LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 8/1 pp. 23-27
  • Grata għall-Memorji Prezzjużi li Għandi!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Grata għall-Memorji Prezzjużi li Għandi!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Snin Diffiċli tal-​Gwerra l-​Kbira
  • Bidu Żgħir
  • Żmien li Niddeċiedi
  • Niffaċċja l-​Isfida
  • Inkompli Miexja ’l Quddiem
  • Barkiet Wara Diżastru
  • Il-​Ħajja f’Karavan taż-​Żingari
  • Tagħlima Siewja
  • Gwerra Oħra u Dak li Ġara Wara f’Ħajti
  • Bidla fl-Inkarigu fl-Età taʼ 80 Sena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 8/1 pp. 23-27

Bijografija

Grata għall-​Memorji Prezzjużi li Għandi!

KIF RAKKONTATA MINN DRUSILLA CAINE

Kienet is-​sena 1933, u kont għadni kif iżżewwiġt lil Zanoah Caine, li bħali, kien colporteur​—evanġelizzatur full-time. Maħkuma minn eċċitament kbir, ippjanajt li ningħaqad maʼ żewġi fl-​inkarigu tiegħu, iżda biex nagħmel dan, kelli bżonn rota. Għalija din kienet lussu għax qatt ma kelli biex nixtri waħda, minħabba li ż-​żminijiet kienu ibsin wara d-​Dipressjoni l-​Kbira taʼ l-​1920. Xi stajt nagħmel?

META semgħu bis-​sitwazzjoni diffiċli tiegħi, ħut żewġi fittxew f’postijiet viċin fejn jintrema l-​iskart biex jipprovaw isibu xi partijiet minn roti qodma sabiex mill-​biċċiet jgħaqqdu waħda għalija. Fil-​fatt hekk għamlu, u rnexxielhom! Kif tgħallimt insuqha, jien u Zanoah bdejna l-​vjaġġ tagħna, ferħanin insuqu r-​rota mid-​distretti Ingliżi taʼ Worcester u Hereford, waqt li nagħtu xiehda lil kulmin niltaqgħu miegħu.

Dakinhar ma rrealizzajtx li dan is-​sempliċi pass taʼ fidi kien se jwassalni għal ħajja mimlija memorji prezzjużi. Madankollu, il-​pedament spiritwali taʼ ħajti kien tqiegħed mill-​ġenituri għeżież tiegħi.

Is-​Snin Diffiċli tal-​Gwerra l-​Kbira

Jien twelidt f’Diċembru taʼ l-​1909. Ftit wara, ommi kisbet kopja tal-​ktieb The Divine Plan of the Ages (Il-Pjan Divin Matul iż-​Żminijiet), u fl-​1914 il-​ġenituri tiegħi ħaduni nara l-​“Photo-Drama of Creation,” f’Oldham, Lancashire. (It-tnejn maħruġin minn dawk li issa huma magħrufa bħala x-​Xhieda taʼ Jehovah.) Minkejja l-​età żgħira li kelli, għadni niftakarni naqbeż bil-​ferħ fi triqitna lura lejn id-​dar minħabba dak li kont rajt! Frank Heeley mbagħad beda studju tal-​Bibbja maʼ grupp taʼ nies f’Rochdale, fejn konna noqogħdu aħna. Aħna wkoll bdejna nattendu, u dan għenna bħala familja nkabbru l-​fehma tagħna taʼ l-​Iskrittura.

Il-paċi f’ħajjitna sfaxxat meta f’dik l-​istess sena faqqgħet il-​Gwerra l-​Kbira​—l-​Ewwel Gwerra Dinjija, kif inhi msejħa issa. Missieri nqabad bil-​lieva iżda hu m’aċċettax għax ried jibqaʼ newtrali. Fil-​qorti, hu ġie deskritt bħala “raġel taʼ min ifaħħru.” Barra minn hekk ġew preżentati ħafna ittri mingħand “nies rispettati li kienu jemmnu li hu kien sinċier fl-​oġġezzjoni tiegħu biex ma jaqbadx l-​armi,” qalet il-​gazzetta lokali.

Madankollu, minflok ma ħelsuh għalkollox, missieri ġie reġistrat bħala li hu ħieles “biss milli jiġġieled bħala suldat.” Mill-​ewwel sar vittma taʼ twaqqigħ għaċ-​ċajt, u jien u ommi miegħu. Maż-​żmien, ir-​reġistrazzjoni tiegħu ġiet riveduta, u ntbagħat jaħdem fir-​rabaʼ, iżda xi bdiewa ħadu vantaġġ mis-​sitwazzjoni u kienu jħallsuh ftit jew xejn. Sabiex tgħin lill-​familja, ommi bdiet taħdem iebes f’laundry biex taqlaʼ xi ħaġa tal-​flus, verament miżerja. Madankollu, issa nistaʼ nara kemm saħħaħni l-​fatt li qattajt is-​snin taʼ l-​iżvilupp tiegħi nkampa maʼ sitwazzjonijiet diffiċli. Dan għenni napprezza l-​affarijiet spiritwali li huma iktar importanti.

Bidu Żgħir

Daniel Hughes, student żeluż tal-​Bibbja, malajr sar parti minn ħajjitna. Hu kien jaħdem fil-​minjieri tal-​faħam ġewwa Ruabon, raħal xi 20 kilometru ’l bogħod minn Oswestry, fejn konna morna noqogħdu. Iz-​ziju Dan, kif kont insejjaħlu, żamm kuntatt mal-​familja tagħna, u kulmeta kien jiġi jarana, dejjem kien jitkellem fuq affarijiet Skritturali. Qatt ma kien jitħaddet fuq affarijiet bla sens. Grupp taʼ l-​istudju tal-​Bibbja nbeda f’Oswestry fl-​1920, u z-​ziju Dan tani kopja taʼ The Harp of God (L-Arpa t’Alla) fl-​1921. Dan kien prezzjuż ħafna għalija għax kien jagħmilhieli iktar faċli biex nifhem it-​tagħlim tal-​Bibbja.

Imbagħad kien hemm Pryce Hughes,a li iktar tard sar ministru li jippresiedi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Londra. Hu kien jgħix mal-​familja tiegħu fil-​qrib f’Bronygarth, fuq il-​fruntiera taʼ Wales, u oħtu Cissie, saret ħabiba kbira t’ommi.

Niftakar kemm konna eċċitati meta fl-​1922 saret is-​sejħa biex ‘nirriklamaw lis-​Sultan u s-​saltna tiegħu.’ Matul is-​snin taʼ wara, għalkemm kont għadni l-​iskola, jien bil-​ħerqa ngħaqadt maʼ l-​oħrajn biex inqassam il-​fuljetti speċjali, b’mod partikulari Ecclesiastics Indicted (Membri tal-​Kleru Mixlijin) fl-​1924. Meta nħares lura lejn dawk is-​snin naħseb dwar xi privileġġ kelli li stajt nissieħeb maʼ dawk l-​aħwa leali kollha​—fosthom Maud Clarkb u Mary Grant li kienu pijunieri flimkien,# Edgar Clay,# Robert Hadlington, Katy Roberts, Edwin Skinner,# flimkien maʼ Percy Chapman u Jack Nathan,# li t-​tnejn li huma marru l-​Kanada sabiex jgħinu fix-​xogħol hemmhekk.

It-taħdita mill-​Bibbja “Millions Now Living Will Never Die” (Miljuni li Qed Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt) uriet li kienet verament xiehda f’waqtha fit-​territorju kbir tagħna. Fl-​14 taʼ Mejju, 1922, Stanley Rogers, qarib taʼ Pryce Hughes ġie minn Liverpool biex jagħti din it-​taħdita f’Chirk, raħal fit-​tramuntana taʼ fejn konna noqogħdu, u iktar tard fil-​għaxija dak in-​nhar stess reġaʼ taha f’The Picture Playhouse, f’Oswestry. Sa llum għad għandi wieħed mill-​volantini li kienu stampati apposta għal din l-​okkażjoni. Matul dan iż-​żmien kollu, il-​grupp żgħir tagħna kompla jissaħħaħ permezz taż-​żjajjar minn tliet indokraturi li jivvjaġġaw​—pellegrini kif konna nsejħulhom​—Herbert Senior, Albert Lloyd, u John Blaney.

Żmien li Niddeċiedi

Fl-​1929 iddeċidejt li nitgħammed. Kelli 19-il sena, u fl-​istess żmien iffaċċjajt l-​ewwel prova vera tiegħi. Iltqajt maʼ ġuvni li missieru kien politikant. Konna miġbudin lejn xulxin, u talabni niżżewġu. Is-​sena taʼ qabel, kien ħareġ il-​ktieb Government (Gvern), u għalhekk tajtu kopja. Iżda malajr beda jidher ċar li hu ma kellu l-​ebda interess fi gvern tas-​sema, li dwaru kien jitkellem il-​ktieb. Kont naf mill-​istudji tiegħi li l-​Iżraelin tal-​qedem kellhom il-​kmand biex ma jidħlux fi żwiġijiet m’uħud li ma kinux jemmnu bħalhom u li dan il-​prinċipju kien japplika għall-​Kristjani. Għalhekk, għalkemm kienet xi ħaġa diffiċli għalija, jien irrifjutajt il-​proposta tiegħu.​—Dewteronomju 7:3; 2 Korintin 6:​14.

Jien ksibt is-​saħħa mill-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.” (Galatin 6:9) Iz-​ziju Dan għenni wkoll meta kitibli: “Fi provi żgħar jew kbar, applika Rumani 8, vers 28,” li jgħid: “Aħna nafu li Alla, maʼ dawk li jħobbuh, maʼ dawk li huma msejjħin skond il-​providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-​ġid tagħhom.” Ma kinitx xi ħaġa faċli, iżda kont naf li ħadt id-​deċiżjoni t-​tajba. Dik is-​sena tajt ismi biex insir colporteur.

Niffaċċja l-​Isfida

Fl-​1931 ħadna l-​isem il-​ġdid tagħna, Xhieda taʼ Jehovah, u f’dik is-​sena kellna kampanja qawwija bl-​użu tal-​ktejjeb The Kingdom, the Hope of the World (Is-Saltna, it-​Tama tad-​Dinja). Ngħatat kopja lill-​politikanti, lill-​membri tal-​kleru, u lin-​negozjanti kollha. It-​territorju tiegħi kien mifrux minn Oswestry sa Wrexham, xi 25 kilometru lejn it-​tramuntana. Kien taʼ sfida biex naħdmu kollu.

F’konvenzjoni li saret f’Birmingham is-​sena taʼ wara, kien hemm sejħa għal 24 volontier. Bil-​ħerqa, 24 minna tajna isimna għal tip taʼ servizz ġdid, mingħajr ma konna nafu x’kien. Immaġina kemm konna sorpriżi meta ġejna inkarigati biex noffru l-​istess ktejjeb, The Kingdom, the Hope of the World, lebsin kartelluni tqal li jirreklamaw is-​Saltna.

Meta kont qed naħdem fl-​inħawi tal-​Katidral ħassejtni daqsxejn mistħija minħabba min setaʼ jarani, iżda serraħt moħħi għax ħsibt li ħadd ma kien jafni f’dik il-​belt. Madankollu, l-​ewwel persuna li ġiet fuqi kienet ħabiba antika taʼ l-​iskola, li baqgħet iċċassata u qaltli: “X’int tagħmel liebsa hekk?” Din l-​esperjenza għenitni negħleb kull biżaʼ mill-​bniedem li setaʼ kelli!

Inkompli Miexja ’l Quddiem

Fl-​1933 iżżewwiġt lil Zanoah, armel, li kien 25 sena akbar minni. L-​ewwel mara li kellu kienet Studenta tal-​Bibbja żeluża, u Zanoah baqaʼ jaqdi lealment fl-​inkarigu tiegħu wara mewtha. Malajr tlaqna mill-​Ingilterra lejn it-​territorju l-​ġdid tagħna fit-​Tramuntana taʼ Wales, xi 150 kilometru ’l bogħod. Il-​kaxxi tal-​kartun, il-​bagalji, u l-​affarijiet prezzjużi l-​oħra li kellna għabbejniehom kollha fuq ir-​roti tagħna—fuq l-​istêring, imdeffsin bejn il-​kanen, u ppakkjati ġol-​qfief tar-​rota—imma xorta rnexxielna naslu! F’dak l-​inkarigu ma stajniex noqogħdu mingħajr ir-​roti​—konna mmorru bihom kullimkien, anki fil-​quċċata taʼ Cader Idris, muntanja f’Wales li hi għolja xi 900 metru. Kemm kien premjanti meta sibna nies li kienu jixxennqu biex jisimgħu “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna”!​—Mattew 24:14.

Ma konniex ilna ħafna hemm meta n-​nies qalulna li ċertu wieħed li kien jismu Tom Pryce kien mar jippridkalhom, l-​istess bħalma konna qed nagħmlu aħna. Ma domniex ma sibna lil Tom li kien qed jgħix fuq Long Mountain, ħdejn Welshpool​—u x’sorpriża ħadna! Meta kont għadni nibda nagħti xiehda, kont ħallejtlu l-​ktieb bħala għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja li jismu Reconciliation (Rikonċiljazzjoni). Hu studjah waħdu, kiteb lill-​fergħa taʼ Londra għal iktar letteratura, u minn dakinhar ’il quddiem baqaʼ jaqsam ir-​reliġjon il-​ġdida tiegħu m’oħrajn. Gawdejna ħafna sigħat taʼ sħubija bnina, it-​tlieta li aħna konna spiss nistudjaw flimkien biex ninkuraġġixxu lil xulxin.

Barkiet Wara Diżastru

Fl-​1934 il-​colporteurs kollha li kienu jinsabu viċin it-​Tramuntana taʼ Wales ġew mistiedna biex imorru fir-​raħal taʼ Wrexham ħalli jgħinu fit-​tqassim tal-​ktejjeb Righteous Ruler (Ħakkiem Kollu Tjieba). Ġurnata qabel ma bdejna din il-​kampanja speċjali, seħħ diżastru nazzjonali. Kien hemm splużjoni fil-​minjiera taʼ Gresford, 3 kilometri lejn it-​tramuntana taʼ Wrexham, li ħadet il-​ħajja taʼ 266 minn dawk li kienu jaħdmu fiha. Iktar minn 200 tifel u tifla spiċċaw bla missier, u 160 mara spiċċaw romol.

Kellna nagħmlu lista taʼ dawk li kienu tilfu lil xi ħadd, inżuruhom personalment, u nħallulhom ktejjeb. Wieħed mill-​ismijiet li tawni kien dak taʼ Mrs. Chadwick li tilfet lil binha taʼ 19-il sena. Meta mort inżurha, binha l-​kbir, Jack, kien qed iżur lil ommu biex isabbarha. Dan iż-​żagħżugħ għarafni iżda ma qal xejn. Wara dan, hu qara l-​ktejjeb u mbagħad mar ifittex il-​ktejjeb l-​ieħor The Final War (Il-Gwerra Finali), li kont ħallejt miegħu xi ftit tas-​snin qabel.

Jack u l-​mara tiegħu, May, sabu fejn kont qed noqgħod u ġew għal iktar letteratura. Fl-​1936 huma aċċettaw li jsiru l-​laqgħat f’darhom ġo Wrexham. Wara żjara minn Albert Lloyd xi sitt xhur wara, ġiet stabbilita kongregazzjoni, u Jack Chadwick inħatar bħala l-​indokratur li jippresiedi. Issa hemm tliet kongregazzjonijiet f’Wrexham.

Il-​Ħajja f’Karavan taż-​Żingari

Sa dan iż-​żmien, dejjem qgħadna fejn sibna hekk kif ivvjaġġajna minn post għall-​ieħor, iżda Zanoah ddeċieda li kien wasal iż-​żmien biex ikollna d-​dar tagħna, waħda li stajna nġorruha minn post għall-​ieħor. Żewġi kien mastrudaxxa tas-​sengħa minn nisel iż-​Żingari, u għamel karavan bħal taż-​Żingari biex ngħixu fih. Semmejnieh Elizabeth, isem Bibliku li jfisser “Alla taʼ Abbundanza.”

Niftakar b’mod partikulari post wieħed fejn morna noqogħdu​—kien fi ġnien bis-​siġar ħdejn xmara. Għalija kien qisu l-​Ġenna taʼ l-​art! Xejn ma ħassrilna l-​ferħ tas-​snin li qattajna flimkien f’dak il-​karavan, avolja ma kellniex il-​kumditajiet kollha. Fil-​kesħa, il-​friex taʼ spiss kien jiffriża mal-​ġnub tal-​karavan, u n-​nida kienet dejjem toħolqilna l-​problemi. Anki l-​ilma kellna nġorruh u kultant minn postijiet ’il bogħod mhux ħażin, iżda għelibna dawn id-​diffikultajiet flimkien.

Darba waħda fix-​xitwa kont ma niflaħx. X’nieklu ftit kellna u ma kienx baqgħalna flus. Zanoah poġġa fuq is-​sodda, qabadli idi, u qrali Salm 37:25: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-​ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom.” Waqt li ħares fiss lejja qalli: “Jekk ma tiġrix xi ħaġa malajr, se nispiċċaw nittallbu, u ma nistax nimmaġina li Alla jħalli dan jiġri!” Hu mbagħad mar jagħti xiehda lill-​ġirien.

Meta Zanoah ġie lura f’nofsinhar biex jagħtini xi ħaġa x’nixrob, kien hemm envelop għalih. Kien fih 50 lira Ingliża mingħand missieru. Xi ftit tas-​snin qabel, Zanoah kien ġie akkużat b’mod falz li seraq xi flus, iżda issa kienu sabu li kien innoċenti. Din l-​għotja ntbagħtet biex tpatti għall-​ħsara li kienet saret. Kemm waslet fil-​waqt!

Tagħlima Siewja

Kultant nieħdu tagħlima minn esperjenza wara li jkunu għaddew numru taʼ snin. Sabiex nagħti eżempju: Qabel ma spiċċajt mill-​iskola fl-​1927, jien tajt xiehda lil sħabi tal-​klassi u lill-​għalliema kollha​—minbarra waħda, Lavinia Fairclough. Peress li ħadd ma wera interess f’dak li kont qed nippjana li nagħmel b’ħajti, u minħabba li xorta waħda ma tantx kont naqbel maʼ Miss Fairclough, iddeċidejt li ma ngħidilhiex. Immaġina x’sorpriża ħadt​—u kemm fraħt​—xi 20 sena wara meta ommi qaltli li din l-​għalliema kienet reġgħet ġiet iżżur lill-​ħbieb u ’l-istudenti antiki tagħha biex tgħidilhom li issa saret waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah!

Meta ltqajna spjegajtilha għaliex ma kontx għedtilha dwar ir-​reliġjon tiegħi u bil-​karriera li kont bi ħsiebni nibda. Hi qagħdet tismagħni bil-​kwiet u mbagħad qaltli: “Dejjem kont qed infittex il-​verità. Kienet dik il-​ħaġa li dejjem fittixt f’ħajti!” Din l-​esperjenza kienet tagħlima siewja għalija​—li qatt m’għandi nżomm lura milli nagħti xiehda lil kulmin niltaqaʼ miegħu u li qatt m’għandi niġġudika lil ħadd.

Gwerra Oħra u Dak li Ġara Wara f’Ħajti

Hekk kif intemmu s-​snin 30 tas-​seklu l-​ieħor, il-​gwerra reġgħet bdiet tidher fuq ix-​xefaq. Ħija Dennis li huwa 10 snin iżgħar minni, ġie meħlus mis-​servizz militari bil-​kundizzjoni li jibqaʼ jaħdem fix-​xogħol sekulari tiegħu. Qatt ma kien wera wisq interess fil-​verità, għalhekk jien u żewġi staqsejna liż-​żewġ pijunieri lokali Rupert Bradbury u ’l ħuh David jekk setgħux iżuruh. Hekk għamlu, u studjaw il-​Bibbja miegħu. Dennis tgħammed fl-​1942, iktar tard beda jaqdi bħala pijunier, u nħatar bħala indokratur li jivvjaġġa fl-​1957.

Bintna, Elizabeth, twieldet fl-​1938, u sabiex jieħu ħsieb il-​familja aħjar, Zanoah kabbar il-​karavan tagħna. Meta twieldet it-​tieni tifla tagħna Eunice, fl-​1942, kien jidher għaqli li nsibu dar iktar permanenti. Għal din ir-​raġuni Zanoah ma baqax jaqdi bħala pijunier għal ftit snin, u morna noqogħdu ġo dar żgħira f’Wrexham. Iktar tard, issetiljajna f’Middlewich li jinsab f’Cheshire, distrett fil-​qrib. Hemm l-​għażiż żewġi miet fl-​1956.

Iż-żewġt ibniet tagħna saru evanġelizzaturi full-time, u t-​tnejn iżżewġu u jinsabu kuntenti. Eunice u żewġha, li hu anzjan, għadhom jaqdu bħala pijunieri speċjali f’Londra. Ir-​raġel taʼ Elizabeth ukoll jaqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni, u jien ferħana ħafna li huma, it-​tfal tagħhom, u l-​erbaʼ neputijiet tiegħi joqogħdu fil-​qrib fi Preston, Lancashire.

Kemm jien grata li nistaʼ noħroġ mill-​bieb taʼ l-​appartament tiegħi u malli naqsam it-​triq nasal fis-​Sala tas-​Saltna. F’dawn l-​aħħar snin bdejt nissieħeb maʼ grupp li jitkellmu bil-​Gujarati, li jiltaqaʼ hemmhekk ukoll. Ma kinitx xi ħaġa faċli għalija li nitgħallem il-​lingwa anki peress li issa ma tantx għadni nismaʼ. Xi kultant ikun diffiċli għalija biex nismaʼ u nifhem sew it-​toni differenti tal-​leħen, bħalma jagħmlu dawk li huma iżgħar minni. Iżda din hija sfida interessanti.

Għadni niflaħ nippriedka minn dar għal dar u nikkonduċi studji tal-​Bibbja fid-​dar tiegħi. Meta l-​ħbieb jiġu jżuruni, dejjem nieħu pjaċir nirrakkontalhom l-​esperjenzi li kelli fil-​bidu tal-​ħajja tiegħi. Kemm jien grata għall-​memorji prezzjużi tal-​barkiet li rċivejt kemm ili nissieħeb mal-​poplu taʼ Jehovah għal kważi 90 sena.

[Noti taʼ taħt]

a Il-bijografija taʼ Pryce Hughes, “In Step With the Faithful Organization” (Inżomm il-​Pass maʼ l-​Organizzazzjoni Leali) dehret f’The Watchtower taʼ l-​1 t’April, 1963.

b Il-bijografiji taʼ dawn il-​qaddejja leali taʼ Jehovah dehru fl-​ewwel ħarġiet taʼ The Watchtower.

[Stampa f’paġna 25]

Volantin li jirriklama t-​taħdita mill-​Bibbja “Millions Now Living Will Never Die,” li smajt fl-​14 taʼ Mejju, 1922

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ Zanoah ftit wara li żżewwiġna fl-​1933

[Stampa f’paġna 26]

Bil-​wieqfa ħdejn “Elizabeth,” il-​karavan li għamel żewġi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja