Isaija
57 Il-ġust sparixxa,
Imma ħadd ma jimpurtah.
In-nies leali jmutu,
Imma ħadd mhu jifhem li l-ġust miet minħabba l-inkwiet.
2 Hu jkun fil-paċi.
Dawk kollha li jagħmlu dak li hu sew se jistrieħu fil-qabar.*
4 B’min qed tidħqu?
Kontra min qed tiftħu ħalqkom u toħorġu lsienkom barra?
Intom mhux it-tfal tal-midinbin
U taʼ dawk li jqarrqu?
5 Intom mhux it-tfal taʼ dawk li għandhom xewqat sesswali bla kontroll fost is-siġar kbar
U taħt kull siġra b’saħħitha,
Li joqtlu lit-tfal fil-widien bejn ix-xquq tal-blat?
6 Int* tagħżel l-idoli magħmulin mill-ġebel,
B’hekk, dan il-ġebel se jkollok bħala wirt.
Anki lilhom tferraʼ offerti tax-xorb u tagħti rigali.
Għandi jien inkun sodisfatt* b’dawn l-affarijiet?
8 Int għamilt sinjal bħala tifkira wara l-bieb u l-koxxa tal-bieb.
Int tlaqtni u nżajt il-ħwejjeġ;
Tlajt u għamilt spazju fis-sodda.
Għamilt patt mal-maħbubin tiegħek.
Int kont tieħu gost torqod magħhom,*
U ċċassajt lejn l-organu maskili.
Int bgħatt lill-messaġġiera tiegħek ’il bogħod,
U għalhekk li nżilt fil-Qabar.*
10 Int għejejt bil-ħafna vjaġġi tiegħek,
Imma m’għedtx, ‘M’għandix tama!’
Int erġajt issaħħaħt,
U għalhekk ma qtajtx qalbek.*
11 Minn min bżajt u twerwirt
Biex bdejt tigdeb?
Int ma ftakartx fija.
Ma kien jimpurtak minn xejn.
Peress li jien bqajt sieket u ma tajtx kas dak li għamilt,*
Int ma bżajtx minni.
12 Jien se nikxef it-taparsi sewwa tiegħek u dak li għamilt,
U dawn mhux se jkunu taʼ ġid għalik.
13 Meta tgħajjat għall-għajnuna,
Il-ħafna idoli tiegħek mhux se jsalvawk.
Ir-riħ ikaxkarhom kollha
U ż-żiffa ttajjarhom ’l hemm.
Imma kull min idur lejja għall-protezzjoni se jiret l-art
U jkollu l-muntanja qaddisa tiegħi.
14 Se jintqal, ‘Agħmlu, agħmlu triq! Ippreparawha!
Neħħu kull tfixkil mit-triq tal-poplu tiegħi.’”
15 Għax l-Iktar Għoli, li jgħix għal dejjem
U li ismu hu qaddis, jgħid:
“Jien ngħix fil-post għoli u qaddis,
Imma qiegħed ukoll maʼ dawk li huma mdejqin* u umli,
Biex ninkuraġġixxi lill-umli
U nagħti s-saħħa lill-batuti.
16 Għax jien mhux se niħodha kontrihom
Jew nibqaʼ rrabjat magħhom għal dejjem.
Għax inkella n-nies jiddgħajfu minħabba fija
U anki l-ħlejjaq l-oħra li għamilt u li jieħdu n-nifs.
17 Jien kont irrabjat ħafna minħabba d-dnub tiegħu f’li jirsisti biex jagħmel qligħ diżonest,
Għalhekk ikkastigajtu, ħbejt wiċċi, u kont irrabjat ħafna.
Imma hu baqaʼ jirribella u jagħmel dak li jrid.
18 Jien rajt dak li għamel,
Imma se nfejqu, niggwidah,
U nfarraġ lilu u lil dawk taʼ miegħu li huma mdejqin.”
19 Ġeħova jgħid: “Jien qed noħloq kliem taʼ tifħir.
Dawk li qegħdin ’il bogħod u dawk li qegħdin viċin se jibqaʼ jkollhom il-paċi,
U jien se nfejjaqhom.”
20 “Imma l-ħżiena huma bħal baħar imqalleb li ma jistax jikkalma,
U dan jibqaʼ jaqlaʼ l-alka u l-ħama.
21 M’hemmx paċi għall-ħżiena,” jgħid l-Alla tiegħi.