L-Aħbar Tajba Skont Marku
10 Minn hemm, hu telaq u mar ħdejn il-fruntieri tal-Lhudija, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, u l-folol reġgħu nġabru madwaru. Hu reġaʼ beda jgħallimhom bħalma kien imdorri jagħmel. 2 U resqu lejh xi Fariżej bil-ħsieb li jittestjawh u staqsewh jekk skont il-Liġi raġel setax jiddivorzja l-mara tiegħu. 3 Wiġibhom: “Xi kkmandakom Mosè?” 4 Qalulu: “Mosè qal li raġel jistaʼ jikteb ċertifikat tad-divorzju u jkeċċiha.” 5 Imma Ġesù qalilhom: “Hu kitbilkom dan il-kmandament għax intom raskom iebsa. 6 Madankollu, meta ħalaqhom, ‘Alla għamilhom raġel u mara. 7 Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, 8 u huma jsiru ġisem wieħed.’ Għalhekk m’għadhomx iktar tnejn, imma saru ġisem wieħed. 9 Mela jekk Alla għaqqadhom flimkien, m’għandu jifridhom ħadd.” 10 Meta reġgħu kienu fid-dar, id-dixxipli bdew jistaqsuh dwar dan. 11 Hu qalilhom: “Kull min jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra, jagħmel adulterju kontriha, 12 u jekk mara tiddivorzja lir-raġel tagħha u tiżżewweġ ieħor, tkun għamlet adulterju.”
13 Imbagħad in-nies bdew jieħdu għandu xi tfal żgħar biex iberikhom billi jpoġġi jdejh fuqhom, imma d-dixxipli rrabjaw magħhom. 14 Malli ra dan, Ġesù xejn ma ħa pjaċir u qalilhom: “Ħalluhom jiġu għandi t-tfal żgħar; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-Saltna t’Alla* hi taʼ dawk li huma bħalhom. 15 Naċċertakom li kull min ma jaċċettax is-Saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur li ma jkunx parti minnha.” 16 Hu għannaq lit-tfal miegħu u beda jberikhom billi jpoġġi jdejh fuqhom.
17 Hu u sejjer, wieħed raġel mar jiġri lejh, niżel għarkopptejh quddiemu, u staqsieh: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex ngħix għal dejjem?” 18 Ġesù wieġbu: “Għala tgħidli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla. 19 Int tafhom il-kmandamenti, ‘Toqtolx, tagħmilx adulterju, tisraqx, tixhidx falz, timbroljax, irrispetta lil missierek u lil ommok.’” 20 Ir-raġel qallu: “Għalliem, dawn ilni nobdihom minn mindu kont żgħir.” 21 Ġesù ħares lejh u, peress li kien jinteressah minnu, qallu, “Ħaġa waħda jonqsok: Mur, bigħ dak li għandek u l-flus agħtihom lill-foqra, u jkollok affarijiet li Alla jqishom importanti.* Imbagħad ejja u kun dixxiplu tiegħi.” 22 Meta semaʼ dan, hu sewwed qalbu u telaq imdejjaq għax kellu ħafna ġid.
23 Ġesù ħares madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Se jkun vera diffiċli għal dawk li għandhom ħafna flus biex jidħlu fis-Saltna t’Alla!” 24 Imma d-dixxipli baqgħu sorpriżi b’dak li qalilhom. Imbagħad Ġesù reġaʼ qalilhom: “Uliedi, kemm hu diffiċli biex tidħol fis-Saltna t’Alla! 25 Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel sinjur jidħol fis-Saltna t’Alla.” 26 Huma iktar stagħġbu u qalulu:* “Mela min jistaʼ jiġi salvat?” 27 Ġesù ħares lejhom u qal: “Għan-nies dan hu impossibbli, imma mhux għal Alla, għax għal Alla kollox possibbli.” 28 Imbagħad Pietru qallu: “Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk.” 29 Ġesù qal: “Naċċertakom li kull min telaq id-dar tiegħu, lil ħutu subien jew bniet, lil ommu, lil missieru, lit-tfal, jew l-għelieqi biex ikun dixxiplu tiegħi jew għall-aħbar tajba 30 se jirċievi 100 darba iktar issa—djar, aħwa, ġenituri,* għelieqi, flimkien mal-persekuzzjonijiet—u ħajja taʼ dejjem fil-futur.* 31 Imma ħafna li huma l-ewwel se jiġu l-aħħar, u dawk li huma l-aħħar se jiġu l-ewwel.”
32 Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi qabilhom. Huma baqgħu mistagħġbin, u dawk li kienu mexjin warajhom bdew jibżgħu. Għal darb’oħra, ħa lit-Tnax waħedhom u beda jgħidilhom dwar l-affarijiet kollha li kien se jgħaddi minnhom. Hu qalilhom: 33 “Bħalissa telgħin Ġerusalemm, u jien, Bin il-bniedem, se ningħata f’idejn il-qassisin importanti u l-iskribi. Dawn se jikkundannawni għall-mewt u jagħtuni f’idejn in-nies taʼ pajjiżi oħra 34 li se jgħadduni biż-żmien, jobżquli, isawtuni, u joqtluni, imma tlett ijiem wara niġi mqajjem.”
35 Ġakbu u Ġwanni, it-tfal taʼ Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Għalliem, aħna nixtiequ li tagħtina dak kollu li nitolbuk.” 36 Qalilhom: “Xi triduni nagħtikom?” 37 Qalulu: “Ħallina noqogħdu bilqiegħda ħdejk, wieħed fuq il-lemin u wieħed fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.” 38 Imma Ġesù wiġibhom: “Intom ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu minn dak li qed nixrob jien jew tgħaddu minn dak li se ngħaddi minnu jien?”* 39 Huma qalulu: “Nistgħu.” Għal dan Ġesù qalilhom: “Intom se tixorbu minn dak li qed nixrob jien u se tgħaddu minn dak li qed ngħaddi minnu jien.* 40 Madankollu, ma nistax ngħidilkom jien min se jpoġġi fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, għax dan iddeċidieh Missieri.”
41 Meta l-għaxra l-oħra semgħu b’dan, xejn ma ħadu pjaċir b’Ġakbu u Ġwanni. 42 Imma Ġesù għajtilhom u qalilhom: “Intom tafu li l-mexxejja tal-popli jmexxu kif iridu huma u dawk fl-awtorità jużaw il-qawwa tagħhom biex jiddominaw lin-nies. 43 Intom m’għandkomx tagħmlu hekk bejnietkom, imma min irid ikun l-aqwa minnkom għandu jaqdi lill-oħrajn, 44 u min irid ikun l-ewwel minnkom għandu jkun l-ilsir taʼ kulħadd. 45 Għax lanqas jien, Bin il-bniedem, ma ġejt biex inkun moqdi, imma biex naqdi u nagħti ħajti bħala fidwa* għal ħafna.”
46 Imbagħad waslu Ġeriko. Imma hekk kif hu, id-dixxipli tiegħu, u folla kbira kienu ħerġin minn Ġeriko, kien hemm Bartimew (bin Timew) bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Hu kien jittallab u ma jarax. 47 Meta semaʼ li kien hemm Ġesù n-Nazzarenu, hu beda jgħajjat u jgħid: “Bin David, Ġesù, ħenn għalija!” 48 Għal dan ħafna nies bdew jgħajtu miegħu biex jieqaf, imma hu iktar beda jgħajjat: “Bin David, ħenn għalija!” 49 Għalhekk, Ġesù waqaf u qal: “Għidulu jiġi ħdejja.” U dawn għajtu lir-raġel li ma kienx jara u qalulu: “Agħmel kuraġġ! Qum, għax qed jgħajjatlek.” 50 Hu tajjar il-libsa taʼ fuq, qam malajr, u mar ħdejn Ġesù. 51 Imbagħad Ġesù qallu: “Kif nistaʼ ngħinek?” Ir-raġel qallu: “Rabboni,* ħallini nerġaʼ nara.” 52 Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.” U r-raġel mill-ewwel reġaʼ beda jara, u beda jimxi warajh.