Għannu Tifħir lil Jehovah
“Ħallini ngħanni lil Jehovah, għax hu sar eżaltat fil-għoli.”—EŻODU 15:1.
1. Liema attributi u kwalitajiet taʼ Jehovah jagħtuna raġuni biex infaħħruh?
SALM 150 tlettax-il darba jagħti l-kmand biex wieħed ifaħħar lil Jehovah jew lil Jah. L-aħħar vers jipproklama: “Kull ħaġa li qiegħda tieħu n-nifs—ħalli din tfaħħar lil Jah. Faħħru lil Jah!” Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna nafu li Jehovah jixraqlu t-tifħir tagħna. Huwa s-Sovran Universali, l-Iktar Għoli, is-Sultan taʼ l-eternità, il-Ħallieq tagħna, il-Benefattur tagħna. M’hawnx daqsu, bħalu, taʼ mparu, huwa uniku, f’ħafna modi. Għandu għarfien infinit, huwa omnipotenti, perfett fil-ġustizzja, u l-personifikazzjoni taʼ l-imħabba. Hu fuq l-oħrajn kollha huwa tajjeb; huwa leali. (Luqa 18:19; Rivelazzjoni 15:3, 4) Jixraqlu t-tifħir tagħna? Ċertament tabilħaqq li jixraqlu!
2. Liema raġunijiet għandna għal li nesprimu gratitudni lil Jehovah?
2 Jehovah jixraqlu mhux biss il-qima u t-tifħir tagħna imma wkoll il-gratitudni u r-radd il-ħajr tagħna għal dak kollu li għamel għalina. Huwa d-Donatur taʼ “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġakbu 1:17) Huwa l-Għajn, is-Sors, tal-ħajja kollha. (Salm 36:9) L-affarijiet kollha li ngawdu bħala membri tar-razza umana jiġu mingħandu, għax huwa l-Ħallieq Grandjuż tagħna. (Isaija 42:5) Huwa wkoll id-Donatur tal-barkiet spiritwali kollha li jiġu għandna permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu, u l-Kelma tiegħu. Għandna l-maħfra tad-dnubiet fuq il-bażi taʼ li hu pprovda lil Ibnu bħala r-rahan tagħna. (Ġwann 3:16) Għandna t-tama tas-Saltna taʼ ‘smewwiet ġodda u art ġdida li fihom it-tjieba se tgħammar.’ (2 Pietru 3:13) Għandna sħubija mill-aħjar maʼ Kristjani sħabna. (Rumani 1:11, 12) Għandna l-unur u l-barkiet taʼ li aħna x-Xhieda tiegħu. (Isaija 43:10-12) U għandna l-privileġġ prezzjuż tat-talb. (Mattew 6:9-13) Verament, għandna bosta raġunijiet biex niżżu ħajr lil Jehovah!
Modi Li Bihom Nistgħu Nfaħħru Lil Jehovah
3. B’liema modi diversi nistgħu nfaħħru lil Jehovah u nesprimu l-gratitudni tagħna lejh?
3 Kif nistgħu aħna, bħala l-qaddejja devoti taʼ Jehovah, infaħħruh u nesprimu l-gratitudni tagħna? Nistgħu nagħmlu dan billi nieħdu sehem fil-ministeru Kristjan—nagħtu xiehda minn dar għal dar, nagħmlu żjajjar lura, nikkonduċu studji tal-Bibbja, u nieħdu sehem fil-għoti taʼ xiehda fit-toroq. Nistgħu nfaħħruh ukoll billi nagħtu xiehda informalment kulmeta tippreżenta ruħha l-opportunità. Jerġaʼ, nistgħu nfaħħru lil Jehovah permezz tal-kondotta retta tagħna, saħansitra permezz tal-mod pulit u modest li bih nilbsu u nżommu ruħna. Ix-Xhieda taʼ Jehovah spiss ġew imfaħħrin talli huma eżemplari f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, nistgħu nfaħħru lil Jehovah u niżżuh ħajr permezz tat-talb.—Ara 1 Kronaki 29:10-13.
4. Liema hu wieħed mill-isbaħ modi kif nistgħu nfaħħru lil Missierna tas-sema li jħobb?
4 Iżjed minn hekk, wieħed mill-isbaħ modi li bih nistgħu nfaħħru lil Missierna tas-sema li jħobb huwa billi neżaltaw lilu u lill-virtujiet tiegħu b’għanjiet melodjużi tas-Saltna. Ħafna mużiċisti u kompożituri jaqblu li l-isbaħ strument tal-mużika huwa l-vuċi umana. L-għorrief tal-mużika klassika ġew imnebbħin biex jiktbu l-opri għaliex hemm tant sodisfazzjon f’li wieħed jismaʼ l-vuċi umana fil-għana.
5. Għal liema raġunijiet għandna nieħdu l-għana tagħna taʼ l-għanjiet tas-Saltna bis-serjetà?
5 Jehovah bil-fors li jieħu pjaċir jismaʼ lill-bnedmin jgħannu, b’mod speċjali meta jkunu qegħdin jgħannu għanjiet taʼ tifħir u gratitudni! Ċertament allura, għandna nieħdu bis-serjetà l-għana tagħna taʼ għanjiet tas-Saltna fid-diversi laqgħat tagħna flimkien—laqgħat tal-kongregazzjoni, assembleat tas-circuit, jiem taʼ assembleat speċjali, konvenzjonijiet distrettwali, u konvenzjonijiet internazzjonali. Il-ktieb taʼ l-għanjiet tagħna huwa kotran b’melodiji verament taʼ għaxqa, li l-ġmiel tagħhom ġie spiss imfaħħar minn dawk li m’humiex Xhieda. Iktar ma nidħlu fl-ispirtu taʼ li ngħannu l-għanjiet tas-Saltna, iktar nagħtu pjaċir lil oħrajn u nkunu taʼ benefiċċju għalina nfusna.
Għana Taʼ Tifħir Lil Jehovah Fi Żminijiet Bibliċi
6. L-Iżraeliti kif esprimew apprezzament għall-ħelsien tagħhom ħdejn il-Baħar l-Aħmar?
6 Il-Kelma t’Alla tgħidilna li Mosè u l-bqija taʼ l-Iżraeliti għannew trijonfalment malli ġew meħlusin mill-armata taʼ Farawni fil-Baħar l-Aħmar. L-għanja tagħhom bdiet bil-kelmiet: “Ħallini ngħanni lil Jehovah, għax hu sar eżaltat fil-għoli. Iż-żiemel u r-rikkieb tiegħu hu xeħet fil-baħar. Saħħti u s-setgħa tiegħi hu Jah, ladarba jservi għas-salvazzjoni tiegħi. Dan hu Alla tiegħi, u jien se nfaħħru.” (Eżodu 15:1, 2) Aħna nistgħu nimmaġinaw tajjeb l-entużjażmu u l-ferħ taʼ l-Iżraeliti hekk kif għannew dawk il-kelmiet wara l-ħelsien mirakoluż tagħhom!
7. L-Iskrittura Ebrajka ssemmi liema okkażjonijiet notevoli oħrajn fejn l-Iżraeliti qegħdin ifaħħru lil Jehovah bil-għana?
7 Fl-1 Kronaki 16:1, 4-36, naqraw li Jehovah ġie mfaħħar bil-għana u bid-daqq taʼ strumenti mużikali meta David ġab l-arka lejn Ġerusalemm. Dik kienet okkażjoni verament taʼ ferħ. Kien hemm ukoll għana taʼ tifħir lil Jehovah akkumpanjat b’mużika strumentali fiż-żmien meta s-Sultan Salamun iddedika t-tempju f’Ġerusalemm. Naqraw fit-2 Kronaki 5:13, 14: “Ġara li malli t-trumbettiera u l-għannejja kienu bħal wieħed f’li jikkaġunaw ħoss wieħed biex jinstemaʼ f’li jfaħħru u jiżżu ħajr lil Jehovah, u malli għollew il-ħoss bit-trumbetti u biċ-ċimbli u bl-istrumenti taʼ l-għana u b’li jfaħħru lil Jehovah, ‘għax huwa tajjeb, għax għal żmien indefinit hija l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu,’ id-dar infisha mtliet bi sħaba, l-istess dar taʼ Jehovah, u l-qassisin ma setgħux iqumu bil-wieqfa biex jimministraw minħabba fis-sħaba; għax il-glorja taʼ Jehovah imliet id-dar taʼ dak Alla veru.” Dak x’juri? Li Jehovah kien qiegħed jismaʼ dan it-tifħir melodjuż u kien ukoll kuntent bih, bħalma kien indikat mis-sħaba soprannaturali. Iktar tard, kien hemm għana minn żewġ korijiet fiż-żmien taʼ l-inawgurazzjoni tal-ħitan taʼ Ġerusalemm fi żmien Neħemija.—Neħemija 12:27-42.
8. Liema ħaġa turi li l-għana kien jittieħed bis-serjetà mill-Iżraeliti?
8 Fil-fatt, l-għana kien tant parti importanti mill-qima fit-tempju li 4,000 Levit kienu mqegħdin apparti għal servizz mużikali. (1 Kronaki 23:4, 5) Dawn kienu jakkumpanjaw lill-għannejja. Il-mużika, speċjalment l-għannejja, okkupat post importanti fil-qima, mhux neċessarjament biex tnissel il-kwistjonijiet iktar peżanti tal-Liġi, imma sabiex tipprovdi l-ispirtu xieraq għall-qima. Din għenet lill-Iżraeliti biex iqimu lil Jehovah b’mod spirituż. Innota t-tħejjija u l-attenzjoni għad-dettal li kienu ddedikati lil din il-karatteristika: “In-numru tagħhom flimkien maʼ ħuthom imħarrġin fil-għana lil Jehovah, esperti kollha, ġew li jkunu mitejn u tmienja u tmenin.” (1 Kronaki 25:7) Innota kemm ħaduh bis-serjetà l-għana taʼ tifħir lil Jehovah. Kienu mħarrġin fil-għana u kienu esperti!
9. Liema enfasi tingħata lill-għana fl-Iskrittura Griega Kristjana?
9 Billi niġu għall-ewwel seklu taʼ l-era komuni tagħna, x’insibu? Ġesù, fil-lejl tat-tradiment tiegħu, b’tant kwistjonijiet peżanti fuq moħħu, xorta waħda ħass il-ħtieġa li jikkonkludi ċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż u l-istituzzjoni tal-Mafkar tal-mewt tiegħu billi jgħanni tifħir lil Jehovah. (Mattew 26:30) Ukoll, naqraw li “għall-ħabta taʼ nofs il-lejl,” Pawlu u Silas, wara li ġew imsawtin u mitfugħin fil-ħabs, “kienu qegħdin jitolbu u jfaħħru lil Alla b’għanjiet; iva, il-ħabsin kienu qegħdin jisimgħuhom.”—Atti 16:25.
Ngħannu Tifħir —Parti Importanti Mill-Qima Tagħna
10. Il-Kelma t’Alla tagħti liema kmandi inkwantu għal li nfaħħruh bil-għana?
10 Tħoss forsi int li l-għana taʼ l-għanjiet tas-Saltna m’huwiex importanti biżżejjed għalik biex tagħtih l-attenzjoni tiegħek mill-qalb? Jekk inhu hekk, m’għandekx int tiżen il-kwistjoni mill-ġdid, minħabba l-importanza li Alla Jehovah u Ġesù Kristu jpoġġu fuq l-għana taʼ tifħir? Iva, il-Kelma t’Alla hija mimlija bi kmandi biex infaħħru lil Jehovah u ngħannu tifħir lilu! Per eżempju, f’Isaija 42:10, naqraw: “Għannu lil Jehovah għanja ġdida, it-tifħir tiegħu mill-estremità taʼ l-art, intom il-bnedmin li neżlin lejn il-baħar u lejn dak li jimlieh, intom il-gżejjer u intom li qegħdin tgħammru fihom.”—Ara wkoll Salm 96:1; 98:1.
11. L-appostlu Pawlu ta liema twissija inkwantu għall-għana?
11 L-appostlu Pawlu kien jaf li l-għana setaʼ jedifikana, u għalhekk wissiena darbtejn fuq il-kwistjoni. Naqraw f’Efesin 5:18, 19: “Komplu imtlew bl-ispirtu, billi tkellmu lilkom infuskom b’salmi u tifħir lil Alla u għanjiet spiritwali, billi tgħannu u takkumpanjaw lilkom infuskom bil-mużika fi qlubkom lil Jehovah.” U F’Kolossin 3:16, naqraw: “Ħalli l-kelma tal-Kristu tgħammar fikom b’mod għani fil-għerf kollu. Komplu għallmu u widdbu lil xulxin b’salmi, tifħir lil Alla, għanjiet spiritwali bi ħlewwa, billi tgħannu fi qlubkom lil Jehovah.”
12. Liema eżempji għandna taʼ li l-għanjiet tagħna jgħinuna biex ngħallmu u nwiddbu lil xulxin?
12 Innota li f’kull każ Pawlu jagħmel referenzi ripetuti għall-għana, meta jsemmi ‘salmi, tifħir lil Alla, għanjiet spiritwali, billi tgħannu bil-mużika fi qlubkom.’ Ukoll, hu jintroduċi r-rimarki tiegħu lill-Kolossin billi jgħid li b’dan il-mod aħna nistgħu nkunu qegħdin ‘ngħallmu u nwiddbu lil xulxin.’ U dak hu ċertament li nagħmlu, bħalma jistaʼ jidher mill-istess titli taʼ l-għanjiet tagħna—“Il-Ħolqien Kollu Jbierek lil Jehovah!” (numru 5), “Nibqgħu Sodi, Bla Ma Nitħarrku!” (numru 10), “Kun Hieni bit-Tama tas-Saltna!” (numru 16), “Tibżgħux minnhom!” (numru 27), “Infaħħru lil Jehovah Alla Tagħna!” (numru 100), biex nagħtu biss ftit eżempji.
13. “L-irsir fidil u diskret” kif wera l-importanza taʼ l-għana bħala parti mill-qima tagħna?
13 F’armonija maʼ dawn il-kmandi, “l-irsir fidil u diskret” irranġa li l-laqgħat tagħna flimkien—laqgħat tal-kongregazzjoni, assembleat tas-circuit, jiem taʼ assemblea speċjali, konvenzjonijiet distrettwali, u konvenzjonijiet internazzjonali—jiftħu u jagħlqu bil-għana taʼ għanjiet tas-Saltna. (Mattew 24:45) Iżjed minn hekk, għanjiet huma mqegħdin fl-iskeda biex jiġu kantati f’ħinijiet oħrajn matul dawn il-laqgħat flimkien. Ladarba l-laqgħat tagħna s-soltu jibdew bil-għana taʼ għanja tas-Saltna, m’għandniex nagħmluh il-punt li naslu fil-ħin, kmieni biżżejjed sabiex nieħdu sehem f’dik il-parti tal-qima tagħna? U ladarba l-laqgħat jispiċċaw bil-għana, m’għandniex nibqgħu sa l-għanja taʼ l-għeluq u t-talba li ssegwiha immedjatament?
14. Liema eżempji għandna fejn għanjiet li jixirqu jiġu magħżulin għall-programmi tagħna?
14 L-għanjiet fil-laqgħat tagħna jiġu magħżulin bil-għaqal sabiex ikunu f’armonija mal-programm. Per eżempju, fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Tagħlim Divin” fl-1993, għanja numru 191, “Għożż il-Verità,” li tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex jitqabdu maʼ Satana, mad-dinja, u mal-laħam imwaqqaʼ, segwiet immedjatament lit-tliet taħditiet li ttrattaw dwar dawn l-għedewwa. Bl-istess mod, għanja numru 164, “It-Tfal—Għotjiet Prezzjużi mingħand Alla,” li fiha ħafna twissijiet lill-ġenituri, segwiet dritt wara taħdita li enfasizzat l-obbligi tal-ġenituri biex iħarrġu lil uliedhom. Għanja numru 70, “Kun bħal Ġeremija,” tgħanniet qabel serje taʼ taħditiet ibbażati fuq il-profeziji taʼ Ġeremija. U wara symposium fuq diversi aspetti tal-ministeru tagħna tas-Saltna ġiet għanja numru 156, “Irrid,” għanja orjentata ferm lejn is-servizz. L-istess attenzjoni tiġi eżerċitata f’li jingħażlu għanjiet għall-Istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa, il-Laqgħa tas-Servizz, u l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Fi qbil maʼ dan, meta l-anzjani jagħtu taħditiet pubbliċi u jindikaw l-għanja li għandha tiġi wżata biex tiftaħ il-programm, għandhom jagħżlu għanja li tixraq lit-tema tat-taħdita tagħhom.
15. Iċ-chairman tal-laqgħa kif jistaʼ jkabbar l-apprezzament lejn l-għanja li trid titkanta?
15 F’li jħabbar l-għanja li trid titkanta, iċ-chairman jistaʼ jkabbar l-apprezzament lejn l-għanja billi jagħti t-titlu jew it-tema tagħha. Aħna ma ngħannux numri imma temi Skritturali. Ukoll, ikun taʼ għajnuna għall-kongregazzjoni biex tapprezza iktar l-għanja jekk l-iskrittura mogħtija taħt it-titlu tiġi nnotata. Jerġaʼ mbagħad, ftit rimarki jistgħu jkunu addattati, bħal per eżempju li din l-għanja għandha tiġi kantata b’kordjalità, sentiment, ferħ, jew fiduċja qalbiena, jiddependi min-natura emozzjonali taʼ l-għanja.
Uri Apprezzament Lejn It-Tjubija Taʼ Jehovah Billi Tgħanni
16. Kif nistgħu aħna nidħlu fl-ispirtu taʼ l-għanjiet tagħna?
16 Ladarba l-versi taʼ l-għanjiet tas-Saltna tagħna huma mimlijin tifsir, għandna bżonn nikkonċentraw fuq il-kliem waqt li ngħannuh. Irridu nidħlu fl-ispirtu taʼ kull għanja. Xi wħud minnhom, bħal dawk li jittrattaw dwar l-imħabba, frotta taʼ l-ispirtu, iqanqlu l-qalb. (Galatin 5:22) Dawn ngħannuhom b’intensità u kordjalità. Oħrajn huma ferriħin, u għandna nipprovaw ngħannuhom b’mod hieni. Jerġaʼ oħrajn huma għanjiet vigorużi taʼ immarċjar, u dawn għandhom jitkantaw b’entużjażmu u fiduċja qawwija. Fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tagħna, ningħataw parir sabiex nesprimu kordjalità u sentiment kif ukoll entużjażmu fil-preżentazzjonijiet tagħna. Li nuru kordjalità, sentiment, u entużjażmu meta nkunu qegħdin ngħannu l-għanjiet tagħna huwa saħansitra iktar importanti.
17. (a) Liema ċensura mogħtija lill-Iżraeliti m’humiex leali ma rridux aħna li tkun tapplika għall-għana tagħna? (b) Liema ħaġa tirriżulta meta nieħdu bis-serjetà t-twissija li jkun hemm fil-għanjiet tagħna?
17 Kieku kellna ngħannu l-għanjiet tas-Saltna tagħna bl-imħuħ tagħna fuq affarijiet oħrajn, billi ma napprezzawx bis-sħiħ it-tifsir tal-kliem, ma nkunux aħna kemmxejn bħall-Iżraeliti m’humiex leali li kienu mwiddbin għaliex, waqt li faħħru lil Alla b’xofftejhom, qlubhom kienu mbegħdin minnu? (Mattew 15:8) Ma rridux li dik iċ-ċensura tapplika għall-mod tagħna taʼ kif ngħannu l-għanjiet tas-Saltna, hux tassew? Billi nagħmlu ġustizzja lill-għana taʼ l-għanjiet tas-Saltna tagħna, aħna se nistimulaw mhux biss lilna nfusna imma wkoll lil dawk li jkunu madwarna, inklużi ż-żgħażagħ. Iva, jekk dawk kollha li jgħannu fis-Swali tas-Saltna tagħna jieħdu bis-serjetà t-twissijiet li fihom dawn l-għanjiet, dan kieku jkun inkuraġġiment taʼ qawwa biex inkunu żelużi fil-ministeru u nevitaw in-nasbiet taʼ l-għemil ħażin.
18. L-għana taʼ l-għanjiet tas-Saltna liema effett kellu fuq ċerta mara?
18 Darba wara l-oħra, dawk li m’humiex Xhieda jiġu impressjonati bil-għana tagħna taʼ għanjiet tas-Saltna. It-Torri Taʼ L-Għassa darba ppubblika dan is-suġġett: “Li l-għana [tagħna] jistaʼ jservi wkoll biex iġib lil bnedmin għal għarfien taʼ Alla Jehovah kien muri minn esperjenza taʼ mara li ġiet mgħammda fl-Assemblea ‘Divine Victory’ (‘Rebħa Divina’) fl-1973, li saret fil-Yankee Stadium, fil-belt taʼ New York. Hi kienet għamlet l-ewwel żjara tagħha f’Sala tas-Saltna lokali waħedha u qagħdet għaż-żewġ laqgħat. Waqt li l-kongregazzjoni għanniet . . . ‘Ibqaʼ Għożż ir-Rigal!,’ hi tant ġiet impressjonata kemm bil-kelmiet u kemm bil-mod kif ġew kantati li ddeċidiet li dan kien fejn hi riedet li tkun. Wara dan hi avviċinat lil waħda mix-Xhieda u talbet studju tal-Bibbja, u pprogressat dritt ’il quddiem lejn li ssir xhud Kristjana taʼ Jehovah.”
19. Liema inkuraġġiment finali hu mogħti inkwantu għal li ngħannu l-għanjiet tas-Saltna tagħna b’qalbna kollha?
19 Fil-biċċa l-kbira tal-laqgħat tagħna, hemm komparattivament ftit opportunitajiet biex l-udjenza jesprimu s-sentimenti u l-apprezzament tagħhom. Imma lkoll kemm aħna nistgħu nesprimu l-mod kif inħossuna dwar it-tjubija taʼ Jehovah billi nissieħbu b’qalbna kollha fil-għana taʼ għanjiet tas-Saltna. Barra minn hekk, meta niltaqgħu flimkien, ma jkollniex spirtu taʼ hena? Mela għandna nħossuna bħal li kieku rridu ngħannu! (Ġakbu 5:13) Verament, skond kemm napprezzaw it-tjubija taʼ Jehovah u l-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, aħna se ngħannu tifħir lilu b’ruħna kollha. (w94 5/1)
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema huma żewġ raġunijiet bażiċi għal li wieħed ifaħħar lil Jehovah?
◻ B’liema modi diversi nistgħu nfaħħru lil Jehovah?
◻ Liema hu wieħed mill-isbaħ modi kif nistgħu nfaħħru lil Jehovah?
◻ Liema eżempji Skritturali għandna taʼ li nfaħħru lil Jehovah bil-għana?
◻ Kif nistgħu nagħmlu ġustizzja lill-għana tagħna taʼ l-għanjiet tas-Saltna?
[Kaxxa f’paġna 19]
Tgħallem Dawk L-Għanjiet!
Jidher li xi wħud sabuha naqra diffiċli biex jitgħallmu xi wħud mill-għanjiet il-ġodda. Madankollu, irid jingħad li l-familja taʼ Betel fi Brooklyn kif ukoll xi ftit mill-kongregazzjonijiet taʼ New York ma kellhom ebda problema f’li jgħannu kull waħda minn dawn l-għanjiet. Forsi sempliċement naqra iktar sforz biex wieħed jitgħallem dak li għall-ewwel jidher li m’huwiex familjari jistaʼ jkun dak kollu li hu meħtieġ. Ladarba tkun saret familjari maʼ għanjiet bħal dawn, il-kongregazzjoni spiss tapprezzahom iktar minn dawk li ma kienu jinħtieġu ebda sforz biex titgħallimhom.
[Kaxxa f’ paġna 20]
Għannu Għanjiet Tas-Saltna F’Laqgħat Soċjali Flimkien
L-għana tagħna taʼ għanjiet tas-Saltna m’għandux għalfejn ikun limitat għas-Sala tas-Saltna. Pawlu u Silas għannew tifħir lil Jehovah waqt li kienu fil-ħabs. (Atti 16:25) U d-dixxiplu Ġakbu qal: “Hemm xi ħadd li hu ferħan? Ħalli jgħanni tifħir lil Alla.” (Ġakbu 5:13, nota taʼ taħt) Fil-laqgħat soċjali flimkien kulħadd ikun ferħan. Mela għala ma ngħannux għanjiet tas-Saltna? Dan jistaʼ jkun speċjalment taʼ għaxqa jekk l-għana jkun akkumpanjat bil-pjanu jew bil-kitarra. Inkella, hemm it-tapes bil-pjanu taʼ l-għanjiet tas-Saltna tagħna; bosta familji tax-Xhieda għandhom l-album taʼ dawn it-tapes. Dawn ma jservux tajjeb biss biex jakkumpanjaw l-għana imma huma wkoll ideali għal mużika sabiħa fl-isfond.