Egħleb l-Ostakli li Jfixklu l-Progress Tiegħek!
IL-KAROZZA tiegħek tinsab ingranata, u l-magna qed taħdem, imma xorta ma tridx titħarrek. Għandha l-ħsara? Le, hemm ġebla kbira quddiem waħda mir-roti. Kulma hemm bżonn hu li tneħħiha biex il-karozza tkun tistaʼ titlaq għal għonq it-triq.
Bl-istess mod, xi wħud li qed jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah jsibu ostakli quddiemhom li ma jħalluhomx jagħmlu progress spiritwali. Per eżempju, Ġesù wissa li affarijiet bħall-“inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid taʼ l-art” jistgħu ‘joħonqu l-kelma’ tal-verità u jfixklu l-progress.—Mattew 13:22.
Għal oħrajn, drawwiet jew dgħjufijiet li jkunu rabbew għeruq fondi m’humiex qed iħalluhom jagħmlu progress. Wieħed raġel Ġappuniż jismu Yutaka għoġbu l-messaġġ tal-Bibbja, imma kellu problema serja bil-logħob taʼ l-ażżard. Hu pprova jaqtaʼ dan il-vizzju kemm-il darba, imma kollu taʼ xejn. Dan il-vizzju kien swielu somom kbar taʼ flus, tlett idjar, ir-rispett tal-familja, u d-dinjità tiegħu nnifsu. Setaʼ dan ir-raġel iwarrab dan l-ostaklu u jsir Kristjan?
Jew inkella ħu l-każ taʼ waħda mara jisimha Keiko. Bl-għajnuna tal-Bibbja, hi rnexxielha teħles minn vizzji bħalma huma l-idolatrija, l-immoralità, u l-qari tax-xorti. Iżda, Keiko tammetti: “L-akbar ostaklu għalija kien it-tipjip. Ipprovajt fuq li pprovajt imma s-sigaretti ma stajtx naqtagħhom.”
Int ukoll forsi għandek xi ostaklu li jidher li ma tistaʼ tegħlbu b’xejn u li qed ifixklek milli tagħmel progress. Hu x’inhu, kun ċert li bl-għajnuna t’Alla tistaʼ tegħlbu.
Ftakar fil-parir li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu wara li ma kienx irnexxielhom ikeċċu xitan minn wieħed raġel epileptiku. Wara li Ġesù rnexxielu jagħmel dak li d-dixxipli ma kienx irnexxielhom jagħmlu, hu qalilhom: “Li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Warrab minn hawn u mur hemm’, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.’” (Mattew 17:14-20; Mark 9:17-29) Iva, għalkemm problema għalina tistaʼ tidher qisha xi muntanja enormi, din m’hi xejn għall-Ħallieq tagħna li jistaʼ kollox.—Ġenesi 18:14; Mark 10:27.
Nidentifikaw l-Ostakli għall-Progress
Qabel ma tistaʼ tegħleb l-ostakli li jkollok trid tidentifika eżattament x’inhuma dawn l-ostakli. Dan kif tistaʼ tagħmlu? Xi drabi, wieħed mill-aħwa fil-kongregazzjoni, forsi xi anzjan jew dak li jkun qed jistudja miegħek, jiġbidlek l-attenzjoni lejn xi ħaġa. Minflok ma tieħu għalik għax ngħatajt dan il-parir mill-qalb, għandek bl-umiltà kollha ‘tismaʼ t-tagħlim u tikseb l-għerf.’ (Proverbji 8:33) Xi drabi, tistaʼ tinduna bid-dgħjufijiet tiegħek meta tkun qed tagħmel l-istudju tal-Bibbja. Iva, il-kelma t’Alla “hi ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) Meta taqra l-Bibbja jew pubblikazzjonijiet oħrajn ibbażati fuq il-Bibbja jibdew jinkixfu l-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-motivi li jkollok fil-fond taʼ qalbek. Dan jgħinek teżamina jekk intix qed tilħaq il-livelli għoljin taʼ Jehovah. Jikxef u jidentifika l-affarijiet li jistgħu jfixklu l-progress spiritwali tiegħek.—Ġakbu 1:23-25.
Per eżempju, nagħmlu mod li student tal-Bibbja kellu vizzju li jdaħħal ħafna fantasiji f’moħħu dwar affarijiet immorali. Forsi għadu jaħseb li m’hemm xejn ħażin f’dan, għax jirraġuna li fil-fatt ma jkun qed jagħmel xejn ħażin. Darba minnhom, waqt l-istudju tiegħu, hu jiltaqaʼ mal-kliem taʼ Ġakbu 1:14, 15: “Kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess. Mbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.” Issa jinduna li jekk se jkompli jwebbes rasu ma jistax ikun li jagħmel progress! Kif jistaʼ jeħles minn dan l-ostaklu?—Mark 7:21-23.
Negħlbu l-Ostakli
Forsi bl-għajnuna taʼ xi Kristjan matur, l-istudent jistaʼ jagħmel iktar riċerka fil-Kelma t’Alla, billi juża l-Watch Tower Publications Index.a Per eżempju, taħt it-titlu “Thoughts,” hu jistaʼ jsib referenzi għal għadd taʼ artikli pubblikati li jiddiskutu x’jistaʼ jagħmel wieħed biex jegħleb fantasiji li tant jagħmlu ħsara. Dawn l-artikli jikkwotaw skritturi li huma tant t’għajnuna, bħal Filippin 4:8, li jgħid: “Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir.” Iva, irridu nneħħu ħsibijiet immorali u minflokhom indaħħlu ħsibijiet safjin u li jibnuna!
Waqt li jkun qed jagħmel ir-riċerka, l-istudent bla dubju se jiskopri prinċipji oħrajn fil-Bibbja li se jgħinuh biex ma jħallix il-problema tiegħu tkompli tikber. Per eżempju, Proverbji 6:27 u Mattew 5:28 iwissu kontra li joqgħod jimla moħħu b’affarijiet li jqanqluh sesswalment. “Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa,” talab is-salmista. (Salm 119:37) M’għandniex xi ngħidu, mhux biżżejjed li sempliċement taqra dawn l-iskritturi. “Moħħ il-ġust jaħsibha [“jimmedita,” NW],” jgħid l-għaref Salamun. (Proverbji 15:28) Meta min jistudja l-Bibbja ma jimmeditax biss dwar x’inhuma l-kmandi t’Alla imma jimmedita wkoll dwar għala jagħtihomlna, hu jkun jistaʼ jikseb fehma iktar profonda dwar kemm dak li jgħid Jehovah hu għaqli u raġunevoli.
Fl-aħħarnett, min ikun qed jissielet biex jegħleb xi dgħjufija li qed ittellfu milli jagħmel progress għandu jfittex b’qalbu kollha l-għajnuna taʼ Jehovah. Wara kollox, Alla jaf sew kif aħna magħmulin, li aħna imperfetti, daqsxejn trab taʼ l-art. (Salm 103:14) Talb bla heda għall-għajnuna t’Alla, flimkien maʼ sforzi sinċieri biex tevita li timla moħħok b’fantasiji immorali, fl-aħħar mill-aħħar se jagħti r-riżultat mixtieq—kuxjenza nadifa u trankwilla.—Lhud 9:14.
Taqtax Qalbek
Hi liema hi d-diffikultà li qed tissielet magħha, trid tirrealizza li xi darba tistaʼ terġaʼ titfaċċa. Meta dan jiġri, hija ħaġa naturali li tħossok imdejjaq u diżappuntat. Iżda, ftakar fil-kliem li hemm f’Galatin 6:9: “[Ħalli] ma negħjew qatt nagħmlu [“t-tajjeb,” Saydon]; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.” Qaddejja devoti t’Alla bħalma kienu David u Pietru għamlu żbalji umiljanti. Imma ma qatgħux qalbhom. Bl-umiltà kollha aċċettaw il-parir, għamlu l-bidliet meħtieġa, u komplew jispikkaw bħala qaddejja t’Alla. (Proverbji 24:16) Minkejja l-iżbalji taʼ David, Jehovah sejjaħlu “raġel skond qalbi, li jagħmel dak kollu li rrid jien.” (Atti 13:22) Pietru wkoll ma ħalliex l-iżbalji li għamel jaqtgħulu qalbu u sar kolonna fil-kongregazzjoni Kristjana.
Illum hemm ħafna li rnexxielhom jegħlbu l-ostakli li kellhom. Yutaka, li ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu, aċċetta l-offerta li saritlu biex ikollu studju tal-Bibbja. Hu jirrakkonta: “L-appoġġ u l-barka taʼ Jehovah f’kull pass ’il quddiem li għamilt għenuni negħleb il-problema li kelli tal-logħob taʼ l-ażżard. Inħoss ferħ kbir meta nġarrab it-twettiq taʼ kliem Ġesù—li bil-fidi, anki l-‘muntanji’ jistgħu jiċċaqalqu.” Hekk kif għadda ż-żmien, Yutaka sar qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni.
Xi ngħidu dwar Keiko, li ma setgħetx taqtaʼ s-sigaretti? L-oħt li kienet tistudja magħha ssuġġeritilha taqra diversi artikli mir-rivista Stenbaħ! dwar is-suġġett tal-vizzju tat-tipjip. Keiko saħansitra kitbet l-iskrittura tat-2 Korintin 7:1 fuq karta u waħħlitha fil-karozza tagħha biex kuljum tfakkarha ħalli tibqaʼ nadifa f’għajnejn Jehovah. Xorta ma setgħetx taqtagħhom. “Tant ħassejtni mdejqa bija nnifsi,” tiftakar Keiko. “Għalhekk bdejt nistaqsi lili nnifsi jien x’ridt verament—ridt li naqdi lil Jehovah jew lil Satana?” Meta qatgħetha li lil Jehovah riedet taqdi, talbet b’qalbha kollha għall-għajnuna. “Oħroġ il-għaġeb,” hi tiftakar, “irnexxieli naqtagħhom mingħajr ħafna tbatija. Ħaġa waħda jiddispjaċini, li ma qtajthomx qabel.”
Int ukoll jistaʼ jirnexxilek tirbaħ l-ostakli li qed ifixkluk milli tagħmel progress. Iktar ma ġġib ħsibijietek, xewqatek, kliemek, u l-għemejjel tiegħek fi qbil mal-livelli tal-Bibbja, iktar se tħoss sens taʼ rispett u fiduċja fik innifsek. L-aħwa fil-kongregazzjoni, kif ukoll il-membri tal-familja tiegħek, se jħossuhom inkuraġġiti u jieħdu gost fil-kumpanija tiegħek. L-iktar ħaġa importanti hi li int se jkollok relazzjoni iktar mill-qrib m’Alla Jehovah. Hu wiegħed li se ‘jneħħi t-tfixkil minn triq il-poplu tiegħu’ meta jkun qed jaħrab minn taħt il-kontroll taʼ Satana. (Isaija 57:14) U tistaʼ tibqaʼ ċert li jekk tagħmel l-isforz meħtieġ biex tneħħi u tegħleb l-ostakli li jfixkluk milli tagħmel progress, Jehovah se jbierkek bil-kbir.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat f’diversi lingwi mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampa f’paġna 28]
Ġesù wiegħed li bil-fidi nistgħu negħlbu l-ostakli li jidhru qishom muntanji quddiemna
[Stampa f’paġna 30]
Meta naqraw il-Bibbja nsaħħu l-isforz tagħna biex negħlbu dgħjufijiet spiritwali