qattaʼ l-​Ħin Magħhom
  • Għallimhom Valuri Xierqa
  • Kun Raġunevoli
  • Ibbenefika minn Pariri li Tistaʼ Tafdahom
  • Ħarreġ lit-​Tfal Tiegħek mill-​Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tħarreġ lil Uliedek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/1 pp. 4-7

Pariri li Tistaʼ Tafdahom dwar it-​Trobbija tat-​Tfal

“KELLI 19-il sena, kont qed ngħix ’il bogħod mill-​membri kollha tal-​familja, u xejn ma kont preparata,” tgħid Ruth dwar l-​ewwel tqala tagħha. Peress li hi stess kienet tifla waħedha, ma tantx kienet ħasbet dwar il-​fatt li tkun ġenitur. Fejn setgħet iddur għal pariri li tistaʼ tafdahom?

Mill-banda l-​oħra, Jan, li issa hu missier taʼ żewġt itfal li kibru, jiftakar: “Għall-​ewwel tgħidx kemm ħassejtni kunfidenti. Imma ma domtx ma rrealizzajt li ma tantx kont kapaċi.” Kemm jekk il-​ġenituri ma jħossuhomx kapaċi mill-​bidu u kemm jekk jitilfu l-​fiduċja fihom infushom huma u jrabbu ’l uliedhom, fejn jistgħu jsibu l-​għajnuna għal din it-​trobbija?

Illum, hawn għadd kbir taʼ ġenituri li jfittxu fuq l-​Internet. Però, għandek mnejn titħasseb dwar kemm tistaʼ tafdahom il-​pariri li ssib fuqu. Hemm bżonn li toqgħod attent. Int taf min tassew qed jagħtik il-​pariri fuq l-​Internet? Dawn l-​uħud kemm jirnexxu fit-​trobbija taʼ wliedhom stess? Żgur li trid toqgħod attent meta jkunu involuti kwistjonijiet li jeffettwaw lill-​familja tiegħek. Kultant, bħalma ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, anki l-​pariri mill-​esperti jistgħu jwasslu għad-​diżappunt. Allura, fejn tistaʼ tfittex?

L-aqwa Sors taʼ pariri dwar it-​trobbija tat-​tfal hu Alla Ġeħova, l-​Oriġinatur tal-​familja. (Efesin 3:​15) Hu l-​uniku espert veru. Fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, hu jipprovdi istruzzjoni prattika li tistaʼ tafdaha u li hija tassew effettiva. (Salm 32:8; Isaija 48:​17, 18) Però, jiddependi minna jekk napplikawhiex.

Diversi koppji ntalbu jitkellmu dwar dak li tgħallmu huma u jrabbu lil uliedhom biex isiru adulti bilanċjati li jibżgħu minn Alla. Huma qalu li s-​suċċess tagħhom kien primarjament minħabba li applikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja. Huma sabu li l-​pariri tal-​Bibbja huma taʼ min jafdahom illum daqskemm kienu taʼ min jafdahom għall-​ewwel li nkitbet il-​Bibbja.

Qattaʼ l-​Ħin Magħhom

Meta Catherine, omm taʼ żewġt itfal, intalbet tgħid liema pariri kienu l-​iktar prezzjużi għaliha, hi mill-​ewwel irreferiet għal Dewteronomju 6:7. Il-​vers jgħid: “Tennihom [il-prinċipji tal-​Bibbja] lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” Catherine rrealizzat li biex issegwi dan il-​parir, hi kellha tqattaʼ l-​ħin maʼ wliedha.

Għandek mnejn taħseb li dan ‘hu iktar faċli tgħidu milli tagħmlu.’ Minħabba li ħafna familji għandhom bżonn żewġ pagi biex jipprovdu għall-​familja, kif jistgħu l-​ġenituri mħabbtin iqattgħu iktar ħin maʼ wliedhom? Torlief, li ibnu issa qed irabbi l-​familja tiegħu stess, jgħid li l-​parir li jinsab f’Dewteronomju hu fattur importanti. Ħu lil uliedek miegħek kulfejn tmur, u l-​opportunitajiet biex titkellmu se jiġu b’mod naturali. “Jien u ibni konna naħdmu flimkien fuq proġetti fid-​dar,” jgħid Torlief. “Konna nivvjaġġaw flimkien bħala familja. Konna nieklu flimkien.” Minħabba f’hekk, hu jgħid, “it-​tifel tagħna dejjem ħass li m’għandux għalfejn joqgħod lura milli jesprimi ruħu.”

Imma xi ngħidu jekk ma jkunx hemm komunikazzjoni u tħossukom tqal biex titkellmu? Dan kultant jiġri hekk kif it-​tfal jibdew jitfarfru. Għal darb’oħra se jkun t’għajnuna li tqattaʼ l-​ħin magħhom. Ken, ir-​raġel taʼ Catherine, jiftakar li meta bintu saret adoloxxenti, hi kienet tilmenta li hu ma kienx jagħti kas dak li tgħid. Dan l-​ilment hu komuni fost l-​adoloxxenti. X’setaʼ jagħmel? Ken jiftakar: “Iddeċidejt li nqattaʼ iktar ħin magħha waħedna, niddiskutu l-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​frustrazzjonijiet tagħha. Dan kien tassew t’għajnuna.” (Proverbji 20:5) Madankollu, Ken jemmen li r-​raġuni għala rnexxa dan il-​metodu kienet li l-​komunikazzjoni f’darhom ma kinitx xi ħaġa ġdida. “Jien u binti dejjem kellna relazzjoni tajba,” jgħid hu, “allura ħassitha komda titkellem miegħi.”

Huwa interessanti li studju reċenti rrapporta li hemm it-​triplu t’adoloxxenti milli ġenituri li jgħidu li l-​ġenituri u t-​tfal ma jqattgħux ħin biżżejjed flimkien. Allura għala ma ssegwix il-​parir tal-​Bibbja? Qattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin maʼ wliedek​—meta tistrieħ u meta taħdem, meta tkun id-​dar u meta tivvjaġġa, fil-​għodu meta tqum u fil-​għaxija qabel ma tidħol torqod. Jekk inhu possibbli, ħudhom miegħek kulfejn tmur. Bħalma jindika Dewteronomju 6:7, m’hemm xejn aqwa milli tqattaʼ l-​ħin maʼ wliedek.

Għallimhom Valuri Xierqa

Mario, missier taʼ tnejn, b’mod simili jagħti l-​parir: “Uri ħafna mħabba maʼ wliedek, u aqralhom.” Madankollu, ma tridx biss tqanqal il-​fakultajiet mentali taʼ wliedek. Trid tgħallimhom kif jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Mario jżid: “Studja l-​Bibbja magħhom.”

Għal din ir-​raġuni, il-​Bibbja twissi lill-​ġenituri: “Tirritawx lil uliedkom, imma rabbuhom bit-​tenerezza permezz taʼ taħriġ u pariri Kristjani veri.” (Efesin 6:​4, Weymouth) F’ħafna djar ma jiġix enfasizzat it-​taħriġ morali. Xi wħud jemmnu li meta t-​tfal tagħhom jikbru, huma se jkunu jistgħu jiddeċiedu għalihom infushom liema valuri għandhom jaċċettaw. Taħseb li dan hu raġunevoli? Sewwasew bħalma l-​ġisem taʼ tarbija għandu bżonn nutriment xieraq biex din tikber b’saħħitha, hekk ukoll l-​imħuħ u l-​qlub taż-​żgħar għandhom bżonn it-​taħriġ. Jekk uliedek ma jitgħallmux il-​valuri morali mid-​dar, huma probabbilment se jadottaw il-​ħarsa taʼ sħabhom taʼ l-​iskola u l-​għalliema jew taʼ dak li jaraw fuq il-​mezzi tax-​xandir.

Il-Bibbja tistaʼ tgħin lill-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom kif jagħrfu jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. (2 Timotju 3:​16, 17) Jeff, anzjan Kristjan taʼ l-​esperjenza li rabba żewġt itfal, ifaħħar l-​użu tal-​Bibbja biex it-​tfal jitgħallmu valuri morali xierqa. Hu jgħid: “Meta tintuża l-​Bibbja, it-​tfal jiġu megħjunin jirrealizzaw kif iħossu l-​Ħallieq dwar xi kwistjoni, mhux biss x’jaħsbu l-​mamà u l-​papà. Dak li nnotajna hu l-​effett uniku tal-​Bibbja fuq il-​moħħ u l-​qalb. Biex inkunu nafu kif għandna nittrattaw imġiba u ħsibijiet ħżiena, aħna ħadna l-​ħin biex insibu skrittura adattata. Imbagħad, konna nħallu lit-​tfal jaqrawha fil-​privat. Spiss kienet taqbżilhom xi demgħa jew anki kienu jinfexxu jibku. Aħna konna nibqgħu skantati. Il-​Bibbja kienet teffettwahom ħafna iktar minn kulma stajna ngħidu jew nagħmlu aħna.”

Ebrej 4:​12 jispjega: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija . . . u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” Għalhekk, il-​messaġġ tal-​Bibbja m’huwiex sempliċement magħmul mill-​ħarsa persunali jew l-​esperjenza tal-​bnedmin li Alla uża bħala l-​kittieba. Minflok, dan jirrappreżenta l-​ħsibijiet t’Alla fuq kwistjonijiet morali. Dan jagħmel il-​pariri tal-​Bibbja differenti mill-​pariri l-​oħrajn kollha. Meta tuża l-​Bibbja biex tgħallem lil uliedek, int tkun qed tgħinhom jitgħallmu l-​ħarsa t’Alla dwar il-​kwistjonijiet. It-​taħriġ tiegħek ikun iktar effettiv, u se jkollok ċans akbar li tmiss qalb uliedek.

Catherine, li ssemmiet qabel, taqbel maʼ dan. Hi tgħid: “Iktar ma kienet tkun diffiċli s-​sitwazzjoni, iktar konna nfittxu l-​gwida tal-​Kelma t’Alla​—u konna nirnexxu!” Tistaʼ int tuża iktar il-​Bibbja biex tgħallem lil uliedek jagħrfu t-​tajjeb u l-​ħażin?

Kun Raġunevoli

L-​appostlu Pawlu jsemmi prinċipju importanti ieħor li huwa t’għajnuna fit-​trobbija tat-​tfal. Hu ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Filippin 4:5) Dan żgur li jinkludi li nħallu lil uliedna jaraw li aħna raġunevoli. U ftakar, ir-​raġunevolezza tirrifletti “l-​għerf li ġej minn fuq.”​—Ġakbu 3:​17.

Però, ir-​raġunevolezza kif inhi marbuta mat-​taħriġ taʼ wliedna? Waqt li nagħtuhom l-​għajnuna kollha li nistgħu, aħna ma nikkontrollawx l-​azzjonijiet kollha tagħhom. Per eżempju, Mario, li kkwotajnieh qabel, hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u jiftakar: “Dejjem inkuraġġejna lil uliedna biex jitgħammdu, jidħlu fil-​ministeru full-time, u jagħmlu miri spiritwali oħrajn. Imma aħna wrejniehom b’mod ċar li dawn kellhom ikunu l-​għażla tagħhom meta jasal il-​waqt.” B’liema riżultat? Issa wliedhom it-​tnejn li huma jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time.

Il-Bibbja twissi lill-​missirijiet f’Kolossin 3:​21: “Iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.” Catherine tgħożżu dan il-​vers. Meta l-​ġenitur ikun se jitlef il-​paċenzja, huwa faċli li jibda jordna jew jirrabja. Imma hi tgħid, “tistenniex li wliedek jagħmlu daqskemm tagħmel int.” Catherine ukoll hija waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u hi żżid: “Ara li s-​servizz lil Ġeħova jkun xi ħaġa pjaċevoli.”

Jeff, li ssemma qabel, jagħti dan is-​suġġeriment prattiku: “Hekk kif uliedna bdew jikbru, ħabib kbir tagħna qalilna li rrealizza li kemm-il darba kien ikollu jgħid le lil uliedu. Dan kien idejjaqhom, u huma kienu jispiċċaw iħossuhom ristretti. Biex jevita dan, hu tana l-​parir li dejjem infittxu modi biex inkunu nistgħu ngħidulhom iva.

Jeff jgħid: “Aħna rajna li dan il-​parir kien wieħed tajjeb. Imbagħad bdejna nfittxu opportunitajiet biex uliedna jkunu jistgħu jagħmlu xi ħaġa m’oħrajn f’ċirkustanzi li aħna konna naqblu magħhom. Allura aħna konna mmorru ħdejhom u ngħidulhom, ‘Kont taf li dak l-​individwu qed jorganizza xi ħaġa? Għala ma tmurx int ukoll?’ Jew jekk it-​tfal kienu jitolbuna niħduhom xi mkien, aħna sforzajna lilna nfusna biex immorru anki jekk konna nkunu għajjenin. Konna nagħmlu dan sempliċement biex ma ngħidulhomx le.” Hekk ifisser li tkun raġunevoli​—li timxi b’mod imparzjali, b’konsiderazzjoni, u ċċedi mingħajr ma tagħmel kompromess fejn jidħlu l-​prinċipji Bibliċi.

Ibbenefika minn Pariri li Tistaʼ Tafdahom

Ħafna minn dawn il-​koppji issa huma nanniet. Huma jifirħu meta jaraw li l-​istess prinċipji Bibliċi jgħinu lil uliedhom biex jirnexxu bħala ġenituri. Tistaʼ int tibbenefika mill-​pariri tal-​Bibbja?

Meta Ruth, li semmejnieha fil-​bidu, saret omm, hi u żewġha kultant kienu jħossuhom waħedhom. Imma ma kinux waħedhom. Huma kellhom il-​pariri superjuri tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova pproduċew ħafna għajnuniet mill-​aqwa għall-​istudju tal-​Bibbja li jistgħu jgħinu lill-​ġenituri. Dawn jinkludu l-​kotba Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir, Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja, Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu​—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, u L-​Aqwa Bniedem li Qatt Għex. Torlief, ir-​raġel taʼ Ruth, jgħid: “Illum hemm abbundanza taʼ pariri mill-​Bibbja li l-​ġenituri jistgħu jiksbu faċilment. Kulma jridu jagħmlu hu li jużawhom, u b’dan il-​mod ikollhom l-​għajnuna biex ikampaw maʼ kull aspett tal-​ħajja hekk kif it-​tfal jibdew jikbru.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]

Dak li Jgħidu l-​ESPERTI . . . Dak li Tgħid il-​BIBBJA

Dwar it-​Turija taʼ l-​Affezzjoni:

F’The Psychological Care of Infant and Child (1928), it-​Tabib John Broadus Watson ħeġġeġ lill-​ġenituri: “Qatt tgħannqu u tbusu” lil uliedkom. “Qatt tħalluhom joqogħdu bil-​qiegħda f’ħoġorkom.” Madankollu, reċentement, it-​tobba Vera Lane u Dorothy Molyneaux qalu fir-​rivista Our Children (Marzu 1999): “Ir-​riċerka tindika li t-​tfal żgħar li jkunu mċaħħdin mill-​kuntatt fiżiku u mit-​turijiet t’affezzjoni spiss ma jispiċċawx tajjeb.”

B’kuntrast, Isaija 66:12 jirreferi għal Alla bħala li juri l-​imħabba tiegħu għall-​poplu tiegħu permezz t’espressjoni taʼ mħabba bħal taʼ ġenitur. B’mod simili, meta d-​dixxipli taʼ Ġesù pprovaw iwaqqfu lin-​nies milli jġibu lit-​tfal għand Ġesù, hu kkoreġiehom, u qalilhom: “Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom.” Imbagħad, “ħaddan it-​tfal miegħu u beda jberikhom.”​—Marku 10:​14, 16.

Dwar it-​Tagħlim taʼ Valuri Xierqa:

F’artiklu fin-​New York Times Magazine fl-​1969, il-​psikologu Bruno Bettelheim enfasizza li t-​tfal għandhom “id-​dritt li jifformaw l-​opinjonijiet ġewwinija tagħhom infushom, mhux influwenzati mill-​[ippridkar] b’awtorità [tal-ġenituri], imma biss mill-​esperjenza diretta tagħhom stess fil-​ħajja.” Però, kważi 30 sena wara, it-​Tabib Robert Coles, awtur taʼ The Moral Intelligence of Children (1997), irrikonoxxa: “It-​tfal għandhom bżonn kbir taʼ sens taʼ skop u direzzjoni f’ħajjithom, lista taʼ valuri” approvati mill-​ġenituri tagħhom u minn adulti oħrajn.

Proverbji 22:6 jħeġġeġ lill-​ġenituri: “Ħarreġ tifel jimxi fit-​triq it-​tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” Il-​kelma Ebrajka tradotta “ħarreġ” tfisser ukoll “ibda” u hawnhekk tindika l-​bidu taʼ l-​ewwel taħriġ tat-​tfal. Għalhekk, il-​ġenituri huma inkuraġġiti biex jibdew jgħallmu lil uliedhom valuri xierqa mit-​tfulija ’l quddiem. (2 Timotju 3:​14, 15) Dak li jitgħallmu matul dawn is-​snin li jifformawlhom il-​karattru x’aktarx li se jibqaʼ magħhom għal ħajjithom kollha.

Dwar id-​Dixxiplina:

It-​Tabib James Dobson kiteb f’The Strong-Willed Child (1978): “Il-​kastig permezz taʼ swat minn ġenitur li jħobb huwa għodda taʼ tagħlim li biha l-​imġiba taʼ ħsara tistaʼ tiġi kontrollata.” Mill-​banda l-​oħra, f’artiklu meħud mis-​sebaʼ edizzjoni tal-​ktieb popolari Baby and Child Care (1998), Dr. Benjamin Spock qal: “Meta tagħti xebgħa lit-​tfal tkun qed tgħallimhom li l-​persuna li tkun l-​akbar u l-​iktar b’saħħitha għandha l-​qawwa biex tara li tgħaddi tagħha, fit-​tajjeb u fil-​ħażin.”

Dwar id-​dixxiplina, il-​Bibbja tgħid: “Il-​bastun u t-​twiddib jagħmlu l-​għorrief.” (Proverbji 29:15) Madankollu, mhux it-​tfal kollha jeħtieġu kastig fiżiku. Proverbji 17:10 jgħidilna: “Ċanfira waħda tolqot aktar lill-​għaqli, minn mitt daqqa lill-​iblah.”

[Stampa]

Uża l-​Bibbja biex tmiss il-​qalb

[Stampa f’paġna 7]

Ġenituri għaqlin jorganizzaw ir-​rikreazzjoni għal uliedhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja