L-Ittra taʼ Ġakbu
1 Jien Ġakbu, ilsir t’Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, qed nibgħat din l-ittra lit-12-il tribù li huma mxerrdin maʼ kullimkien:
Inselli għalikom!
2 Ħuti, meta tgħaddu minn diversi provi, ikkunsidraw dan bħala xi ħaġa taʼ ferħ 3 għax tafu li meta l-fidi tagħkom tgħaddi minn prova, intom titgħallmu tissaportu. 4 Jekk tkomplu tissaportu, imbagħad se tkunu ttrennjati għalkollox, u se tkunu bla difett fl-aspetti kollha u ma jkun jonqoskom xejn.
5 Jekk xi ħadd minnkom għandu bżonn l-għerf, hu għandu jkompli jitlob lil Alla u se jingħatalu, għax Alla jagħti b’mod ġeneruż lil kulħadd u mhux se jirrabja maʼ* min jitolbu. 6 Però għandu jkompli jitlob bil-fidi mingħajr ma jiddubita, għax min jiddubita hu bħal mewġa tal-baħar li titmexxa mir-riħ ’l hemm u ’l hawn. 7 Infatti, xi ħadd bħal dan m’għandu jistenna li jirċievi xejn mingħand Ġeħova,* 8 għax hu bniedem indeċiż u mhux stabbli f’kulma jagħmel.
9 Imma l-ħu fqir għandu jifraħ* għax Alla se jonorah, 10 u l-ħu sinjur għandu jifraħ għax tgħallem ikun umli. Għax min hu sinjur se jmut bħal fjura. 11 Għax bħalma x-xemx titfaʼ sħana taħraq u b’hekk tnixxef pjanta, jaqgħu l-fjuri tagħha, u ma tibqax tidher sabiħa, hekk ukoll se jispiċċa s-sinjur li jirsisti biex ikollu l-ġid.
12 Ferħan min ikompli jissaporti waqt li jkun għaddej minn prova, għax meta jgħaddi mit-test, hu se jirċievi l-ħajja bħala rigal,* li Ġeħova* wiegħed lil dawk li jibqgħu jħobbuh. 13 Meta xi ħadd ikun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli, m’għandux jgħid: “Alla qed jgħaddini minn prova.” Dan għax ħadd ma jistaʼ jħajjar lil Alla jagħmel affarijiet ħżiena, u Alla ma jħajjar lil ħadd biex jagħmel dak li hu ħażin. 14 Imma kull wieħed jgħaddi minn prova meta jiġi ttantat mix-xewqat tiegħu stess. 15 Imbagħad meta x-xewqa ssir kbira ħafna, iġġiegħel lil persuna tagħmel id-dnub,* u dan iwassal għall-mewt.
16 Għeżież aħwa, titqarrqux. 17 Kull ħaġa tajba u kull rigal perfett ġejjin mis-sema, mingħand il-Missier li għamel ix-xemx, il-qamar, u l-istilel. Hu ma jinbidilx bħalma jagħmel dell li jiċċaqlaq. 18 Hu tana l-ħajja meta aħna emminna li l-kelma tiegħu hi l-verità għax dan kien dak li jrid hu. B’hekk aħna stajna nsiru l-ewwel uħud li ġejna magħżulin minn dak li ħalaq.
19 Għeżież aħwa, kunu afu dan: Kull wieħed għandu jkun ħafif biex jismaʼ, imma tqil biex jitkellem u tqil biex jirrabja, 20 għax il-persuna li tirrabja ma tkunx qed taġixxi fi qbil mal-ġustizzja t’Alla. 21 Għalhekk, neħħu kull ħmieġ u kull traċċa taʼ ħażen,* u kunu umli u ħallu lil Alla jqiegħed* il-kelma tiegħu f’qalbkom. Il-kelma tiegħu tistaʼ ssalvakom.*
22 Iżda tkunux uħud li tisimgħu biss, imma għixu fi qbil mal-kelma, għax inkella tkunu qed tqarrqu bikom infuskom b’raġunar falz. 23 Għax jekk xi ħadd jismaʼ l-kelma imma ma jagħmilhiex, dan ikun bħal xi ħadd li jħares lejn wiċċu f’mera 24 u wara jitlaq ’l hemm, u mill-ewwel jinsa x’tip taʼ persuna hu. 25 Mill-banda l-oħra, min jeżamina sew il-liġi perfetta li twassal għal-libertà u jobdiha, mhuwiex xi ħadd li jismaʼ u jinsa, imma wieħed li jobdi l-kelma t’Alla u jkun ferħan li qed jagħmel dan.
26 Jekk xi ħadd jaħseb li qed iqim lil Alla imma ma jikkontrollax* ilsienu, hu jkun qed iqarraq bih innifsu,* u l-qima tiegħu tkun għalxejn. 27 Il-qima* li hi nadifa u mhux imniġġsa mill-ħarsa tal-Alla u l-Missier tagħna hi din: li tgħin lill-orfni u r-romol meta jkunu qed ibatu, u li żżomm ’il bogħod mill-affarijiet mhux nodfa tad-dinja.