LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 8/1 pp. 19-22
  • Ħalli Drawwietek Jaħdmu għall-Ġid Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħalli Drawwietek Jaħdmu għall-Ġid Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Eżempji Bibliċi taʼ Drawwiet Tajbin u Ħżiena
  • Inħaddmu d-​Drawwiet
  • Id-​Drawwiet il-​Ħżiena Evitahom, it-​Tajbin Użahom
  • Huwa Possibbli li Tegħleb Vizzji Ħżiena?
    Stenbaħ!—2004
  • 1 Kun realistiku
    Stenbaħ!—2016
  • Kif tikkontrolla d-drawwiet tiegħek
    Stenbaħ!—2016
  • Meta Nikkultivaw Drawwiet Tajbin Se Naħsdu Ħafna Barkiet
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 8/1 pp. 19-22

Ħalli Drawwietek Jaħdmu għall-​Ġid Tiegħek

WIEĦED raġel kien ilu jgħix f’wieħed mid-​distretti taʼ Ateni 12-il sena. Kuljum kien jgħaddi mill-​istess triq biex imur id-​dar wara x-​xogħol. Imbagħad mar joqgħod f’distrett ieħor in-​naħa l-​oħra tal-​belt. Darba minnhom wara x-​xogħol, irħielha lejn id-​dar. Kien biss meta sab ruħu fejn kien joqgħod qabel li rrealizza li kien mar fid-​direzzjoni ħażina. Tant kien dara, li mar fejn kien joqgħod qabel minflok id-​dar!

Mhux taʼ b’xejn li meta tagħmel xi ħaġa sforz id-​drawwa xi kultant issir ħaġa naturali li tagħmilha bl-​amment. Għandha influwenza li teffettwalna ħajjitna b’qawwa kbira. F’dan is-​sens, id-​drawwiet tistaʼ xxebbahhom man-​nar. In-​nar jistaʼ jservi taʼ dawl li nieħdu gost bih meta nkunu fid-​dlam, u jistaʼ jżommna sħan u jsaħħnilna l-​ikel. Madankollu, jistaʼ jkun ukoll għadu feroċi li joqtol u jeqred kulma jmiss miegħu. L-​istess jistaʼ jingħad għad-​drawwiet. Jekk ikunu mrawmin tajjeb, dawn ikunu taʼ ġid kbir. Imma jistgħu wkoll ikunu qerrieda.

Fil-​każ tar-​raġel li semmejna fil-​bidu, il-​mod kif kien imdorri swielu biss xi ftit iktar ħin imwaħħal fit-​traffiku tal-​belt. Meta niġu għal affarijiet iktar importanti, id-​drawwiet jistgħu jippremjawna b’suċċess jew idaħħluna fl-​inkwiet. Qis xi ftit eżempji veri taʼ nies imsemmijin fil-​Bibbja li juru kif id-​drawwiet jistgħu jgħinu jew itellfu s-​servizz tagħna lejn Alla u r-​relazzjoni tagħna miegħu.

Eżempji Bibliċi taʼ Drawwiet Tajbin u Ħżiena

Noè, Ġob, u Danjel kienu lkoll imberkin b’relazzjoni mill-​qrib m’Alla. Il-​Bibbja tfaħħarhom “minħabba l-​ġustizzja tagħhom.” (Eżekjel 14:14) Hija xi ħaġa sinifikanti li l-​mod kif għexu dawn it-​tlett irġiel wera li kienu żviluppaw drawwiet tajbin.

Lil Noè ntqallu biex jibni arka, opra tal-​baħar li kienet itwal minn grawnd tal-​futbol u ogħla iktar minn bini b’ħames sulari. Proġett taʼ kobor bħal dan kien jaqtaʼ qalb kwalunkwe bennej tal-​bastimenti taʼ żmien l-​antik. Noè u s-​sebaʼ membri tal-​familja tiegħu bnew l-​arka mingħajr l-​għajnuna taʼ tagħmir modern. Iktar minn hekk, Noè baqaʼ jippriedka lin-​nies taʼ żmienu. Nistgħu nibqgħu ċerti li kien ukoll jipprovdi għall-​bżonnijiet spiritwali u fiżiċi tal-​familja tiegħu. (2 Pietru 2:5) Biex iwettaq dan kollu, Noè bilfors li kellu drawwiet tajbin fejn jidħol ix-​xogħol. Iktar minn hekk, Noè baqaʼ msemmi fl-​istorja Biblika bħala wieħed li “kien jimxi sewwa maʼ Alla. . . . Noè għamel skond ma ordnalu l-​Mulej.” (Ġenesi 6:​9, 22; 7:5) Ladarba fil-​Bibbja ġie deskritt bħala “perfett fost in-​nies taʼ żmienu,” żgur li kompla jimxi m’Alla wara d-​Dilluvju u saħansitra wara li faqqaʼ l-​irvell kontra Jehovah f’Babel. Tabilħaqq, Noè baqaʼ jimxi m’Alla sa ma miet fl-​età taʼ 950 sena.—Ġenesi 9:29.

Id-​drawwiet tajbin taʼ Ġob għenuh isir raġel “perfett u tajjeb.” (Ġob 1:​1, 8; 2:3) Kien soltu tiegħu, jew kien imdorri, jaġixxi bħala l-​qassis għall-​familja tiegħu billi joffri sagrifiċċji għal uliedu wara kull mikla jew festa li kien ikollhom, għax kien jgħid: “‘Għandu mnejn dinbu wliedi u seħtu lil Alla f’qalbhom.’ Hekk kien soltu jagħmel Ġob.” (Ġob 1:​5, korsiv tagħna.) Fil-​familja taʼ Ġob, użanzi li kienu jiċċentraw madwar il-​qima taʼ Jehovah żgur li kienu jispikkaw.

Danjel qeda lil Jehovah “dejjem” tul il-​ħajja twila tiegħu. (Danjel 6:​17, 21 [6:​16, 20, NW]) Liema drawwiet spiritwali tajbin kellu Danjel? L-​ewwelnett, lil Jehovah kien jitolbu regolarment. Minkejja digriet irjali kontra din l-​użanza tiegħu, Danjel “baqaʼ jagħmel bħas-​soltu . . . tliet darbiet kuljum, kien jinżel għarkubbtejh u joqgħod jitlob u jfaħħar lil Alla tiegħu.” (Danjel 6:11 [6:​10, NW], korsiv tagħna.) Ma setax iwarrab fil-​ġenb id-​drawwa li kellu li jitlob ’l Alla, anki meta din il-​ħaġa kienet taʼ theddida għal ħajtu. M’hemm ebda dubju li din id-​drawwa qawwietu lil Danjel fit-​triq li ħa taʼ integrità eċċezzjonali lejn Alla. Milli jidher, Danjel kellu wkoll id-​drawwa tajba li jistudja u joqgħod jaħseb fil-​fond dwar il-​wegħdi eċċitanti t’Alla. (Ġeremija 25:​11, 12; Danjel 9:2) Dawn id-​drawwiet tajbin żgur li għenuh jissaporti sa l-​aħħar, u jiġri t-​tellieqa tal-​ħajja fedelment sat-​tmiem.

B’kuntrast, Dina marret ħażin minħabba drawwa ħażina li kellha. Hi kienet imdorrija ‘toħroġ tara n-​nies taʼ dik l-​art,’ li ma kinux iqimu ’l Jehovah. (Ġenesi 34:1) Din id-​drawwa li donnha kienet innoċenti wasslet għal diżastru. L-​ewwel, hi ġiet stuprata minn Sikem, żagħżugħ li kien meqjus bħala “l-​iktar miġjub f’dar missieru.” Imbagħad reazzjoni taʼ vendetta wasslet lil tnejn minn ħutha subien biex joqtlu lill-​irġiel kollha taʼ belt sħiħa. X’riżultat terribbli!—Ġenesi 34:​19, 25-29.

Kif nistgħu nkunu ċerti li d-​drawwiet tagħna jistgħu jkunu taʼ ġid u mhux taʼ ħsara għalina?

Inħaddmu d-​Drawwiet

“Id-​drawwiet huma d-​destin,” kiteb ċertu filosfu. Imma mhux bilfors hekk. Il-​Bibbja turi ċar u tond li nistgħu nagħżlu li nbiddlu d-​drawwiet il-​ħżiena tagħna u rrawmu drawwiet li huma tajbin.

Meta jkun hemm drawwiet tajbin, wieħed isir iktar effiċjenti fil-​mod taʼ kif jgħix bħala Kristjan u jsib il-​ħajja iktar faċli għalih. Alex, wieħed Kristjan mill-​Greċja, jgħid: “Id-​drawwa li nżomm maʼ skeda biex inwettaq diversi biċċiet taʼ xogħol tiffrankali ħafna ħin prezzjuż.” Theophilus, anzjan Kristjan, jgħid li peress li hu mdorri jippjana, dan jgħinu jkun effettiv. Jgħid hekk: “Ninsab konvint għalkollox li kieku ma kellix id-​drawwa li nippjana tajjeb ma kontx inkun nistaʼ nwettaq id-​dmirijiet Kristjani tiegħi b’suċċess.”

Bħala Kristjani, aħna mħeġġin biex ‘nibqgħu mexjin bl-​ordni f’din l-​istess rutina.’ (Filippin 3:​16, NW) Rutina tinvolvi t-​twettiq bi drawwa taʼ proċedura stabbilita. Drawwiet tajbin bħal dawn huma taʼ ġid għalina għaliex ma jkollniex għalfejn naħlu l-​ħin intellgħu u nniżżlu dwar kull pass li rridu nieħdu—inkunu diġà stabbilejna mudell tajjeb li nsegwuh sforz id-​drawwa. Drawwiet b’saħħithom kważi tagħmilhom bla ma tkun taf kif. Sewwa sew bħalma drawwiet taʼ sigurtà fis-​sewqan jistgħu jiggwidaw lis-​sewwieq biex f’ħakka t’għajn jieħu deċiżjonijiet li jistgħu jiskansaw traġedja meta jara xi periklu fit-​triq, drawwiet tajbin jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet xierqa malajr fit-​triq Kristjana li mexjin fiha.

Bħalma poġġieha l-​kittieb Ingliż Jeremy Taylor: “Id-​drawwiet huma wlied l-​azzjoni.” Jekk id-​drawwiet tagħna huma tajbin, nistgħu nwettqu affarijiet tajbin mingħajr ħafna diffikultà. Per eżempju, jekk bħala ministri Kristjani għandna d-​drawwa li nieħdu sehem regulari fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, ikun eħfef u iktar pjaċevoli għalina li noħorġu fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Naqraw rigward l-​appostli li “kuljum, fit-​tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-​Messija.” (Atti 5:​42, korsiv tagħna; Atti 17:2) Mill-​banda l-​oħra, jekk nieħdu sehem fil-​ministeru biss xi kultant, nistgħu forsi nħossuna ansjużi u jkollna bżonn iktar ħin biex naqbdu r-​ritmu qabel inħossuna kunfidenti f’din l-​attività Kristjana vitali.

L-istess nistgħu ngħidu dwar aspetti oħra tar-​rutina Kristjana tagħna. Drawwiet tajbin jistgħu jgħinuna nkunu regulari fil-​‘qari tal-​Kelma taʼ Alla lejl u nhar.’ (Ġożwè 1:8; Salm 1:2) Wieħed Kristjan għandu d-​drawwa li jaqra l-​Bibbja għal madwar 20 sa 30 minuta qabel jidħol jorqod kull fil-​għaxija. Anki meta jkun għajjien mejjet, isib li jekk jidħol jorqod bla ma jkun qara ftit mill-​Bibbja ma jkunx jistaʼ jorqod sew. Ikollu jqum u jieħu ħsieb dan il-​bżonn spiritwali. Din id-​drawwa tajba għenitu wkoll jaqra l-​Bibbja kollha f’sena għal bosta snin.

Ġesù Kristu, li huwa l-​Eżempju tagħna, kellu d-​drawwa li jattendi l-​laqgħat fejn kienet tiġi diskussa l-​Bibbja. “Daħal fis-​sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar taʼ Sibt, u qam biex jaqra.” (Luqa 4:16) Għal Joe, wieħed anzjan li għandu familja kbira u jkollu jaħdem sigħat twal, id-​drawwa għenitu joħloq fih innifsu ħtieġa u xewqa li jattendi l-​laqgħat regolarment. Jgħid hekk: “Din id-​drawwa żżommni dejjem għaddej u tipprovdili s-​saħħa spiritwali tant meħtieġa biex inkun nistaʼ niffaċċja l-​isfidi u l-​problemi b’suċċess.”—Lhud 10:​24, 25.

Drawwiet bħal dawn ma tistax tgħaddi mingħajrhom fit-​tellieqa Kristjana għall-​ħajja. Rapport li wasal minn pajjiż fejn in-​nies taʼ Jehovah huma persegwitati nnota dan: “Dawk li għandhom drawwiet spiritwali tajbin u apprezzament profond għall-​verità m’għandhom ebda problema biex iżommu sodi meta jiġu l-​provi, imma dawk li jitilfu l-​laqgħat fi ‘staġun favorevoli,’ ma joħorġux regolarment fis-​servizz taʼ l-​għalqa, u jagħmlu kompromess fuq kwistjonijiet żgħar spiss jiġri li jċedu meta jsibu ruħhom taħt xi prova ‘tan-​nar.’”—2 Timotju 4:​2, NW.

Id-​Drawwiet il-​Ħżiena Evitahom, it-​Tajbin Użahom

Jingħad li ‘bniedem għandu jrawwem biss dawk id-​drawwiet li lest iħallihom ikunu sid fuqu.’ U tabilħaqq li d-​drawwiet il-​ħżiena huma sid aħrax. Xorta waħda, tistaʼ tegħlibhom.

Għal xi żmien, Stella kienet saret dejjem imwaħħla quddiem it-​TV. Hi tammetti: “Wara kull drawwa ħażina li waqajt fiha, ġeneralment ikun hemm xi raġuni ‘innoċenti.’” Hekk kien ġralha fil-​każ tad-​drawwa li tara wisq programmi televiżivi. Kienet tgħid lilha nfisha li se tpoġġi ftit quddiem it-​TV biex ‘tistrieħ ftit’ jew biex ‘tibdel ir-​ritmu.’ Imma d-​drawwa saret xi ħaġa bla kontroll, tant li kienet tibqaʼ quddiem it-​TV għal sigħat sħaħ. “Minn taʼ l-​anqas, din id-​drawwa ħażina xekklet il-​progress spiritwali tiegħi,” hija tgħid. Għamlet sforz determinat u sa fl-​aħħar irnexxielha tnaqqas il-​ħin li bdiet tqattaʼ quddiem it-​TV u bdiet tkun iktar selettiva. “Niftakar dejjem għalfejn ridt naqtagħha din id-​drawwa,” tgħid Stella, “u nistrieħ fuq Jehovah biex nibqaʼ determinata.”

Wieħed Kristjan li jismu Charalambos jitkellem dwar drawwa ħażina li tellfitu milli javanza spiritwalment—it-​tnikkir. “Meta rrealizzajt li d-​drawwa li nħalli l-​affarijiet għal darb’oħra kienet qed tkun taʼ ħsara, bdejt naħdem biex nibdel ħajti. Meta bdejt nagħmel xi mira, kont nippjana speċifikament meta u kif se nibda naħdem biex nilħaqha. Id-​duwa kienet li napplika d-​deċiżjonijiet u l-​pjanijiet tiegħi b’mod regulari, u dik għadha drawwa tajba li nħaddan sa llum.” Tabilħaqq, id-​drawwiet tajbin huma l-​aħjar ħaġa biex tpartathom mal-​ħżiena.

Sħabna wkoll jistgħu jġagħluna niżviluppaw drawwiet, kemm tajbin u kemm ħżiena. Drawwiet tajbin jittieħdu, l-​istess bħalma jagħmlu drawwiet ħżiena. Sewwa sew bħalma “l-​ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba,” ħbieb tajbin jistgħu jagħtuna eżempji taʼ drawwiet taʼ ġid biex nimitawhom. (1 Korintin 15:33) L-​iktar ħaġa importanti hi li d-​drawwiet jistgħu jsaħħu jew idgħajfu r-​relazzjoni tagħna m’Alla. Stella tgħid: “Jekk id-​drawwiet tagħna jkunu tajbin, jagħmluha eħfef it-​taqbida tagħna biex naqdu ’l Jehovah. Jekk ikunu taʼ ħsara, itellfuna fl-​isforzi tagħna.”

Stabbilixxi drawwiet tajbin, u ħallihom jiggwidawk. Se jkunu forza qawwija u siewja f’ħajtek.

[Stampa f’paġna 19]

Bħan-​nar, id-​drawwiet jistgħu jkunu siewja jew qerrieda

[Stampa f’paġna 21]

Ġesù kellu d-​drawwa li jmur fis-​sinagoga f’jum is-​Sabat għall-​qari tal-​Kelma t’Alla

[Stampa f’paġna 22]

Drawwiet spiritwali tajbin isaħħu r-​relazzjoni tagħna m’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja