“Issaħħu fil-Mulej”
“Issaħħu fil-Mulej, u fil-qawwa tas-setgħa tiegħu.”—EFESIN 6:10, KŻ.
1. (a) Liema ġlieda straordinarja seħħet madwar 3,000 sena ilu? (b) David għala ħareġ rebbieħ?
MADWAR 3,000 sena ilu, żewġ ġellieda ffaċċjaw lil xulxin bejn żewġ armati opposti fil-kamp tal-battalja. Iż-żgħir kien ragħaj żagħżugħ jismu David. Wieqaf quddiemu kien hemm Gulija, raġel taʼ saħħa u statura mhux tas-soltu. L-armatura tiegħu kienet tiżen 57 kilogramma, u kellu lanza daqsiex u xabla kbira. David ma kien liebes l-ebda armatura, u l-unika arma li kellu kienet żbandola. Il-ġgant Filisti, Gulija, ħassu offiż li l-Iżraeli li sfidah kien biss daqsxejn taʼ żagħżugħ. (1 Samwel 17:42-44) Għal dawk fuq iż-żewġ naħat, li kienu qed jaraw x’inhu jiġri, kien jidher ċar x’se jkun it-tmiem. Imma s-setgħana mhux dejjem jirbħu l-battalja. (Koħèlet 9:11) David ħareġ rebbieħ għax iġġieled bis-saħħa taʼ Jehovah. Hu qal, “Il-gwerra f’idejn il-Mulej.” Ir-rakkont Bibliku jgħid li “David . . . bi żbandola u b’ċagħqa [“wera li kien iktar b’saħħtu mill-Filisti,” NW].”—1 Samwel 17:47, 50.
2. Il-Kristjani f’liema tip taʼ ġlieda jieħdu sehem?
2 Il-Kristjani ma jiħdux sehem fi gwerer fiżiċi. Għalkemm jgħixu fil-paċi maʼ kulħadd, huma għandhom taqbida spiritwali m’opponenti qawwijin ħafna. (Rumani 12:18) Fl-aħħar kapitlu taʼ l-ittra tiegħu lill-Efesin, Pawlu ddeskriva ġlieda li tinvolvi lil kull Kristjan. Hu kiteb: “Għax il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet taʼ din id-dinja taʼ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.”—Efesin 6:12.
3. Skond Efesin 6:10 (KŻ), x’għandna bżonn nagħmlu biex ikollna garanzija li se nirbħu?
3 Dawk “l-ispirti ħżiena” huma Satana u d-demonji, li jixtiequ jeqirdu r-relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah. Ladarba huma ferm iżjed b’saħħithom minna, aħna qegħdin f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ David u ma nistgħux nirbħu jekk ma nistriħux fuq Alla għas-saħħa. Tabilħaqq, Pawlu jħeġġiġna biex inkomplu ‘nissaħħu fil-Mulej, u fil-qawwa tas-setgħa tiegħu.’ (Efesin 6:10, KŻ) Wara li jagħti dan il-parir, l-appostlu jiddeskrivi l-provvedimenti spiritwali u l-kwalitajiet Kristjani li jgħinuna noħorġu rebbiħin.—Efesin 6:11-17.
4. Liema żewġ punti prinċipali se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
4 Issa ejja nanalizzaw x’tgħid l-Iskrittura dwar il-qawwiet u t-tattiki taʼ l-għadu tagħna. Imbagħad nikkunsidraw l-istrateġija li għandna bżonn nużaw biex niddefendu u nipproteġu ruħna. Jekk insegwu l-istruzzjonijiet taʼ Jehovah, nistgħu nkunu fiduċjużi li l-għedewwa tagħna m’humiex se jegħlbuna.
Ġlieda Kontra l-Ispirti Ħżiena
5. Il-mod kif il-lingwa oriġinali f’Efesin 6:12 tiddeskrivi din il-ġlieda kif jgħinna nifhmu l-istrateġija taʼ Satana?
5 Pawlu jispjega li “l-ġlieda tagħna [hi] . . . kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.” M’għandniex xi ngħidu, l-ispirtu mill-agħar ewlieni hu Satana x-Xitan, “il-Prinċep tax-xjaten.” (Mattew 12:24-26) Fil-lingwa oriġinali, il-Bibbja tiddeskrivi l-ġlieda tagħna bħala wrestling, jew sarâr. Fil-logħob tar-wrestling li kien isir fil-Greċja tal-qedem, kull parteċipant kien jipprova jġiegħel lill-opponent tiegħu jitlef il-bilanċ sabiex iwaqqgħu fl-art. Bl-istess mod, ix-Xitan iridna nitilfu l-bilanċ spiritwali tagħna. Kif jistaʼ jġagħalna nitilfuh?
6. Uri mill-Iskrittura kif ix-Xitan jistaʼ juża tattiki differenti sabiex idgħajfilna l-fidi tagħna.
6 Ix-Xitan jistaʼ jaġixxi bħal serp, bħal iljun jgħajjat, jew saħansitra bħal anġlu tad-dawl. (2 Korintin 11:3, 14; 1 Pietru 5:8) Hu jistaʼ juża l-bnedmin biex jippersegwitawna jew jaqtgħulna qalbna. (Apokalissi 2:10) Ladarba Satana għandu d-dinja kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, hu jistaʼ jagħmel użu sħiħ mix-xewqat u l-ġibdiet tagħha sabiex jaqbadna f’nassa. (2 Timotju 2:26; 1 Ġwanni 2:16; 5:19) Hu jistaʼ juża l-ħsibijiet tad-dinja jew taʼ l-apostati biex iqarraq bina, sewwasew bħalma qarraq b’Eva.—1 Timotju 2:14.
7. X’limitazzjonijiet għandhom id-demonji, u aħna x’vantaġġi ngawdu?
7 Għalkemm l-armi u l-qawwa taʼ Satana u d-demonji tiegħu jistgħu jidhru b’saħħithom wisq għalina, huma għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom. Dawn l-ispirti mill-agħar ma jistgħux iġagħluna nagħmlu affarijiet ħżiena li ma jogħġbux lil Missierna tas-sema. Aħna ġejna maħluqin bil-kapaċità li nagħżlu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u għandna l-kontroll fuq il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. Iktar minn hekk, m’aħniex waħedna fil-ġlieda. Dak li kien minnu fi żmien Eliżew hu minnu wkoll fi żmienna: “Hemm . . . aktar magħna milli magħhom.” (2 Slaten 6:16) Il-Bibbja taċċertana li jekk nissottomettu lilna nfusna lejn Alla u nieqfu lix-Xitan, dan se jaħrab minna.—Ġakbu 4:7.
Konxji tal-Ħsibijiet taʼ Satana
8, 9. Satana liema provi ġab fuq Ġob sabiex ikissirlu l-integrità tiegħu, u liema perikli spiritwali niffaċċjaw illum?
8 Aħna nafu bil-ħsibijiet, jew pjanijiet, taʼ Satana għax l-Iskrittura tikxef it-tattiki bażiċi tiegħu. (2 Korintin 2:11) Kontra r-raġel ġust Ġob, ix-Xitan uża problemi ekonomiċi kbar, il-mewt taʼ wħud maħbubin, l-oppożizzjoni fil-familja, it-tbatija fiżika, u l-kritika mhux ġustifikata minn ħbieb foloz. Ġob kien dipress u ħass li Alla kien abbandunah. (Ġob 10:1, 2) Għalkemm illum Satana għandu mnejn ma jaqlax dawn il-problemi direttament, ħafna Kristjani jintlaqtu minn diffikultajiet bħal dawn, u x-Xitan jistaʼ jużahom għall-vantaġġ tiegħu.
9 Il-perikli spiritwali żdiedu b’pass mgħaġġel f’dan iż-żmien tat-tmiem. Aħna ngħixu f’dinja fejn il-ġiri wara l-affarijiet materjali jiġi qabel il-miri spiritwali. Il-mezzi tax-xandir jibqgħu jpinġu s-sess illeċitu bħala sors taʼ hena minflok taʼ qsim il-qalb. U l-maġġuranza saru “jħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.” (2 Timotju 3:1-5) Dan il-mod taʼ ħsieb jistaʼ jhedded il-bilanċ spiritwali tagħna jekk ma ‘niġġildux bl-aħrax għall-fidi.’—Ġuda 3, NW.
10-12. (a) X’kienet waħda mit-twissijiet li ta Ġesù fit-tixbiha tiegħu dwar ir-raġel li ħareġ jiżraʼ? (b) Uri kif il-valuri spiritwali jistgħu jinħonqu.
10 Waħda mill-iktar tattiki li jirnexxu taʼ Satana hija dik li jaljenana permezz taʼ din id-dinja u bil-ġiri materjalistiku tagħha. Fit-tixbiha tiegħu dwar ir-raġel li ħareġ jiżraʼ, Ġesù wissa li f’xi każi ‘l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid taʼ l-art joħonqu l-kelma’ tas-Saltna. (Mattew 13:18, 22) Il-kelma Griega li hawnhekk hi tradotta ‘joħonqu’ tfisser “tgħallaq kompletament.”
11 Fil-foresti tropikali, wieħed jistaʼ jsib tip taʼ siġra tat-tin li toħnoq siġar oħrajn. Din is-siġra tikber bil-mod waqt li tixxeblek maz-zokk tas-siġra li tgħix minn fuqha. Ftit ftit l-għeruq tat-tina, li jibqgħu jissaħħu, idawru s-siġra l-oħra u jgħattuha. Il-ħafna għeruq tat-tina eventwalment jassorbu l-biċċa l-kbira tas-sustanzi tal-ħamrija mal-bażi tas-siġra, filwaqt li l-friegħi jgħattulha d-dawl. Fl-aħħar, is-siġra l-oħra tmut.
12 B’mod simili, l-ansjetajiet taʼ din is-sistema u t-tfittxija għall-għana u stil taʼ ħajja komdu jistgħu bil-mod il-mod jiħdulna iktar u iktar mill-ħin u l-enerġija tagħna. Bl-attenzjoni tagħna mitfugħa fuq l-affarijiet tad-dinja, nistgħu faċilment nittraskuraw l-istudju persunali tal-Bibbja u niħduha drawwa li nitilfu l-laqgħat Kristjani. B’hekk, ninqatgħu min-nutriment spiritwali. Il-miri materjalistiċi issa jkunu ħadu post l-attivitajiet spiritwali, u fl-aħħar insiru priża faċli għal Satana.
Jeħtieġ li Niqfulu
13, 14. Liema waqfa rridu nieħdu meta jopponina Satana?
13 Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin biex ‘jieqfu għat-tnassis tax-Xitan.’ (Efesin 6:11) M’għandniex xi ngħidu, aħna ma nistgħux neqirdu lix-Xitan u d-demonji tiegħu. Alla ta dan l-inkarigu lil Ġesù Kristu. (Apokalissi 20:1, 2) Madankollu, sakemm Satana jitneħħa min-nofs, irridu nibqgħu ‘niqfulu’ sabiex l-attakki tiegħu ma jegħlbuniex.
14 L-appostlu Pietru wkoll enfasizza l-bżonn li nieqfu lil Satana. “Kunu meqjusa u għassu,” kiteb Pietru. “L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ. Iqfulu, sħaħ fil-fidi. Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess tbatijiet tagħkom.” (1 Pietru 5:8, 9) Fil-fatt, l-appoġġ taʼ ħutna spiritwali huwa vitali għalina biex inkunu nifilħu nieqfu lix-Xitan meta dan jattakkana bħal iljun jgħajjat.
15, 16. Agħti eżempju Skritturali biex turi kif l-appoġġ taʼ sħabna l-Kristjani jistaʼ jgħinna nżommu sod.
15 Fil-pjanuri taʼ l-Afrika, meta jkun hemm xi ljun jgħajjat fil-viċin, iċ-ċriev jirreaġixxu billi jitilqu jiġru kemm jifilħu sakemm ikunu ’l bogħod mill-periklu. Madankollu, l-iljunfanti huma t’eżempju fil-mod kif jgħinu u jappoġġaw lil xulxin. Il-ktieb Elephants—Gentle Giants of Africa and Asia jispjega li normalment l-iljunfanti f’merħla jiddefendu ruħhom billi jifformaw ċirku, bl-iljunfanti l-kbar fuq barra, wiċċhom lejn it-theddida, u ż-żgħar protetti f’nofshom. X’ħin l-iljuni jaraw il-qawwa taʼ l-iljunfanti u l-appoġġ li dawn jagħtu lil xulxin, rari jattakkaw saħansitra lill-iljunfanti ż-żgħar.
16 B’mod simili, meta nkunu mheddin minn Satana u d-demonji tiegħu, irridu nibqgħu flimkien, spalla maʼ spalla maʼ ħutna li huma sodi fil-fidi. Pawlu qal li xi wħud minn sħabu l-Kristjani taw prova li kienu ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għalih fiż-żmien li għamel il-ħabs f’Ruma. (Kolossin 4:10, 11, NW) Il-kelma Griega tradotta ‘għajnuna li ssaħħaħ’ tidher darba biss fl-Iskrittura Griega Kristjana. Skond l-Expository Dictionary of New Testament Words taʼ Vine, “forma verbali tal-kelma tfisser mediċina li ttaffi l-irritazzjoni.” Bħal ingwent li jtaffi l-uġigħ, l-appoġġ li jagħtu aduraturi maturi taʼ Jehovah jistaʼ jnaqqas l-uġigħ kaġunat minn tbatija fiżika jew emozzjonali.
17. X’jistaʼ jgħinna nuru fedeltà lejn Alla?
17 Illum l-inkuraġġiment minn sħabna l-Kristjani jistaʼ jsaħħilna d-determinazzjoni tagħna biex naqdu lil Alla fedelment. L-anzjani Kristjani huma ħerqana b’mod speċjali biex jagħtuna l-għajnuna spiritwali. (Ġakbu 5:13-15) Fost l-għajnuniet li għandna biex nuru fedeltà hemm l-istudju regulari tal-Bibbja u l-attendenza għal-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet Kristjani. Ir-relazzjoni mill-qrib tagħna m’Alla tgħinna nibqgħu nuru fedeltà. Tabilħaqq, sew jekk nieklu, sew jekk nixorbu, nagħmlu x’nagħmlu, għandna nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla. (1 Korintin 10:31) Naturalment, li nistrieħu fuq Jehovah bit-talb hu essenzjali biex inkomplu ngħixu b’tali mod li nogħġbuh.—Salm 37:5.
18. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna saħansitra jekk nispiċċaw bla saħħa minħabba ċirkustanzi taʼ niket?
18 Kultant, l-attakki taʼ Satana jiġu meta ma nħossuniex b’saħħitna spiritwalment. L-iljun jaqbeż fuq annimal dgħajjef. Il-problemi fil-familja, id-diffikultajiet ekonomiċi, jew il-mard jistgħu jħalluna bla saħħa spiritwalment. Imma ejja ma naqtgħux qalbna u nkomplu nagħmlu dak li jogħġob lil Alla, għax Pawlu qal: “Meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.” (2 Korintin 12:10; Galatin 6:9; 2 Tessalonikin 3:13) X’ried ifisser? Hu ried jgħid li l-qawwa t’Alla tistaʼ tagħmel tajjeb għad-dgħjufijiet umani tagħna, dment li nduru lejn Jehovah għas-saħħa. Ir-rebħa taʼ David fuq Gulija turi li Alla kapaċi jsaħħaħ lill-poplu tiegħu u li fil-fatt hekk jagħmel. Ix-Xhieda taʼ Jehovah taʼ żmienna jistgħu jixhdu li f’mumenti taʼ kriżi estrema ħassew l-id t’Alla ssaħħaħhom.—Danjel 10:19.
19. Agħti eżempju biex turi kif Jehovah jistaʼ jsaħħaħ lill-qaddejja tiegħu.
19 Rigward l-appoġġ li tahom Alla, tnejn miżżewġin qalu: “Matul is-snin, aħna qdejna lil Jehovah bħala koppja miżżewġa, u gawdejna ħafna barkiet u sirna nafu ħafna nies mill-aħjar. Ġejna wkoll imħarrġin u msaħħin minn Jehovah biex nissaportu d-diffikultajiet b’suċċess. Bħal Ġob, mhux dejjem fhimna għala l-affarijiet ġraw kif ġraw, imma konna nafu li Jehovah kien dejjem lest biex jgħinna.”
20. Liema prova Skritturali turi li Jehovah dejjem jgħin lill-poplu tiegħu?
20 Id Jehovah m’hijiex qasira żżejjed biex tgħin u ssaħħaħ lill-poplu leali tiegħu. (Isaija 59:1) Is-salmista David kanta: “Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqaʼ, iqajjem ’il kull min hu mitluq.” (Salm 145:14) Tabilħaqq, Missierna tas-sema kuljum “jieħu ħsiebna” u jipprovdilna dak li għandna bżonn.—Salm 68:20 (68:19, NW).
Neħtieġu l-Armatura Kollha t’Alla
21. Pawlu kif enfasizza l-bżonn taʼ l-armatura spiritwali?
21 Għadna kemm ikkunsidrajna xi ftit mill-metodi taʼ Satana u rajna l-bżonn li niqfulu minkejja l-attakki tiegħu. Issa rridu nikkunsidraw għajnuna vitali oħra li għandna biex niddefendu l-fidi tagħna b’suċċess. Fl-ittra tiegħu lill-Efesin, l-appostlu Pawlu semma darbtejn fattur essenzjali li neħtieġu biex inkunu nifilħu nieqfu għat-tnassis taʼ Satana u biex nirnexxu fil-ġlieda tagħna kontra l-ispirti mill-agħar. Pawlu kiteb: “Ilbsu l-armatura [“kollha,” KŻ] taʼ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan . . . Ħudu fuqkom l-armatura [“kollha,” KŻ] taʼ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, żżommu weqfin.”—Efesin 6:11, 13.
22, 23. (a) X’tinkludi l-armatura spiritwali tagħna? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
22 Iva, aħna għandna bżonn nilbsu “l-armatura [“kollha,” “KŻ”] taʼ Alla.” (Korsiv tagħna.) Meta Pawlu kiteb l-ittra tiegħu lill-Efesin, hu kien mgħasses minn suldat Ruman, li xi drabi għandu mnejn kien jilbes l-armatura kollha. Madankollu, kien b’ispirazzjoni divina li l-appostlu ġie mqanqal jiddiskuti l-armatura spiritwali li kull qaddej taʼ Jehovah jeħtieġ b’mod vitali.
23 Din l-armatura mogħtija minn Alla tinkludi l-kwalitajiet li għandu jkollu kull Kristjan kif ukoll il-provvedimenti spiritwali taʼ Jehovah. Fl-artiklu li jmiss se neżaminaw l-armatura spiritwali biċċa biċċa. Dan se jgħinna niddeterminaw kemm aħna armati għall-gwerra spiritwali tagħna. Fl-istess ħin se naraw kif l-eżempju mill-aqwa taʼ Ġesù Kristu jgħinna nieqfu b’suċċess lil Satana x-Xitan.
Int Kif Twieġeb?
• Il-Kristjani kollha liema ġlieda għandhom?
• Iddeskrivi xi ftit mit-tattiki taʼ Satana.
• Kif jistaʼ jsaħħaħna l-appoġġ taʼ sħabna fit-twemmin?
• Fuq is-saħħa taʼ min irridu nistrieħu, u għala?
[Stampi f’paġna 11]
Il-Kristjani għandhom ‘ġlieda kontra l-ispirti ħżiena’
[Stampa f’paġna 12]
L-ansjetajiet taʼ din is-sistema jistgħu joħonqu l-kelma tas-Saltna
[Stampa f’paġna 13]
Il-Kristjani sħabna jistgħu jkunu ‘għajnuna li ssaħħaħ’
[Stampa f’paġna 14]
Titolbu lil Alla biex isaħħek?