LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 6/15 pp. 18-23
  • Ġenituri, Ipprovdu għall-Bżonnijiet tal-Familja Tagħkom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġenituri, Ipprovdu għall-Bżonnijiet tal-Familja Tagħkom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħudu Ħsiebhom Materjalment
  • Ħudu Ħsiebhom Spiritwalment
  • Ħudu Ħsiebhom Emozzjonalment
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Uliedna —Wirt Prezzjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 6/15 pp. 18-23

Ġenituri, Ipprovdu għall-​Bżonnijiet tal-​Familja Tagħkom

“Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, . . . ikun ċaħad il-​fidi.”​—1 TIMOTJU 5:8.

1, 2. (a) Għala huwa inkuraġġanti li tara familji jattendu flimkien il-​laqgħat Kristjani? (b) X’inhuma xi sfidi li jiffaċċjaw il-​ġenituri biex ikunu jistgħu jaslu għal-​laqgħat fil-​ħin?

META tagħti daqqa t’għajn lejn il-​kongregazzjoni Kristjana qabel ma tibda xi laqgħa, għandek mnejn tara tfal nodfa u lebsin pulit sejrin bil-​qiegħda ħdejn il-​ġenituri tagħhom. M’hijiex xi ħaġa sabiħa li tara l-​imħabba li hi tant evidenti f’familji bħal dawn—l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova u għal xulxin? Madankollu, huwa faċli li tinsa kemm jirrikjedi sforz biex familja tasal fil-​ħin għal-​laqgħat.

2 F’ħafna każi, il-​ġenituri jkollhom ħafna x’jagħmlu l-​ġurnata kollha, u f’dawk il-​ġranet li jkollhom il-​laqgħat, ikunu saħansitra iktar imħabbtin. Ikollhom l-​ikel x’jippreparaw, xi faċendi x’jagħmlu, u l-​ħowmwerk x’jitlesta. Il-​ġenituri għandhom l-​akbar responsabbiltà, billi jagħmlu ċert li kulħadd ikun nadif, kiel, u lest fil-​ħin. M’għandniex xi ngħidu, bit-​tfal jistaʼ jinqalaʼ minn kollox f’ħin ħażin. Il-​kbir iqattaʼ l-​qalziet waqt li qiegħed jilgħab. Iż-​żgħir iwaqqaʼ l-​ikel. It-​tfal jibdew jargumentaw. (Proverbji 22:15) Ir-​riżultat? Anki jekk il-​ġenituri jkunu ppjanaw sew għal fil-​għaxija, għandu mnejn li ma jseħħx kif ikunu ppjanaw huma. Madankollu, familji bħal dawn kważi dejjem ikunu fis-​Sala tas-​Saltna ħafna qabel ma tibda l-​laqgħa. Kemm huwa taʼ inkuraġġiment li narawhom għal-​laqgħat ġimgħa wara l-​oħra, sena wara sena, hekk kif it-​tfal jikbru u jaqdu lil Ġeħova!

3. Kif nafu li Ġeħova jgħożż ħafna lill-​familja?

3 Għalkemm xi drabi x-​xogħol tiegħek bħala ġenitur jistaʼ jkun diffiċli, saħansitra jegħjik ħafna, tistaʼ tkun żgur li Ġeħova jgħożż ħafna l-​isforzi tiegħek. Ġeħova huwa l-​Oriġinatur taʼ l-​arranġament tal-​familja. Fil-​fatt, il-​Kelma tiegħu tgħid li kull familja “taf isimha”​—l-​eżistenza tagħha—lil Ġeħova. (Efesin 3:​14, 15) Għalhekk, meta intom il-​ġenituri tfittxu li twettqu l-​irwoli tagħkom fil-​familja bl-​aħjar mod, tkunu qegħdin tonoraw lill-​Mulej Sovran taʼ l-​univers. (1 Korintin 10:31) M’huwiex dan privileġġ kbir? Għalhekk, huwa xieraq li nikkunsidraw l-​inkarigu li Ġeħova ta lill-​ġenituri. F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw aspett wieħed minn dan l-​inkarigu, dak li nipprovdu għall-​familja. Ejja nirrivedu tliet oqsma li fihom Alla jistenna li l-​ġenituri jipprovdu.

Ħudu Ħsiebhom Materjalment

4. Ġeħova liema arranġamenti għamel fil-​familja rigward l-​issodisfar tal-​bżonnijiet tat-​tfal?

4 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ċertament li jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-​membri taʼ daru, ikun ċaħad il-​fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Meta Pawlu tkellem dwar “xi ħadd,” lil min kellu f’moħħu? Kien il-​kap tal-​familja, normalment il-​missier. Alla jagħti lin-​nisa rwol dinjituż bħala għajnuna għal żwieġhom. (Ġenesi 2:18) In-​nisa fiż-​żminijiet tal-​Bibbja spiss kienu jgħinu lil żwieġhom biex jipprovdu għall-​familja. (Proverbji 31:​13, 14, 16) Illum, il-​familji b’ġenitur wieħed qed isiru saħansitra iktar komuni.a Ħafna ġenituri Kristjani waħedhom qegħdin jagħmlu biċċa xogħol taʼ l-​għaġeb billi jipprovdu għall-​familji tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, ikun aħjar li familja jkollha żewġ ġenituri, bil-​missier li jieħu t-​tmexxija.

5, 6. (a) X’inhuma xi sfidi li jiffaċċjaw dawk li qed jipprovaw jipprovdu materjalment għall-​familja tagħhom? (b) Billi jżommu liema ħarsa lejn ix-​xogħol sekulari jistaʼ jgħin lil dawk il-​Kristjani li jipprovdu biex ikampaw?

5 Fl-​1 Timotju 5:​8, x’tip taʼ provvediment kellu f’moħħu Pawlu? Il-​kontenut jissuġġerixxi li kien qed jitkellem dwar il-​bżonnijiet materjali tal-​familja. Fid-​dinja taʼ llum, hemm ħafna ostakli li l-​kap tal-​familja jistaʼ jiffaċċja biex ikun jistaʼ jipprovdi b’dan il-​mod. Il-​problemi ekonomiċi huma komuni madwar id-​dinja, kif ukoll it-​telf taʼ l-​impjieg, ir-​rati għoljin taʼ nuqqas taʼ xogħol, u l-​għoli tal-​ħajja li dejjem jiżdied. X’jistaʼ jgħin lil dak li jipprovdi biex ikampa meta jiffaċċja sfidi bħal dawn?

6 Dak li jipprovdi jagħmel tajjeb li jiftakar li għandu inkarigu mingħand Ġeħova. Il-​kliem ispirat taʼ Pawlu juri li raġel li jkun kapaċi jobdi dan il-​kmand imma jirrifjuta li jagħmlu, ikun qisu wieħed li “ċaħad il-​fidi.” Kristjan għandu jagħmel l-​almu tiegħu biex jevita reputazzjoni bħal din quddiem Alla. Madankollu, b’dispjaċir, illum ħafna nies madwar id-​dinja m’għandhomx “imħabba naturali.” (2 Timotju 3:​1, 3) Tabilħaqq, ħafna missirijiet jevitaw li jġorru r-​responsabbiltà tagħhom u jħallu lill-​familja tagħhom mingħajr appoġġ. Irġiel Kristjani m’għandhomx l-​istess ħarsa bla qalb u mingħajr serjetà lejn li jipprovdu għall-​familja tagħhom. Għall-​kuntrarju taʼ ħafna mill-​ħaddiema sħabhom, il-​Kristjani li jipprovdu jqisu ċertu xogħol insinifikanti bħala li hu dinjituż u importanti, mezz li bih jistgħu jogħġbu lil Alla tagħhom Ġeħova, ladarba dan ix-​xogħol jgħinhom biex jipprovdu għall-​maħbubin tagħhom.

7. Għala huwa xieraq li l-​ġenituri jikkunsidraw l-​eżempju taʼ Ġesù?

7 Il-​kapijiet tal-​familja jistgħu jsibu t’għajnuna wkoll li jikkunsidraw l-​eżempju perfett taʼ Ġesù. Ftakar li l-​Bibbja tirreferi b’mod profetiku għal Ġesù bħala ‘Missierna għal dejjem.’ (Isaija 9:​5, 6 [6, 7, NW]) Bħala “l-​aħħar Adam,” Ġesù jieħu post b’mod effettiv “l-​ewwel bniedem Adam” bħala l-​missier tal-​bnedmin li jeżerċitaw fidi. (1 Korintin 15:45) Kuntrarju għal Adam, li wera li kien missier egoist, Ġesù huwa missier ideali. Il-​Bibbja tgħid dwaru: “B’dan sirna nafuha l-​imħabba, għax hu ta ruħu għalina.” (1 Ġwanni 3:16) Iva, Ġesù minn rajh offra ħajtu għal oħrajn. Madankollu, flimkien maʼ dan kuljum kien ipoġġi l-​bżonnijiet t’oħrajn qabel tiegħu stess f’affarijiet iżgħar. Intom il-​ġenituri tagħmlu tajjeb li timitaw l-​ispirtu tiegħu taʼ sagrifiċċju.

8, 9. (a) Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-​għasafar rigward li jipprovdu bla egoiżmu għaż-​żgħar tagħhom? (b) Ħafna ġenituri Kristjani kif qegħdin juru spirtu taʼ sagrifiċċju?

8 Il-​ġenituri jistgħu jitgħallmu ħafna dwar l-​imħabba mhix egoista mill-​kliem li qal Ġesù lill-​poplu t’Alla li kien diżubbidjenti: “Kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-​flieles tagħha taħt ġwinħajha!” (Mattew 23:37) Hawnhekk Ġesù pinġa stampa ċara taʼ qroqqa li tipproteġi liż-​żgħar tagħha taħt ġwinħajha. Il-​ġenituri jistgħu tassew jitgħallmu ħafna mill-​istinti protettivi t’għasfura omm, li lesta li titfaʼ lilha nfisha f’riskju biex tipproteġi lill-​flieles tagħha. Madankollu, dak li l-​għasafar jagħmlu kuljum għaż-​żgħar tagħhom huwa rimarkevoli. Itiru ’l hemm u ’l hawn biex ifittxu l-​ikel. Anki meta jkunu għajjenin ħafna, huma jitfgħu l-​ikel f’ħalq iż-​żgħar tagħhom, li ġeneralment jibilgħuh u jibdew jgħajtu għal iktar. Ħafna mill-​ħlejjaq taʼ Ġeħova huma “għorrief” bil-​mod kif jieħdu ħsieb iż-​żgħar tagħhom.​—Proverbji 30:24.

9 B’mod simili, il-​ġenituri Kristjani madwar id-​dinja qegħdin juru spirtu taʼ sagrifiċċju taʼ min jammirah. Tippreferu li ssofru intom stess milli tħallu lil uliedkom jgħaddu minn xi tbatija. Iżjed minn hekk, kuljum intom lesti tagħmlu sagrifiċċji sabiex tipprovdu għall-​familja tagħkom. Ħafna minnkom tqumu kmieni fil-​għodu biex taħdmu xogħol li jegħjikom u li jkun tedjanti. Taħdmu iebes biex tipprovdu ikel nutrittiv għall-​familja. Titħabtu biex tagħmlu żgur li wliedkom ikollhom ħwejjeġ nodfa, post xieraq fejn joqogħdu, u edukazzjoni tajba. U tagħmlu dan jum wara l-​ieħor, sena wara l-​oħra. Żgur li s-​sagrifiċċji li tagħmlu u l-​paċenzja li turu jogħġbu lil Ġeħova! (Ebrej 13:16) Madankollu, fl-​istess ħin intom tiftakru li hemm modi iktar importanti milli tipprovdu materjalment għall-​familja tagħkom.

Ħudu Ħsiebhom Spiritwalment

10, 11. X’inhi l-​iktar ħaġa importanti mill-​bżonnijiet tal-​bnedmin, u x’għandhom jagħmlu l-​ġenituri Kristjani biex jissodisfaw dan il-​bżonn f’uliedhom?

10 Iktar importanti milli tipprovdu materjalment huwa li tipprovdu spiritwalment. Ġesù qal: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mattew 4:4; 5:3) Intom il-​ġenituri x’tistgħu tagħmlu biex tipprovdu spiritwalment?

11 Dwar dan is-​suġġett, forsi ebda skrittura oħra ma hi kwotata daqs Dewteronomju 6:​5-7. Jekk jogħġbok iftaħ il-​Bibbja u aqra dawn il-​versi. Innota li l-​ġenituri huma mitlubin biex l-​ewwel jikkultivaw l-​ispiritwalità tagħhom, biex jikkultivaw imħabba għal Ġeħova u jniżżlu kliemu f’qalbhom. Iva, għandek bżonn tkun student serju tal-​Kelma t’Alla, billi taqra l-​Bibbja regolarment u timmedita fuqha biex b’hekk tiżviluppa fehma ċara u mħabba għall-​modi, il-​prinċipji, u l-​liġijiet taʼ Ġeħova. Bħala riżultat, qalbek se tkun mimlija veritajiet sbieħ tal-​Bibbja li se jqanqluk biex tħossok ferħan, turi rispett, u jkollok imħabba għal Ġeħova. Se jkollok abbundanza t’affarijiet tajbin x’taqsam maʼ wliedek.​—Luqa 6:45.

12. Il-​ġenituri kif jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù meta jiġu biex inaqqxu l-​veritajiet Bibliċi f’uliedhom?

12 Il-​ġenituri li huma b’saħħithom spiritwalment huma preparati biex japplikaw il-​parir li jinsab f’Dewteronomju 6:7 (NW) biex ‘inaqqxu sewwa’ kliem Ġeħova f’uliedhom f’kull opportunità. Li ‘tnaqqax sewwa’ jfisser li tgħallem u tqanqal permezz taʼ ripetizzjonijiet. Ġeħova jaf sew li lkoll kemm aħna​—l-​ulied b’mod partikulari​—għandna bżonn ir-​ripetizzjoni biex inkunu nistgħu nitgħallmu. Għalhekk, Ġesù uża r-​ripetizzjoni fil-​ministeru tiegħu. Per eżempju, meta għallem lid-​dixxipli tiegħu biex ikunu umli minflok ma jiftaħru u jkunu kompetittivi, hu sab varjetà taʼ modi biex jirripeti l-​istess prinċipju. Hu għallem billi rraġuna, ta tixbihat, u anki billi wriehom bl-​azzjonijiet tiegħu. (Mattew 18:​1-4; 20:​25-​27; Ġwanni 13:​12-​15) Madankollu, b’mod rimarkevoli, Ġesù qatt ma wera nuqqas taʼ paċenzja. Bl-​istess mod, il-​ġenituri għandhom isibu modi kif jgħallmu l-​veritajiet bażiċi lil uliedhom, billi bil-​paċenzja jirripetu l-​prinċipji taʼ Ġeħova sakemm it-​tfal jifhmu dak li jkunu tgħallmu u japplikawh.

13, 14. X’inhuma xi okkażjonijiet meta l-​ġenituri jistgħu jnaqqxu l-​veritajiet tal-​Bibbja fit-​tfal tagħhom, u liema artikli jistgħu jużaw?

13 Is-​sessjonijiet taʼ l-​istudju tal-​familja huma okkażjonijiet ideali għal tagħlim bħal dan. Tabilħaqq, studju tal-​familja fuq il-​Bibbja li huwa regulari, pjaċevoli, u jibni, huwa element importanti għall-​ispiritwalità tal-​familja. Il-​familji Kristjani madwar id-​dinja jieħdu gost bi studji bħal dawn, u jagħmlu użu tal-​letteratura provduta mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova billi jaddattaw l-​istudju għall-​bżonnijiet taʼ wliedhom. Il-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir kien barka kbira f’dan ir-​rigward, bħalma hu wkoll il-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu​—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom.b Madankollu, l-​istudju tal-​familja m’huwiex l-​uniku ħin biex tgħallem lit-​tfal.

14 Bħalma juri Dewteronomju 6:​7, hemm ħafna okkażjonijiet fejn intom il-​ġenituri tistgħu tiddiskutu l-​affarijiet spiritwali maʼ wliedkom. Kemm jekk tkunu qegħdin tivvjaġġaw, tagħmlu l-​faċendi, jew tirrilassaw flimkien, tistgħu ssibu opportunitajiet biex tipprovdu għall-​bżonnijiet spiritwali taʼ wliedkom. M’għandniex xi ngħidu, m’għandikx għalfejn tagħmel “priedka” lil uliedek dwar il-​veritajiet tal-​Bibbja. Minflok, ipprova żomm il-​konversazzjoni tal-​familja waħda li tibni u fuq nota spiritwali. Per eżempju, ir-​rivista Stenbaħ! għandha ħafna artikli dwar varjetà taʼ suġġetti. Xi artikli jistgħu jiftħu t-​triq għal konversazzjonijiet dwar il-​ħolqien taʼ l-​annimali taʼ Ġeħova, postijiet sbieħ madwar id-​dinja, u varjetà sabiħa taʼ kulturi u modi taʼ ħajja. Konversazzjonijiet bħal dawn jistgħu jqanqlu lil uħud żgħar biex jaqraw iktar letteratura li jipprovdi l-​ilsir leali u għaqli.​—Mattew 24:​45-47.

15. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom biex iħarsu lejn il-​ministeru Kristjan bħala interessanti u premjanti?

15 Jekk ikollok konversazzjonijiet li jibnu maʼ wliedek, dan se jgħinek tissodisfa bżonn spiritwali ieħor. L-​ulied Kristjani għandhom bżonn jitgħallmu jaqsmu l-​fidi tagħhom b’mod effettiv m’oħrajn. Waqt li tiddiskuti xi punti taʼ interess mit-​Torri taʼ l-​Għassa jew Stenbaħ! tistaʼ tfittex opportunitajiet biex tara kif jistaʼ jintuża dak il-​materjal fuq il-​ministeru. Per eżempju, tistaʼ tistaqsi: “Ma tkunx xi ħaġa sabiħa kieku jkun hawn iktar nies li jafu dan dwar Ġeħova? Kif taħseb li nistgħu nħajru lil xi ħadd jinteressa ruħu f’dan is-​suġġett?” Diskussjonijiet bħal dawn jistgħu jgħinu lil uħud żgħar biex jiżviluppaw interess akbar biex jaqsmu dak li jitgħallmu m’oħrajn. Imbagħad, meta wliedek joħorġu miegħek fis-​servizz, huma jaraw eżempju ħaj taʼ kif tagħmel dawn il-​konversazzjonijiet fil-​prattika. Jistgħu jitgħallmu wkoll li l-​ministeru huwa xogħol interessanti u pjaċevoli li jipproduċi ħafna sodisfazzjon u ferħ.​—Atti 20:35.

16. It-​tfal x’jistgħu jitgħallmu meta jisimgħu lill-​ġenituri tagħhom jitolbu?

16 Il-​ġenituri jipprovdu wkoll għal uliedhom b’mod spiritwali meta jkunu qegħdin jitolbu. Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu kif jitolbu, u talab magħhom f’ħafna okkażjonijiet. (Luqa 11:​1-13) Aħseb ftit dwar kemm tgħallmu billi ngħaqdu fit-​talb maʼ l-​Iben stess taʼ Ġeħova! B’mod simili, uliedek jistgħu jitgħallmu ħafna mit-​talb tiegħek. Per eżempju, jistgħu jitgħallmu li Ġeħova jridna nitkellmu bil-​miftuħ u mill-​qalb miegħu, u li nkunu nistgħu nersqu lejh bi kwalunkwe problema li jistaʼ jkollna. Iva, it-​talb tiegħek jistaʼ jgħin lil uliedek biex jitgħallmu verità spiritwali vitali: Jistaʼ jkollhom relazzjoni maʼ Missierhom tas-​sema.​—1 Pietru 5:7.

Ħudu Ħsiebhom Emozzjonalment

17, 18. (a) Il-Bibbja kif turi l-​importanza li turi l-​imħabba lejn it-​tfal? (b) Il-​missirijiet kif għandhom jimitaw lil Ġeħova dwar kif jesprimu l-​imħabba lejn uliedhom?

17 M’għandniex xi ngħidu, it-​tfal għandhom ukoll bżonnijiet emozzjonali importanti. Il-​Kelma t’Alla tgħid lill-​ġenituri kemm huwa importanti li jissodisfaw dan il-​bżonn. Per eżempju, nisa iżgħar huma mħeġġin biex “iħobbu lil uliedhom.” (Titu 2:4) Tabilħaqq, hija xi ħaġa sensibbli li turi mħabba lejn it-​tfal. Dan il-​fatt jgħallem tifel, jew tifla, kif iħobb u jġiblu benefiċċji dejjiema. Mill-​banda l-​oħra, ma jagħmilx sens li ma turix imħabba lejn it-​tfal. Dan jikkaġuna wġigħ kbir u juri li qed tonqos li timita lil Ġeħova, li jurina mħabba kbira minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħna.​—Salm 103:​8-14.

18 Ġeħova jieħu l-​inizjattiva f’li jħobb lil uliedu taʼ l-​art. Bħalma jgħid l-​1 Ġwanni 4:​19, “hu ħabbna l-​ewwel.” Intom il-​missirijiet b’mod partikulari għandkom timitaw l-​eżempju taʼ Ġeħova, billi tieħdu l-​inizjattiva biex tibnu għaqda taʼ mħabba maʼ wliedkom. Il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​missirijiet biex jevitaw li jdejqu lil uliedhom, “sabiex ma jaqtgħux qalbhom.” (Kolossin 3:21) Ftit huma l-​affarijiet li jdejqu lil ulied iktar mill-​impressjoni li l-​ġenituri tagħhom ma jħobbuhomx jew li ma jqisuhomx taʼ valur. Il-​missirijiet li jżommu lura milli juru s-​sentimenti tagħhom jagħmlu tajjeb li jiftakru l-​eżempju taʼ Ġeħova. Ġeħova saħansitra tkellem mis-​sema biex jesprimi l-​approvazzjoni u l-​imħabba tiegħu għal Ibnu. (Mattew 3:17; 17:5) Kemm kien inkuraġġanti dan għal Ġesù! Bl-​istess mod, it-​tfal jiksbu ħafna saħħa u kuraġġ mill-​espressjonijiet onesti taʼ mħabba u approvazzjoni mingħand il-​ġenituri tagħhom.

19. Id-​dixxiplina għala hi importanti, u x’bilanċ għandhom jistinkaw biex isibu l-​ġenituri Kristjani?

19 M’għandniex xi ngħidu, l-​imħabba li lġenituri juru lejn uliedhom hija iktar minn sempliċi kliem. L-​imħabba hija murija prinċipalment bl-​azzjoni. Meta jipprovdu materjalment u spiritwalment ikunu qed jesprimu l-​imħabba tagħhom għalihom, speċjalment meta l-​ġenituri jagħmlu dan b’mod li juri li l-​imħabba hija l-​motivazzjoni primarja. Barra minn hekk, id-​dixxiplina hija espressjoni vitali taʼ mħabba li juru l-​ġenituri. Tabilħaqq, “Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb.” (Ebrej 12:6) Mill-​banda l-​oħra, in-​nuqqas taʼ dixxiplina turi li l-​ġenituri jobogħdu lil uliedhom! (Proverbji 13:24) Ġeħova dejjem isib il-​bilanċ xieraq, jiddixxiplina ‘kemm jistħoqqilna.’ (Ġeremija 46:28) M’huwiex dejjem faċli għall-​ġenituri imperfetti biex juru bilanċ bħal dan. Madankollu, kull sforz li tagħmel biex iżżomm dan il-​bilanċ huwa premjanti. Dixxiplina soda imma bi mħabba tgħin lit-​tfal jikbru għal ħajja ferħana u produttiva. (Proverbji 22:6) M’huwiex dak li kull ġenitur Kristjan irid għal uliedu?

20. Il-​ġenituri, kif jistgħu jagħtu lil uliedhom l-​aħjar opportunità possibbli biex ‘jagħżlu l-​ħajja’?

20 Meta intom il-​ġenituri tagħmlu x-​xogħol importanti li Ġeħova tagħkom​—billi tipprovdu għal uliedkom materjalment, spiritwalment, u emozzjonalment​—il-​barkiet huma kbar. B’hekk, tkunu qegħdin tagħtu lil uliedkom l-​iktar opportunità tajba possibbli biex ‘jagħżlu l-​ħajja’ u mbagħad jibqgħu ‘jgħixu.’ (Dewteronomju 30:19) Dawk it-​tfal li jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova u li jibqgħu fit-​triq tal-​ħajja hekk kif jimmaturaw, iġibu ħafna ferħ lill-​ġenituri tagħhom. (Salm 127:​3-5) Ferħ bħal dan se jibqaʼ għal dejjem! Madankollu, kif jistgħu ż-​żgħar ifaħħru lil Ġeħova issa? L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti dan is-​suġġett.

[Noti taʼ taħt]

a F’din id-​diskussjoni, se nirreferu għal wieħed li jipprovdi fil-​ġeneru maskil. Madankollu, il-​prinċipji jistgħu japplikaw ukoll għal mara Kristjana meta hi tkun il-​waħda li tipprovdi għall-​familja.

b Pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Int Kif Twieġeb?

Il-​ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jipprovdu għal uliedhom

• materjalment?

• spiritwalment?

• emozzjonalment?

[Stampa f’paġna 18]

Ħafna għasafar jitħabtu biex jipprovdu għaż-​żgħar tagħhom

[Stampa f’paġna 20]

Il-​ġenituri għandhom l-​ewwel jikkultivaw l-​ispiritwalità tagħhom stess

[Stampi f’paġna 20, 21]

Il-​ġenituri jistgħu jsibu ħafna okkażjonijiet biex jgħallmu lil uliedhom dwar il-​Ħallieq

[Stampa f’paġna 22]

It-​tfal jiksbu kuraġġ u saħħa mill-​approvazzjoni tal-​ġenituri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja