Kapitlu 14
Kunu Onesti f’Kollox
“Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—EBREJ 13:18.
1, 2. Ġeħova għala jieħu pjaċir meta jara l-isforzi tagħna biex inkunu onesti? Agħti tixbiha.
OMM u t-tifel ċkejken tagħha joħorġu minn ħanut flimkien. F’daqqa waħda, it-tifel jieqaf u jidher maħsud. F’idu għandu ġugarell żgħir li ġab mill-ħanut. Nesa jpoġġih lura jew jistaqsi lil ommu biex tixtrih. Ma jafx x’se jaqbad jagħmel, allura jgħid lil ommu. Hi sserraħlu moħħu u tieħdu lura fil-ħanut sabiex ikun jistaʼ jirritorna l-ġugarell u jitlob skuża. Hekk kif jagħmel dan, qalb l-omm timtela bil-ferħ u tħossha kburija. Għala?
2 Il-ġenituri dejjem jieħdu pjaċir jaraw li wliedhom qed jitgħallmu l-importanza taʼ l-onestà. U l-istess Missierna tas-sema, “l-Alla tal-verità.” (Salm 31:5) Hekk kif jarana nsiru iktar maturi spiritwalment, hu jieħu pjaċir jarana nistinkaw biex inkunu onesti. Minħabba li rridu nogħġbuh u nibqgħu fl-imħabba tiegħu, aħna nħossuna bħalma ħassu l-appostlu Pawlu: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Ejja niffokaw fuq erbaʼ aspetti prinċipali tal-ħajja li, speċjalment fihom, kultant insibuha taʼ sfida biex inkunu onesti. Imbagħad se nikkunsidraw ftit mill-barkiet li jiġu b’riżultat taʼ dan.
ONESTI MAGĦNA NFUSNA
3-5. (a) Il-Kelma t’Alla kif twissina kontra l-perikli taʼ li nqarrqu bina nfusna? (b) X’se jgħinna nkunu onesti magħna nfusna?
3 L-ewwel sfida tagħna hi li nitgħallmu nkunu onesti magħna nfusna. Tassew huwa faċli għalina bħala bnedmin imperfetti li naqgħu biex inqarrqu bina nfusna. Per eżempju, Ġesù qal lill-Kristjani f’Laodiċija li kienu qarrqu bihom infushom billi ħasbu li kienu għonja meta, fil-fatt, kienu ‘fqar u għomja u għarwenin’ spiritwalment—tassew stat miżerabbli. (Rivelazzjoni 3:17) Il-fatt li qarrqu bihom infushom għamel is-sitwazzjoni tagħhom saħansitra iktar perikoluża.
4 Għandek mnejn tiftakar ukoll li d-dixxiplu Ġakbu wissa: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-qima taʼ dan il-bniedem hi fiergħa.” (Ġakbu 1:26) Kieku kellna nirraġunaw li nistgħu nużaw ilsienna b’mod ħażin u xorta nibqgħu nqimu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli, inkunu biss qed inqarrqu bina nfusna. Il-qima tagħna lil Ġeħova tkun fiergħa, għalxejn. X’jistaʼ jżommna minn sitwazzjoni taʼ ħsara bħal din?
5 F’dik l-istess silta, Ġakbu jqabbel il-verità tal-kelma t’Alla maʼ mera. Hu jagħtina l-parir li nħarsu fil-liġi perfetta t’Alla u nagħmlu aġġustamenti skond dak li naraw. (Ġakbu 1:23-25) Il-Bibbja tistaʼ tgħinna nkunu onesti magħna nfusna u naraw xi rridu nagħmlu biex nitjiebu. (Lamentazzjonijiet 3:40; Ħaggaj 1:5) Nistgħu wkoll nitolbu lil Ġeħova u nistaqsuh biex jeżaminana, billi jgħinna naraw u nipprovaw nirranġaw kwalunkwe nuqqas serju. (Salm 139:23, 24) Id-diżonestà hija dgħjufija qarrieqa, u rridu nqisuha bħalma jqisha Missierna tas-sema. Proverbji 3:32 jgħid: “Il-qarrieq huwa mistkerrah minn Ġeħova, imma Hu għandu relazzjoni intima mar-retti.” Ġeħova jistaʼ jgħinna nħossuna bħalu u naraw lilna nfusna bħalma jarana hu. Ftakar f’dak li qal Pawlu: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” Ma nistgħux inkunu perfetti issa, imma nixtiequ sinċerament u nistinkaw bil-ħerqa biex inkunu onesti.
L-ONESTÀ FIL-FAMILJA
6. L-imseħbin fiż-żwieġ għala għandhom bżonn ikunu onesti maʼ xulxin, u b’hekk liema perikli jevitaw?
6 L-onestà għandha tkun karatteristika li tispikka fil-familja Kristjana. Għalhekk, ir-raġel u l-mara għandhom ikunu sinċieri u onesti maʼ xulxin. M’hemm ebda lok fi żwieġ Kristjan għal prattiki mhux nodfa u li jweġġgħu bħall-ksuħat maʼ dawk tas-sess oppost barra miż-żwieġ, l-ikkultivar taʼ relazzjonijiet moħbijin fuq l-Internet, jew l-użu tal-pornografija fi kwalunkwe forma. Xi Kristjani miżżewġin ħadu sehem f’kondotta ħażina bħal din filwaqt li ħbewha mill-parti innoċenti fiż-żwieġ. Din hi diżonestà. Innota l-kliem tas-Sultan David li kien leali: “Jien ma poġġejtx maʼ nies li ma jgħidux il-verità; u ma nimxix maʼ dawk li jaħbu x’inhuma.” (Salm 26:4) Jekk int miżżewweġ, qatt m’għandek tieħu sehem f’kondotta li tistaʼ tħajrek taħbi dak li int mis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek!
7, 8. Liema eżempji Bibliċi jistgħu jgħinu lit-tfal biex jitgħallmu l-valur taʼ l-onestà?
7 Biex jgħallmu lil uliedhom il-valur taʼ l-onestà, il-ġenituri jkunu għaqlin jekk jużaw eżempji Bibliċi. Sabiex jenfasizzaw xi eżempji tad-diżonestà, hemm rakkonti bħal dak t’Għakan, li seraq u pprova jaħbi s-serq tiegħu; Geħażi, li gideb biex jiggwadanja finanzjarjament; u Ġuda, li seraq u gideb b’mod malizzjuż biex jagħmel il-ħsara lil Ġesù.—Ġożwè 6:17-19; 7:11-25; 2 Slaten 5:14-16, 20-27; Mattew 26:14, 15; Ġwanni 12:6.
8 Sabiex jenfasizzaw xi eżempji tajbin taʼ l-onestà, hemm rakkonti bħal dak taʼ Ġakobb, li ħeġġeġ lil uliedu biex jirritornaw il-flus li sabu fl-ixkejjer tagħhom għaliex ħass li forsi ntefgħu hemm bi żball; dak taʼ Ġefta u bintu, li onorat il-wegħda taʼ missierha avolja kien ifisser li kellha tagħmel sagrifiċċji kbar min-naħa tagħha; u dak taʼ Ġesù, li bi qlubija identifika lilu nnifsu quddiem marmalja krudila sabiex iwettaq il-profezija u jipproteġi lil sħabu. (Ġenesi 43:12; Imħallfin 11:30-40; Ġwanni 18:3-11) Dawn il-ftit eżempji jistgħu jagħtu lill-ġenituri idea tal-ġid li jinsab fil-Kelma t’Alla u li jistaʼ jgħinhom jgħallmu lil uliedhom biex iħobbu u jgħożżu l-onestà.
9. Il-ġenituri x’għandhom jevitaw jekk iridu jħallu eżempju taʼ l-onestà lil uliedhom, u eżempju bħal dan għala huwa importanti?
9 Tagħlim bħal dan ipoġġi obbligu importanti fuq il-ġenituri. L-appostlu Pawlu staqsa: “Int, mela, li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int li tippriedka ‘Tisraqx,’ tisraq int?” (Rumani 2:21) Xi ġenituri jħawdu lil uliedhom billi jgħallmuhom dwar l-onestà filwaqt li huma stess jaġixxu bid-diżonestà. Għandhom mnejn jiġġustifikaw is-serq taʼ xi ħaġa żgħira u kliem qarrieq bi skużi bħal “Dawn l-affarijiet nistgħu niħduhom” jew “Mhux gidba żgħira din.” Fir-realtà, m’hemm ebda skuża għas-serq, minkejja l-valur tal-ħaġa misruqa, u m’hemm ebda skuża għall-gideb, minkejja s-suġġett jew il-kobor tal-gidba.a (Luqa 16:10) It-tfal malajr jindunaw bl-ipokrisija u tistaʼ tkun taʼ ħsara serja għalihom. (Efesin 6:4) Madankollu, meta jitgħallmu l-onestà mill-eżempji tal-ġenituri tagħhom, jistgħu jikbru biex jigglorifikaw lil Ġeħova f’din id-dinja diżonesta.—Proverbji 22:6.
L-ONESTÀ FIL-KONGREGAZZJONI
10. Rigward komunikazzjoni onesta maʼ sħabna fit-twemmin, liema twissijiet irridu nżommu f’moħħna?
10 L-assoċjazzjoni mal-Kristjani sħabna tagħtina ħafna opportunitajiet biex niżviluppaw l-onestà. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 12, irridu nkunu attenti fil-mod kif nużaw l-għotja tal-kliem, partikolarment fost ħutna spiritwali. Konversazzjoni rilassata malajr tistaʼ tinbidel f’seksik li jagħmel il-ħsara, saħansitra malafama! Jekk nirripetu storja li ma nafux jekk hijiex minnha, nistgħu nkunu qed ngħinu biex tinxtered gidba, allura huwa ħafna aħjar jekk noqogħdu attenti għal dak li ngħidu. (Proverbji 10:19) Mill-banda l-oħra, forsi nkunu nafu li xi ħaġa hija minnha, imma dan ma jfissirx li hija taʼ min jgħidha. Per eżempju, il-kwistjoni forsi ma tkunx affari tagħna, jew forsi ma tkunx att taʼ qalb tajba jekk nitkellmu dwarha. (1 Tessalonikin 4:11) Xi wħud jiġġustifikaw kliem goff billi jsejħulu onestà, imma kliemna dejjem għandu jkun grazzjuż u ħelu.—Kolossin 4:6.
11, 12. (a) Xi wħud li jinvolvu ruħhom fi dnub serju b’liema modi jkabbru l-problema? (b) Liema hu xi gideb li jippromwovi Satana rigward dnubiet serji, u kif nistgħu niġġieldu kontra dan il-gideb? (ċ) Kif nistgħu nuru li aħna onesti maʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
11 Huwa importanti b’mod partikulari li nkunu onesti maʼ dawk li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. Xi wħud li jinvolvu ruħhom fi dnub serju jkabbru l-problema billi jipprovaw jaħbu dnubhom u jigdbu lill-anzjani tal-kongregazzjoni meta jiġu mistoqsijin dwaru. Uħud bħal dawn saħansitra jibdew jgħixu ħajja doppja, billi jagħmluha taʼ wħud li qed jaqdu lil Ġeħova filwaqt li jgħixu ħajja taʼ dnub serju. Fil-fatt, aġir bħal dan ibiddel il-ħajja kollha kemm hi taʼ l-individwu f’gidba. (Salm 12:2) Oħrajn jgħidu lill-anzjani nofs verità billi jaħbu xi fatti essenzjali. (Atti 5:1-11) Diżonestà bħal din spiss tiġi minn twemmin f’gideb li Satana jippromwovi.—Ara l-kaxxa “Gideb Sataniku Dwar Dnubiet Serji,” f’paġni 164-5.
12 Huwa importanti wkoll li nkunu onesti maʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova meta nwieġbu mistoqsijiet bil-kitba. Per eżempju, meta niktbu l-attività tagħna fil-ministeru, noqogħdu attenti li ma niffalsifikawx il-fatti. B’mod simili, meta nimlew applikazzjoni għal xi privileġġ taʼ servizz, qatt m’għandna nigdbu dwar l-istat veru taʼ saħħitna jew dwar kwalunkwe aspett ieħor.—Proverbji 6:16-19.
13. Kif nistgħu nibqgħu onesti jekk ikollna relazzjoni taʼ negozju maʼ xi ħadd minn sħabna fit-twemmin?
13 L-onestà tagħna maʼ sħabna fit-twemmin testendi wkoll fi kwistjonijiet taʼ negozju. Kultant, aħwa Kristjani għandhom mnejn jinnegozjaw flimkien. Għandhom joqogħdu attenti li jżommu kwistjonijiet bħal dawn separati mill-qima li jagħtu flimkien fis-Sala tas-Saltna jew fil-ministeru. Ir-relazzjoni fin-negozju tistaʼ tkun dik bejn mgħallem u impjegat. Jekk nimpjegaw lil xi aħwa, għandna noqogħdu attenti li nittrattawhom bl-onestà, billi nħallsuhom fil-ħin, bl-ammont li nkunu qbilna fuqu, u bil-benefiċċji miftehmin jew mitlubin mil-liġi. (1 Timotju 5:18; Ġakbu 5:1-4) Mill-banda l-oħra, jekk aħna qed naħdmu għal xi ħu jew oħt, irridu naħdmu s-sigħat kollha li nkunu mħallsin għalihom. (2 Tessalonikin 3:10) Ma nistennewx li jittrattawna bi preferenzi minħabba r-relazzjoni spiritwali tagħna, bħallikieku taʼ fuqna għandu jagħtina leave, benefiċċji, jew vantaġġi oħrajn li impjegati oħrajn m’għandhomx.—Efesin 6:5-8.
14. Meta l-Kristjani jidħlu f’xi biċċa negozju flimkien, liema prekawzjoni jieħdu b’mod għaqli, u għala?
14 Xi ngħidu jekk in-negozju tagħna jinvolvi xi tip taʼ riskju min-naħa tat-tnejn, forsi xi investiment jew self? Il-Bibbja tagħtina prinċipju prattiku u importanti: Niżżlu kollox bil-miktub! Per eżempju, meta Ġeremija xtara biċċa art, għamel dokument u kopja tiegħu, ra li ffirmaw ix-xhieda kif suppost, u għamlu f’post taʼ sigurtà għal referenza fil-futur. (Ġeremija 32:9-12; ara wkoll Ġenesi 23:16-20.) Meta ninnegozjaw maʼ sħabna fit-twemmin, il-fatt li npoġġu d-dettalji kollha f’dokument preparat bir-reqqa, iffirmat min-naħa tat-tnejn, u ffirmat mix-xhieda, ma jfissirx li hemm nuqqas taʼ fiduċja. Anzi, dan jgħin biex ma jkunx hemm nuqqas taʼ ftehim, diżappunti, u saħansitra nuqqas taʼ qbil li jġib il-frid. Il-Kristjani li jkunu qed jagħmlu n-negozju flimkien għandhom iżommu f’moħħhom li ebda riskju fin-negozju ma jistħoqqlu li minħabba fih nipperikolaw l-għaqda u l-paċi tal-kongregazzjoni.b—1 Korintin 6:1-8.
L-ONESTÀ FID-DINJA SEKULARI
15. Ġeħova kif iħossu dwar prattiki diżonesti tan-negozju, u l-Kristjani kif iwieġbu għal tendenzi popolari bħal dawn?
15 L-onestà tal-Kristjani m’hijiex limitata għall-kongregazzjoni. Pawlu qal: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Fejn jidħlu affarijiet tan-negozju sekulari, il-Ħallieq tagħna hu interessat ħafna fl-onestà. Fil-ktieb tal-Proverbji biss hemm erbaʼ referenzi għal miżien falz. (Proverbji 11:1; 16:11; 20:10, 23) Fiż-żminijiet tal-qedem, kienet ħaġa komuni li jintużaw miżien u wżin fi transazzjonijiet tan-negozju sabiex jintiżnu l-prodotti mixtrijin u l-flus użati biex jinxtraw. Negozjanti diżonesti kienu jużaw żewġ tipi taʼ wżin u miżien mhux preċiż biex iqarrqu u jisirqu lil dawk li jixtru mingħandhom.c Ġeħova jobgħod prattiki bħal dawn! Sabiex nibqgħu fl-imħabba tiegħu, aħna nevitaw b’mod strett il-prattiki diżonesti tan-negozju kollha kemm huma.
16, 17. Liema forom taʼ diżonestà huma komuni fid-dinja taʼ llum, u l-Kristjani veri x’inhuma determinati li jagħmlu?
16 Minħabba li Satana hu l-ħakkiem taʼ din id-dinja, aħna ma nissorprendux ruħna li d-diżonestà tinsab kullimkien madwarna. Kuljum nistgħu niffaċċjaw tentazzjonijiet biex inkunu diżonesti. Meta n-nies jimlew dokument biex japplikaw għax-xogħol, tkun ħaġa komuni li jigdbu u jesaġeraw, billi jivvintaw kredenzjali u ma jgħidux is-sew dwar l-esperjenza li jkollhom. Meta n-nies jimlew formoli taʼ l-immigrazzjoni, tat-taxxa, taʼ l-assigurazzjoni, u t’affarijiet oħrajn, spiss iwieġbu b’mod falz sabiex jiksbu dak li jridu. Ħafna studenti jqarrqu fl-eżamijiet, jew għandhom mnejn jużaw l-Internet għall-komponimenti u rapporti taʼ l-iskola u jikkopjaw kulma jsibu hemm, filwaqt li b’mod falz jippreżentaw xogħol ħaddieħor daqslikieku kien tagħhom. U meta n-nies jittrattaw m’uffiċjali korrotti, spiss joffru tixħim biex jiksbu dak li jridu. Aħna nistennew kondotta bħal din f’dinja fejn ħafna “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, . . . [m’għandhomx] imħabba għat-tajjeb.”—2 Timotju 3:1-5.
17 Il-Kristjani veri huma determinati li ma jieħdu sehem f’ebda waħda minn dawn il-prattiki. Kultant l-onestà tkun taʼ sfida għax dawk li jieħdu sehem f’atti diżonesti donnhom jirnexxu u saħansitra jimxu ’l quddiem fid-dinja taʼ llum. (Salm 73:1-8) Sadanittant, il-Kristjani għandhom mnejn ibatu finanzjarjament minħabba li jixtiequ jibqgħu onesti “f’kollox.” Dawn is-sagrifiċċji involuti huma vallapena? Dażgur! Imma għala? Liema barkiet jiġu minn kondotta onesta?
IL-BARKIET TALLI NKUNU ONESTI
18. Reputazzjoni t’onestà għala hija taʼ valur kbir?
18 Ma tantx hemm affarijiet fil-ħajja li għandhom iktar valur minn reputazzjoni bħala persuna onesta u taʼ min jafdaha. (Ara l-kaxxa “Kemm Jien Onest?” f’paġna 167.) U aħseb ftit—kulħadd jistaʼ jibni reputazzjoni bħal din! Ma tiddependix mill-abbiltajiet, il-ġid, id-dehra, u l-isfond soċjali, jew kwalunkwe fattur ieħor li ma tistax tikkontrollah. Minkejja dan, ħafna jonqsu li jiksbu t-teżor taʼ reputazzjoni tajba. Hija rari. (Mikea 7:2) Xi wħud jistgħu jwaqqgħuk għaċ-ċajt talli tkun onest, imma oħrajn se japprezzaw l-onestà tiegħek, u se jippremjawk bil-fiduċja u r-rispett tagħhom. Ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova saħansitra sabu li l-onestà tagħhom għenithom finanzjarjament. Żammew xogħolhom meta impjegati diżonesti ġew imkeċċijin, jew sabu xogħol meta kien hemm bżonn kbir taʼ impjegati onesti.
19. Ħajja t’onestà kif tistaʼ teffettwa l-kuxjenza tagħna u r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?
19 Kemm jekk dan tgħaddi minnu u kemm jekk le, se ssib li l-onestà ġġib saħansitra barkiet akbar. Se jkollok il-barka taʼ kuxjenza nadifa. Pawlu kiteb: “Aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta.” (Ebrej 13:18) Iżjed minn hekk, ir-reputazzjoni tiegħek qatt ma tiġi injorata minn Missierna tas-sema kollu mħabba, u hu jħobb nies onesti. (Salm 15:1, 2; Proverbji 22:1) Iva, l-onestà tgħinek tibqaʼ fl-imħabba t’Alla, u ma rridu nfittxu ebda premju akbar minn dan. Issa ejja nikkunsidraw suġġett relatat: Il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn ix-xogħol.
[Noti taʼ taħt]
a Fil-kongregazzjoni, il-prattika taʼ gideb malizzjuż u sfaċċat—li jkun intqal b’intenzjoni ċara biex iweġġaʼ lil oħrajn—tistaʼ titlob għal azzjoni ġudizzjarja min-naħa taʼ l-anzjani.
b Rigward x’għandu jsir jekk xi arranġament taʼ negozju ma jirnexxix, ara l-Appendiċi, paġni 222-3.
c Kienu jużaw użin wieħed biex jixtru u ieħor biex ibigħu, u b’hekk dejjem jagħmlu dak li jaqblilhom. Għandhom mnejn użaw ukoll miżien b’naħa itwal jew itqal mill-oħra sabiex ikunu jistgħu jisirqu lil dawk li jkunu qed jixtru.
[Kaxxa f’paġna 164]
GIDEB SATANIKU DWAR DNUBIET SERJI
Fejn jidħlu d-dnubiet serji, hemm xi gideb perikoluż li Satana jixtieqek ħafna li temmen. B’ferħ, il-Kristjani jafu dwar “it-tnassis tax-Xitan.” (Efesin 6:11) Ejja nikkunsidraw tlieta minn dan il-gideb.
“Id-dnubiet jistgħu jinħbew.” Fir-realtà, Ġeħova jara dak kollu li nagħmlu. “Kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.” (Ebrej 4:13) Ladarba Ġeħova jaf il-fatti u ladarba rridu nagħtuh kont, għala għandna nżidu mal-ħtija tagħna billi nipprovaw naħbu dnub serju mill-qaddejja umani tiegħu?—Ara wkoll it-2 Samwel 12:12.
“L-anzjani ma tistax tafdahom, allura tgħidilhom xejn.” Is-sultan mill-agħar Aħab indirizza lil Elija b’dan il-mod: “Ja għadu tiegħi.” (1 Slaten 21:20) Bħala l-profeta taʼ Ġeħova f’Israel, Elija setaʼ jgħin lil Aħab jikseb il-maħfra. Fil-kongregazzjoni Kristjana, Ġesù jipprovdi l-anzjani biex ikunu “rġiel bħala għotjiet.” (Efesin 4:8) Għalkemm imperfetti, l-anzjani qed ‘jgħassulna ruħna,’ jiġifieri, huma konċernati mis-saħħa u l-benesseri spiritwali tagħna. (Ebrej 13:17) M’humiex għedewwa; huma l-mezz li Ġeħova qed juża biex jgħinna.
“Tkun qed tipproteġi ħabib billi tgħinu jaħbi dnubietu.” Il-verità hi li nkunu qed nagħmlu l-ħsara lil min għamel id-dnub jekk ngħinuh jaħbi dnubietu. Dnubiet serji huma sinjal taʼ mard spiritwali serju; billi jaħbihom ikun bħallikieku qed jaħbi sintomi serji minn tabib kwalifikat. (Ġakbu 5:14, 15) Il-midneb forsi jibżaʼ li jistaʼ jingħata dixxiplina; imma d-dixxiplina hija espressjoni taʼ l-imħabba taʼ Ġeħova, u tistaʼ ssalva l-ħajja tal-midneb. (Proverbji 3:12; 4:13) Iżjed minn hekk, min jibqaʼ jidneb x’aktarx li jkun taʼ periklu għal oħrajn fil-kongregazzjoni. Tkun tixtieq tgħin f’li xxerred l-attitudnijiet ħżiena tiegħu li wassluh biex jidneb? (Levitiku 5:1; 1 Timotju 5:22) Allura, kun żgur li l-midneb iġib il-kwistjoni għall-attenzjoni taʼ l-anzjani fil-kongregazzjoni.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 167]
KEMM JIEN ONEST?
Prinċipju: “O Ġeħova, min se jkun mistieden fit-tinda tiegħek? . . . Dak li jimxi bla nuqqas u jipprattika s-sewwa u jitkellem il-verità f’qalbu.”—Salm 15:1, 2.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek
▪ Għala huwa importanti li dejjem ngħid il-verità?—Proverbji 6:16, 17.
▪ Kif nistaʼ ‘nwarrab il-gideb’ meta nimla l-formoli, bħal karti t’eżami fl-iskola, karti tat-taxxa, jew dokumenti tal-gvern?—Efesin 4:25; Isaija 28:15; Mattew 22:17-21; Rumani 13:1-7.
▪ Il-kliem u l-kondotta tiegħi kif inhuma involuti f’li nkun impjegat onest?—Proverbji 11:1; Efesin 4:28; Kolossin 3:9, 10.
▪ Jekk jien irrawwem imħabba għall-flus, kif tistaʼ din l-imħabba ddgħajjef l-isforzi tiegħi biex inkun sinċier?—Salm 37:21; 1 Timotju 6:9, 10.
[Stampa f’paġna 162]
L-onestà tgħinna nevitaw kondotta li għandna mnejn niġu mħajrin naħbu