Tistaʼ Tikkontrolla d-Destin Tiegħek?
HUWA d-destin finali tagħna diġà determinat? Ma jistax il-futur tagħna jiġi effettwat mill-għażliet li nagħmlu fil-ħajja?
Nagħmlu mod li l-bniedem jistaʼ jagħġen xortih. F’dan il-każ, jistaʼ xi individwu jintgħażel minn qabel biex jagħmel biċċa xogħol speċifika jew ikollu ċerta kariga? U kif jistaʼ Alla jwettaq ir-rieda tiegħu għall-art jekk il-bnedmin kienu ħielsa li jikkontrollaw id-destin tagħhom? Il-Bibbja tipprovdi tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet.
Il-Predestinazzjoni u l-Libertà taʼ l-Għażla—it-Tnejn Korretti?
Ikkunsidra kif għamilna Alla Ġeħova. “Fuq xbihat Alla ħalqu [lill-bniedem], raġel u mara ħalaqhom,” tgħid il-Bibbja. (Ġenesi 1:27) Peress li maħluqin fuq ix-xbieha t’Alla, aħna nistgħu nirriflettu l-kwalitajiet tiegħu, bħall-imħabba, il-ġustizzja, l-għerf, u l-qawwa. Alla tana wkoll ir-rigal tal-libertà taʼ l-għażla, jew ir-rieda ħielsa. Dan jagħmilna uniċi fost il-ħolqien tiegħu taʼ l-art. Nistgħu nagħżlu jekk aħniex se nsegwu l-gwida morali t’Alla jew le. Kien għalhekk li l-profeta Mosè setaʼ jgħid: “Nsejjaħ illum is-sema u l-art b’xhieda kontrikom: il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u tismaʼ l-kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu.”—Dewteronomju 30:19, 20.
Però, ir-rigal tal-libertà taʼ l-għażla ma jfissirx libertà assoluta. Ma jeħlisniex minn liġijiet fiżiċi u morali li Alla għamel għall-istabbilità u l-paċi taʼ l-univers. Dawn il-liġijiet saru għall-ġid tagħna, u jekk jinkisru, ir-riżultat jistaʼ jkun li nġarrbu konsegwenzi serji. Aħseb ftit x’jiġri li kieku kellna nagħżlu li ninjoraw il-liġi tal-gravità u naqbżu minn fuq xi bejt taʼ bini għoli!—Galatin 6:7.
Il-libertà taʼ l-għażla torbotna wkoll b’ċerti responsabbiltajiet li ħlejjaq mingħajr dan it-tip taʼ libertà m’għandhomx. Il-kittieb Corliss Lamont jistaqsi: “Kif nistgħu ngħidu li l-bnedmin għandhom responsabbiltà morali, u nikkastigawhom għall-ħażen tagħhom, jekk naċċettaw . . . li l-għażliet u l-azzjonijiet tagħhom jiġu determinati minn qabel?” Ovvjament ma nistgħux. Annimali kontrollati mill-istint m’humiex responsabbli moralment għal dak li jagħmlu. Lanqas il-kompjuters ma jridu jagħtu kont għal dak li huma programmati jagħmlu. Mela, il-libertà taʼ l-għażla tqiegħed responsabbiltà kbira fuqna u minħabba fiha rridu nagħtu kont għall-azzjonijiet tagħna.
Kemm ma kienx ikun ġust u jħobb Alla Ġeħova kieku qabel twelidna ddetermina dak li konna se nagħmlu u mbagħad iżommna responsabbli għall-azzjonijiet tagħna! Dan ma jagħmlux, għaliex “Alla hu mħabba,” u “lkoll ġusti t-triqat tiegħu.” (1 Ġwanni 4:8; Dewteronomju 32:4) Meta tana l-libertà taʼ l-għażla, hu ma qabadx u fl-istess ħin ‘iddetermina mill-eternità lil min kien se jsalva u lil min kien se jikkundanna,’ bħalma jsostnu dawk li jemmnu fil-predestinazzjoni. Il-libertà taʼ l-għażla ma tħallix wisaʼ għall-predestinazzjoni.
Il-Bibbja turi ċar li l-għażliet li nagħmlu jibdlu d-destin tagħna. Per eżempju, Alla jappella lil dawk li jagħmlu l-ħażen, u jgħid: “Erġgħu lura, kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħażen taʼ għemilkom, . . . u jien ma nagħmlilkomx ħsara.” (Ġeremija 25:5, 6) Dan l-appell kien ikun bla sens kieku Alla kien diġà ħejja d-destin taʼ kull individwu. Iktar minn hekk, il-Kelma t’Alla tgħid: “Indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom, u b’hekk jiġu staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova nnifsu.” (Atti 3:19) Ġeħova għala kieku kien se joqgħod jitlob lin-nies biex jindmu u jduru lura kieku kien jaf minn qabel li ma setgħu jagħmlu assolutament xejn biex jibdlu d-destin tagħhom?
L-Iskrittura titkellem dwar xi wħud li Alla jistidinhom isaltnu fis-sema maʼ Ġesù Kristu. (Mattew 22:14; Luqa 12:32) Madankollu, il-Bibbja tgħid li se jitilfu l-privileġġ jekk ma jissaportux sa l-aħħar. (Rivelazzjoni 2:10) Għala kien Alla se jistidinhom kieku diġà kien iddeċieda li ma kinux se jintgħażlu? Ikkunsidra wkoll il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu lil sħabu fit-twemmin. Hu kiteb: “Jekk wara li nkunu rċivejna l-għarfien eżatt dwar il-verità nipprattikaw id-dnub għax irridu, ma jibqaʼ ebda sagrifiċċju għad-dnubiet.” (Ebrej 10:26) Din it-twissija ma kienet tkun tiswa xejn kieku Alla kien iddetermina d-destin tagħhom minn qabel. Imma mhux Alla stess iddetermina minn qabel li xi individwi se jkunu ħakkiema maʼ Ġesù Kristu?
Determinati minn Qabel —Bħala Individwi jew Bħala Grupp?
“[Alla] berikna b’kull barka spiritwali, f’unjoni maʼ Kristu, fil-postijiet tas-sema,” kiteb l-appostlu Pawlu, “bħalma għażilna f’unjoni miegħu qabel it-tisjis tad-dinja . . . Hu ddetermina minn qabel li jadottana bħala wliedu permezz taʼ Ġesù Kristu.” (Efesin 1:3-5) Alla xi ddetermina minn qabel, u x’jiġifieri li l-għażla saret “qabel it-tisjis tad-dinja”?
Din is-silta tgħid li Alla għażel ftit mid-dixxendenti taʼ l-ewwel bniedem, Adam, biex jaħkmu maʼ Kristu fis-smewwiet. (Rumani 8:14-17, 28-30; Rivelazzjoni 5:9, 10) Madankollu, jekk nassumu li Alla Ġeħova ddetermina liema individwi speċifiċi se jirċievu dan il-privileġġ eluf taʼ snin qabel twieldu nkunu qed immorru kontra l-fatt li l-bnedmin huma mżejnin bil-libertà taʼ l-għażla. Dak li Alla ddetermina minn qabel kien grupp, jew klassi taʼ nies, mhux individwi.
Biex nagħtu eżempju: Ejja ngħidu li gvern jiddeċiedi li jifforma ċerta aġenzija. Dan jiddetermina minn qabel dak li l-aġenzija se tagħmel, kemm se jkollha poter, u kemm se tkun kbira. Finalment, l-aġenzija tibda topera xi snin wara li tkun ġiet ifformata, u l-membri tagħha joħorġu stqarrija li tgħid: “Ftit tas-snin ilu l-gvern iddetermina x’kien se jkun xogħolna. Issa se nibdew ix-xogħol li ġejna mqabbdin nagħmlu.” Taħseb li se tirraġuna li l-gvern kien iddetermina minn snin qabel min kienu se jkunu l-membri individwali taʼ l-aġenzija? Żgur li le. B’mod simili, Ġeħova ddetermina minn qabel li kien se jifforma aġenzija speċjali biex tirranġa l-effetti tad-dnub t’Adam. Hu ddetermina minn qabel il-klassi taʼ nies li kienet se taqdi f’dik l-aġenzija—imma mhux l-individwi. Dawn kienu se jintgħażlu iktar tard, u l-għażliet li kienu se jagħmlu fil-ħajja kienu se jeffettwaw jekk fl-aħħar mill-aħħar kinux se jiġu approvati jew le.
Liema dinja kellu f’moħħu l-appostlu Pawlu meta qal: “[Alla] għażilna f’unjoni miegħu qabel it-tisjis tad-dinja”? Id-dinja li Pawlu jirreferi għaliha hawn m’hijiex id-dinja li sejjes Alla meta ħalaq lil Adam u Eva. Dik id-dinja kienet ‘tajba ħafna’—ħielsa għalkollox mid-dnub u t-taħsir. (Ġenesi 1:31) Ma kellhiex bżonn “ħelsien” mid-dnub.—Efesin 1:7.
Id-dinja partikulari li rrefera għaliha Pawlu hija dik li bdiet teżisti wara li Adam u Eva rribellaw fl-Għeden—dinja differenti ferm minn dik li kienet fl-iskop oriġinali t’Alla. Kienet id-dinja li bdiet bit-tfal t’Adam u Eva. Dik id-dinja kienet magħmula minn nies imbiegħda minn Alla u mjassrin għad-dnub u t-taħsir. Kienet dinja taʼ nies li setgħu jinfdew, mhux bħal Adam u Eva li kienu midinbin minn jeddhom.—Rumani 5:12; 8:18-21.
Alla Ġeħova rnexxielu jikkontrolla mill-ewwel is-sitwazzjoni li rriżultat minħabba l-irvell fl-Għeden. Malli nqalaʼ l-bżonn, hu ddetermina minn qabel li kien se jkun hemm aġenzija speċjali—is-Saltna Messjanika f’idejn Ġesù Kristu—li kien se jużaha f’konnessjoni mal-fidwa taʼ l-umanità mid-dnub Adamiku. (Mattew 6:10) Alla għamel dan “qabel it-tisjis tad-dinja” taʼ nies li setgħu jinfdew, jiġifieri, qabel Adam u Eva r-ribellużi ġabu t-tfal fid-dinja.
Il-bnedmin ġeneralment ikollhom bżonn pjan taʼ kif se jaġixxu sabiex jagħmlu dak li jixtiequ. Il-predestinazzjoni hija marbuta maʼ l-idea li Alla bilfors li għandu pjan dettaljat għall-univers li fih kollox hu determinat minn qabel. Roy Weatherford jikteb: “Lil xi filosfi dehrilhom li jekk ngħidu li kull ġrajja ma tiġix speċifikata għalkollox minn qabel ma nkunux qed naqblu mal-Maestà t’Alla.” Tassew li Alla għandu bżonn jispeċifika kull ġrajja minn qabel?
Peress li għandu qawwa infinita u għerf li m’hawnx bħalu, Ġeħova jistaʼ jikkontrolla b’suċċess kull emerġenza jew sitwazzjoni għal għarrieda li tistaʼ tirriżulta hekk kif il-ħlejjaq tiegħu jeżerċitaw il-libertà tagħhom taʼ l-għażla. (Isaija 40:25, 26; Rumani 11:33) Jistaʼ jagħmel dan mill-ewwel u mingħajr ma joqgħod jaħsibha. Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux bżonn pjan dettaljat u fiss li jiddeskrivi minn qabel id-destin taʼ kull individwu fuq l-art għax m’huwiex bħan-nies imperfetti li għandhom abbiltajiet limitati. (Proverbji 19:21) F’għadd taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja, Efesin 3:11 jgħid li Alla għandu “skop etern” u mhux pjan fiss.
Kif Int Tistaʼ Teffettwa l-Futur Tiegħek
Alla għandu skop għall-art, u dak l-iskop hu determinat. Rivelazzjoni 21:3, 4 jgħid: “Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” Iva, l-art se ssir ġenna, preċiż bħalma ried Ġeħova fil-bidu. (Ġenesi 1:27, 28) Il-mistoqsija hi, Int se tkun hemm? Dan jiddependi mill-għażliet li tagħmel issa. Ġeħova ma ddeterminax id-destin tiegħek.
Permezz tas-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, kulmin jeżerċita l-fidi fih jistaʼ jirċievi l-ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 3:16, 17; Atti 10:34, 35) “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem,” tgħid il-Bibbja. “Min ma jobdix lill-Iben ma jarax il-ħajja.” (Ġwanni 3:36) Int tistaʼ tagħżel il-ħajja billi titgħallem dwar Alla, Ibnu, u r-rieda Tiegħu mill-paġni tal-Bibbja u billi tapplika dak li titgħallem. Min jaġixxi skond l-għerf veru mniżżel fil-Kelma t’Alla huwa żgurat li se “jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-ħsara.”—Proverbji 1:20, 33.
[Stampi f’paġna 5]
Il-bnedmin huma responsabbli moralment għall-azzjonijiet tagħhom, mhux bħall-annimali
[Sors]
Ajkla: Foto: Cortesía de GREFA