Ibqaʼ Ikber fil-Għarfien
“Ipprovdu lill-fidi tagħkom . . . għarfien.”—2 PIETRU 1:5.
1, 2. (a) X’tistaʼ titgħallem billi tħares lejn is-smewwiet? (Rumani 1:20) (b) X’inhu l-ammont eżatt taʼ kemm il-bniedem żied fil-għarfien?
X’TISTAʼ titgħallem int billi toħroġ barra f’lejla mudlama mingħajr sħab u tħares lejn il-qamar jiddi u lejn in-numru bla għadd taʼ kwiekeb? Tistaʼ titgħallem xi ħaġa dwar Dak li ħalaq dan kollu.—Salm 19:1-6; 69:34.
2 Li kieku ridt iżżid dak l-għarfien, kont int titlaʼ fuq il-bejt tad-dar tiegħek u tħares minn hemm? Wisq probabbli li le. Albert Einstein darba uża tixbieha bħal din biex jagħmel il-punt li x-xjenzati ma kinux verament żiedu wisq fil-għarfien tal-univers u ċertament ħafna inqas dwar Dak li ħalqu.a Dr. Lewis Thomas kiteb: “L-akbar kisba unika tax-xjenza f’dan l-iktar seklu produttiv b’mod xjentifiku hi l-iskoperta li aħna profondament ma nafu xejn; nafu ftit ferm dwar in-natura u nifhmu saħansitra inqas.”
3. Żjieda fil-għarfien f’liema sens tistaʼ żżid l-uġigħ?
3 Saħansitra jekk tqattaʼ s-snin kollha li fadallek minn għomor normali tfittex dan l-għarfien, int tistaʼ sempliċement issir iżjed konxju taʼ kemm hi qasira l-ħajja u tara iżjed ċar li l-użu li jagħmel il-bniedem mill-għarfien hu limitat bl-imperfezzjoni u bit-‘tgħawwiġ’ tad-dinja. Salamun għamel dak il-punt, meta kiteb: “Fl-abbundanza tal-għerf hemm abbundanza taʼ taħwid, tant li dak li jżid il-għarfien iżid l-uġigħ.” (Ekkleżjasti 1:15, 18) Iva, li wieħed jikseb il-għarfien u l-għerf neqsin minn kwalunkwe rabta mal-għanijiet t’Alla normalment jinvolvi uġigħ u taħwid.—Ekkleżjasti 1:13, 14; 12:12; 1 Timotew 6:20.
4. Liema għarfien għandna nkunu rridu niksbu?
4 Qiegħda l-Bibbja tirrikkmanda li aħna ma nkunux interessati f’li nżidu l-għarfien tagħna? L-appostlu Pietru kiteb: “Le, imma ibqgħu ikbru fil-qalb tajba mhix mistħoqqa u fil-għarfien tal-Mulej tagħna u Salvatur Ġesù Kristu. Lilu tkun il-glorja issa u sal-jum tal-eternità.” (2 Pietru 3:18) Aħna nistgħu u għandna naċċettaw dik l-eżortazzjoni bħala li tapplika għalina, billi tħeġġiġna biex nikbru fil-għarfien. Imma liema xorta taʼ għarfien? Kif nistgħu niżdiedu fih? U qegħdin aħna verament nagħmlu hekk?
5, 6. Pietru kif enfasizza li għandna bżonn niksbu l-għarfien?
5 Li niżdiedu f’għarfien eżatt tal-Ħallieq tal-univers u taʼ Ġesù kienet idea ċentrali fit-tieni ittra taʼ Pietru. Fil-ftuħ tagħha hu kiteb: “Jalla l-qalb tajba mhix mistħoqqa u l-paċi jkunu miżjudin lilkom b’għarfien eżatt t’Alla u taʼ Ġesù l-Mulej tagħna, billi l-qawwa divina tiegħu tatna b’xejn l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja u d-devozzjoni lejn Alla, permezz tal-għarfien eżatt taʼ dak li sejħilna permezz tal-glorja u tal-virtù.” (2 Pietru 1:2, 3) Mela hu jorbot li jkollna qalb tajba mhix mistħoqqa u paċi maʼ li aħna niksbu għarfien t’Alla u taʼ Ibnu. Dak hu raġonevoli, ladarba l-Ħallieq, Jehovah, hu l-punt ċentrali tal-għarfien veru. Wieħed li jibżaʼ minn Alla kapaċi jara l-affarijiet fil-perspettiva xierqa u jasal għal konklużjonijiet validi.—Proverbji 1:7.
6 Imbagħad Pietru ħeġġeġ: “Ipprovdu lill-fidi tagħkom virtù, lill-virtù tagħkom għarfien, lill-għarfien tagħkom kontroll fuqkom infuskom, lill-kontroll tagħkom fuqkom infuskom sabar, lis-sabar tagħkom devozzjoni lejn Alla, lid-devozzjoni tagħkom lejn Alla affezzjoni tal-aħwa, lill-affezzjoni tagħkom tal-aħwa mħabba. Għax jekk dawn l-affarijiet jeżistu fikom u jfuru, m’humiex se jħallukom tkunu m’intomx attivi jew bla frott rigward il-għarfien eżatt tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:5-8)b Fil-kapitlu li jmiss, naqraw li l-ksib tal-għarfien igħin lin-nies biex jaħarbu mit-tniġġis tad-dinja. (2 Pietru 2:20) Pietru b’hekk għamilha ċara li dawk li qegħdin isiru Kristjani għandhom bżonn il-għarfien, kif għandhom bżonnu dawk li diġà qegħdin jaqdu lil Jehovah. Qiegħed int f’waħda minn dawk il-kategoriji?
Tgħallem, Irrepeti, Uża
7. Ħafna b’liema mod kisbu għarfien eżatt taʼ veritajiet bażiċi tal-Bibbja?
7 Forsi int qed ikollok studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah għaliex tagħraf il-verità mill-messaġġ tagħhom. Darba fil-ġimgħa, għal xi madwar siegħa, int tikkunsidra xi suġġett mill-Bibbja billi tuża xi għajnuna bħall-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna tal-Art. Eċċellenti! Ħafna li studjaw b’dan il-mod max-Xhieda taʼ Jehovah kisbu għarfien eżatt. Iżda, x’tistaʼ tagħmel biex iżżid l-ammont li int personalment qed titgħallem? Hawn għandek xi suġġerimenti.c
8. Waqt li jipprepara għal studju, student x’jistaʼ jagħmel biex jitgħallem iżjed?
8 Qabel xejn, hekk kif tipprepara għall-istudju tiegħek, ifli l-materjal li jrid isir. Dak ifisser li tagħti daqqa t’għajn lit-titlu tal-kapitlu, it-titli sekondarji, u xi stampi wżati li juru fuqiex inhu l-materjal. Imbagħad, hekk kif taqra paragrafu jew sezzjoni tal-pubblikazzjoni, fittex għall-ideat prinċipali u l-iskritturi li jappoġġjawhom, u dawn tirrigahom jew timmarkahom bil-highlighter. Biex tara jekk int tgħallimtx il-veritajiet li ġew diskussi, ipprova wieġeb il-mistoqsijiet tad-diversi paragrafi. Meta tagħmel dan, ipprova ifforma tweġibiet fi kliemek stess. Fl-aħħar, irrevedi l-lezzjoni, billi tipprova tiftakar il-punti ewlenin u l-argumenti li jappoġġjawhom.
9. Li wieħed japplika suġġerimenti dwar l-istudju kif se jgħinu jitgħallem?
9 Int tistaʼ tistenna li tiżdied fil-għarfien jekk tapplika dawn is-suġġerimenti. Għala? Raġuni waħda hi li int se tittratta l-materjal b’xewqa ħerqana biex titgħallem, billi tħejji l-ħamrija, biex ingħidu hekk. Billi tikseb ħarsa inġenerali u mbagħad tfittex il-punti ewlenin u l-irraġunar, se tara kif id-dettalji huma marbutin mat-tema jew mal-konklużjoni. Reviżjoni finali se tgħinek tiftakar dak li studjajt. X’se jgħinek iktar tard, matul l-istudju tiegħek tal-Bibbja?
10. (a) Li sempliċi tirrepeti fatti jew informazzjoni ġdida għala hu taʼ valur limitat? (b) X’inhu nvolut f’li “wieħed jiftakar affarijiet ġodda f’intervalli progressivament itwal”? (ċ) Ulied Iżraeliti kif setgħu bbenefikaw minn ripetizzjoni?
10 Esperti fil-qasam tal-edukazzjoni jafu l-valur taʼ ripetizzjoni f’waqtha u bi skop. Dan mhux sempliċi kliem bħal taʼ pappagall, li forsi kont tgħid l-iskola biex titgħallem xi isem, fatt, jew idea bl-amment. Sibt int, iżda, li malajr insejt dak li kont tgħid bl-amment, li malajr sparixxa mill-memorja? Għala? Li sempliċement tgħid xi kelma jew fatt bħal pappagall jistaʼ jkun tedjanti, u r-riżultati għandhom ħajja qasira. X’jistaʼ jbiddel dan? Li int verament tkun trid titgħallem se jgħin. Muftieħ ieħor hu ripetizzjoni bi skop. Xi ftit minuti wara li titgħallem xi punt, qabel ma tinsieh, ipprova iġbed minn ġo fik dak li tgħallimt. Dan ġie msejjaħ “graduated interval recall,” li jfisser li “wieħed jiftakar affarijiet ġodda f’intervalli progressivament itwal.” Billi tiffriska l-memorja tiegħek qabel ma din tgħib, int testendi t-tul taż-żamma tagħha. F’Iżrael, missirijiet riedu jdaħħlu sewwa l-kmandi t’Alla f’uliedhom. (Dewteronomju 6:6, 7) Li “ddaħħalhom sewwa” jfisser li tgħallem b’ripetizzjoni. Wisq probabbli, ħafna minn dawk il-missirijiet l-ewwel ippreżentaw il-liġijiet lil uliedhom; iktar tard huma rrepetew l-informazzjoni; u mbagħad staqsew mistoqsijiet lil uliedhom dwar x’kienu tgħallmu.
11. X’jistaʼ jsir matul studju tal-Bibbja biex jiżdied it-tagħlim?
11 Jekk xi Xhud qed jikkonduċi studju tal-Bibbja miegħek, hu jew hi jistaʼ jgħinek titgħallem billi jagħmel ġabriet fil-qosor progressivi minn ħin għall-ieħor matul il-korsa tal-istudju. Din mhix xi ħaġa għaż-żgħar biss. Hija teknika li ttejjeb it-tagħlim, u għalhekk bil-ferħ ħu sehem fir-reviżjonijiet perjodiċi. Imbagħad, fit-tmiem tal-istudju, ħu sehem f’reviżjoni finali li fiha int twieġeb mill-memorja. Int tistaʼ, fi kliemek, tispjega l-punti daqs li kieku qed tgħallem lil persuna oħra. (1 Pietru 3:15) Dan se jgħin biex tagħmel dak li tgħallimt parti mill-memorja fit-tul tiegħek.—Qabbel Salm 119:1, 2, 125; 2 Pietru 3:1.
12. Student innifsu x’jistaʼ jagħmel biex itejjeb il-memorja tiegħu?
12 Pass ieħor taʼ għajnuna se jkun li int, fi żmien ġurnata jew tnejn, tgħid dak li tgħallimt lil xi ħaddieħor, forsi sieħbek fl-iskola, jew fuq ix-xogħol, jew xi ġar. Int tistaʼ ssemmi s-suġġett u mbagħad tgħid li int tixtieq biss tara jekk tistax tiftakar l-irraġunar ewlieni jew it-testi li jappoġġjawhom mill-Bibbja. Dak jistaʼ jqajjem l-interess tal-persuna l-oħra. Saħansitra jekk ma jagħmilx hekk, l-istess proċess taʼ li tirrepeti l-informazzjoni ġdida wara intervall taʼ ġurnata jew tnejn se jistabbilieha fil-memorja tiegħek. Imbagħad int verament tkun tgħallimtha, billi tagħmel dak li jħeġġeġ it-2 Pietru 3:18.
Nitgħallmu b’Mod Attiv
13, 14. Għala għandna nixtiequ li navanzaw lil hinn milli sempliċement niksbu u niftakru informazzjoni?
13 Li titgħallem hu iktar milli sempliċement iddaħħal fatti jew li tkun kapaċi tiftakar informazzjoni. Nies reliġjużi fi żmien Ġesù hekk għamlu bit-talb ripetut tagħhom. (Mattew 6:5-7) Imma kif ġew effettwati mill-informazzjoni? Kienu huma qegħdin jipproduċu frott taʼ tjieba? Bil-kemm. (Mattew 7:15-17; Luqa 3:7, 8) Parti mill-problema kienet li l-għarfien ma ppenetrax fi qlubhom, u ma ġabilhomx riżultati taʼ benefiċċju.
14 Skond Pietru, għandu jkun differenti għall-Kristjani, lura f’dak iż-żmien u issa. Hu jħeġġiġna biex nipprovdu mal-fidi tagħna l-għarfien li se jgħinna nevitaw li nkunu inattivi jew bla frott. (2 Pietru 1:5, 8) Biex dan ikun veru fil-każ tagħna, irridu jkollna xewqa li nikbru f’dak il-għarfien u li rriduh jeffettwana fil-fond, billi jmissilna l-istess ġewwieni tagħna. Dak mhux dejjem jistaʼ jiġri.
15. Liema problema żviluppat f’xi Kristjani Ebrej?
15 Fi żmien Pawlu l-Kristjani Ebrej kellhom problema f’dan ir-rigward. Billi kienu Lhud, kellhom xi għarfien dwar l-Iskrittura. Huma kienu jafu dwar Jehovah u dwar xi ftit mill-ħtiġijiet tiegħu. Iktar tard huma żiedu għarfien dwar il-Messija, eżerċitaw fidi, u ġew imgħammdin bħala Kristjani. (Atti 2:22, 37-41; 8:26-36) Matul ix-xhur u s-snin, huma żgur li attendew xi laqgħat Kristjani, fejn setgħu ħadu sehem f’li jaqraw l-iskritturi u f’li jikkummentaw. Xorta waħda, xi wħud ma kibrux fil-għarfien. Pawlu kiteb: “Għalkemm imisskom tkunu għalliema meta tqis iż-żmien, terġgħu teħtieġu lil xi ħadd igħallimkom mill-bidu l-affarijiet elementari tal-kelmiet sagri minn fomm Alla; u sirtu bħal dawk li jeħtieġu l-ħalib, mhux ikel solidu.” (Ebrej 5:12) Dak kif setaʼ jkun? Jistaʼ dan ukoll jiġri lilna?
16. X’inhu l-permafrost, u kif jeffettwa l-pjanti?
16 Bħala tixbieha, ikkunsidra l-permafrost, l-art dejjem iffriżata fl-Artiku u f’reġjuni oħrajn fejn it-temperatura medja hi taħt il-punt tal-iffriżar. Il-ħamrija, il-blat, u l-ilma taʼ taħt l-art jiffriżaw f’balla solida, xi drabi sa fond taʼ 3,000 pied [900 m]. Fis-sajf, il-ħamrija tal-wiċċ (imsejħa s-saff attiv) forsi ddub. Madankollu, dan is-saff irqiq taʼ ħamrija mdewba hu normalment kollu tajn għaliex l-ilma ma jistax joħroġ minn ġol-permafrost taʼ taħtu. Il-pjanti li jikbru fis-saff irqiq tal-wiċċ huma taʼ spiss żgħar jew magħkusin; il-għeruq tagħhom ma jistgħux jippenetraw minn ġol-permafrost. ‘X’għandu x’jaqsam,’ forsi qed taħseb, ‘il-permafrost ma jekk qigħedx nikber fil-għarfien tal-verità tal-Bibbja jew le?’
17, 18. Il-permafrost u s-saff attiv tiegħu kif jistgħu jintużaw biex jagħtu tixbieha dwar xi żviluppa f’xi Kristjani Ebrej?
17 Il-permafrost jagħti stampa eżatta tas-sitwazzjoni taʼ bniedem li l-qawwiet mentali tiegħu m’humiex involuti b’mod attiv f’li jieħdu, jiftakru, u jużaw għarfien eżatt. (Qabbel Mattew 13:5, 20, 21.) Wieħed x’aktarx li għandu l-kapaċità mentali biex jitgħallem diversi suġġetti, inkluża l-verità tal-Bibbja. Hu studja “l-affarijiet elementari tal-kelmiet sagri minn fomm Alla” u forsi kkwalifika biex jitgħammed, kif għamlu dawk il-Kristjani Ebrej. Hu jistaʼ, iżda, ma ‘jagħfasx ’il quddiem lejn il-maturità,’ lejn affarijiet lil hinn mid-“duttrina primarja dwar il-Kristu.”—Ebrej 5:12; 6:1.
18 Ġib quddiem għajnejk lil xi wħud minn dawk il-Kristjani fil-laqgħat lura f’dak iż-żmien. Huma kienu preżenti u mqajmin, imma kienu l-imħuħ tagħhom involuti f’li jitgħallmu? Kienu huma b’mod attiv u bil-ħeġġa qegħdin jikbru fil-għarfien? Forsi le. Għal dawk immaturi, kwalunkwe involviment fil-laqgħat seħħ f’saff attiv irqiq, bħal li kieku, waqt li taħt kien profondità ffriżata. Il-għeruq taʼ veritajiet iktar solidi jew ikkomplikati ma setgħux jippenetraw f’dan ir-reġjun taʼ permafrost mentali.—Qabbel Isaija 40:24.
19. B’liema mod jistaʼ Kristjan taʼ esperjenza llum isir bħall-Kristjani Ebrej?
19 Jistaʼ jkun simili għal Kristjan illum. Fil-waqt li jkun preżenti għal-laqgħat hu forsi ma jużax dawk l-okkażjonijiet biex jikber fil-għarfien. Xi ngħidu dwar li nieħdu sehem attiv fihom? Għal wieħed ġdid jew wieħed miċ-ċkejknin li jivvolontarja biex jaqra xi skrittura jew jagħti xi kumment fil-kliem tal-paragrafu jistaʼ jirrikjedi sforz konsiderevoli, li jirrifletti eżerċizzju mill-aħjar u taʼ min ifaħħru tal-kapaċità tiegħu. Imma Pawlu wera li għal oħrajn, meta tqis kemm kien ilhom Kristjani, dawn għandhom javanzaw lil hinn minn dak l-istadju inizjali taʼ parteċipazzjoni jekk iridu jibqgħu jikbru fil-għarfien.—Ebrej 5:14.
20. Liema analiżi tagħna nfusna għandu jagħmel kull wieħed minna?
20 Jekk Kristjan taʼ esperjenza qatt ma pprogressa lil hinn milli sempliċement jaqra xi vers mill-Bibbja jew jagħmel xi kumment bażiku dirett mill-paragrafu, x’aktarx li l-parteċipazzjoni tiegħu ġiet mis-“saff attiv” taʼ fuq taʼ moħħu. Laqgħa wara l-oħra tistaʼ tgħaddi u xorta l-profondità tal-potenzjal mentali tiegħu tibqaʼ fi stat iffriżat, biex nibqgħu fuq it-tixbieha tagħna tal-permafrost. Aħna għandna nistaqsu lilna nfusna: ‘Hija dik is-sitwazzjoni tiegħi? Ħallejt jien lil xi għamla taʼ permafrost mentali jinġemgħa ġo fija? Kemm jien mentalment attent u interessat f’li nitgħallem?’ Saħansitra jekk m’aħniex komdi bit-tweġibiet onesti tagħna, nistgħu nibdew issa nieħdu passi biex nikbru fil-għarfien.
21. Liema passi diskussi iktar kmieni tistaʼ int tapplika f’li tipprepara jew tattendi għal-laqgħat?
21 Individwalment nistgħu napplikaw is-suġġerimenti f’paragrafu 8. Ilna kemm ilna assoċjati mal-kongregazzjoni, nistgħu nkunu determinati li nagħfsu lejn il-maturità u għarfien akbar. Għal xi wħud dak se jfisser li jippreparaw għal-laqgħat b’mod iktar diliġenti, forsi billi jirrikorru mill-ġdid għal drawwiet li kienu segwiti snin ilu imma li bil-mod il-mod illaxkaw. Hekk kif tipprepara, ipprova iddetermina x’inhuma l-punti ewlenin u ifhem skritturi li m’humiex familjari u li huma wżati biex jiżżviluppaw l-irraġunar. Fittex xi angolu jew aspett ġdid fil-materjal tal-istudju. Bl-istess mod, matul il-laqgħa, ipprova applika ġewwa fik xi suġġerimenti msemmijin f’paragrafi 10 u 11. Stinka biex tkun attent mentalment, bħal li kieku żżomm għolja t-temperatura taʼ moħħok. Dak se jaġixxi kontra kwalunkwe tendenza għal li “permafrost” jinġemgħa ġo fik; dan l-isforz konxju se jdewweb ukoll lil kwalunkwe kundizzjoni “ffriżata” li setgħet żviluppat qabel.—Proverbji 8:12, 32-34.
Il-Għarfien, Għajnuna Lejn li Nipproduċu Frott
22. Kif se nibbenefikaw jekk naħdmu f’li nżidu l-għarfien tagħna?
22 Kif se nibbenefikaw individwalment jekk naħdmu fuq din il-ħaġa taʼ li nikbru fil-qalb tajba mhix mistħoqqa u fil-għarfien tal-Mulej u Salvatur tagħna Ġesù Kristu? Billi nagħmlu sforz konxju biex inżommu l-qawwiet mentali tagħna attenti, lesti li jieħdu għarfien, iż-żrieragħ taʼ veritajiet ġodda u iżjed ikkomplikati se jitfgħu għeruq ’l isfel ħafna, u l-fehma tagħna se tiżdied u ssir permanenti. Se tkun tixbah lil dak li Ġesù qal f’tixbieha differenti dwar il-qlub. (Luqa 8:5-12) Iż-żrieragħ li jaqgħu fuq ħamrija mill-aħjar jistgħu jkabbru għeruq b’saħħithom biex jappoġġjaw il-pjanti li jipproduċu u jagħtu l-frott.—Mattew 13:8, 23.
23. Liema riżultati jistgħu jiġu meta ndaħħlu f’qalbna t-2 Pietru 3:18? (Kolossin 1:9-12)
23 It-tixbieha taʼ Ġesù kienet xi ftit differenti, u madankollu r-riżultati tajbin kienu simili għal dak li wiegħed Pietru: “Għal din ir-raġuni stess, billi tikkontribwixxu bi tweġiba l-isforz ħerqan kollu tagħkom, ipprovdu lill-fidi tagħkom virtù, lill-virtù tagħkom għarfien . . . Għax jekk dawn l-affarijiet jeżistu fikom u jfuru, m’humiex se jħallukom tkunu jew m’intomx attivi jew bla frott rigward il-għarfien eżatt tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:5-8) Iva, li nikbru fil-għarfien se jgħinna nagħtu l-frott. Se nsibu illi li nieħdu saħansitra iżjed għarfien se jkun dejjem iżjed pjaċevoli. (Proverbji 2:2-5) Dak li titgħallem iżjed se tiftakru malajr u jkun utli hekk kif int tgħallem lil oħrajn biex isiru dixxipli. Mela b’dan il-mod ukoll, se tagħti iktar frott u se ġġib glorja lil Alla u lil Ibnu. Pietru għalaq it-tieni ittra tiegħu: “Ibqgħu ikbru fil-qalb tajba mhix mistħoqqa u fil-għarfien tal-Mulej tagħna u Salvatur Ġesù Kristu. Lilu tkun il-glorja issa u sal-jum tal-eternità.”—2 Pietru 3:18.
[Noti taʼ taħt]
a “[Il-għarfien li żidna] jistaʼ jitqabbel maʼ dak li raġel, li hu interessat f’li jitgħallem iżjed dwar il-qamar, jikseb meta jitlaʼ fuq il-bejt tad-dar tiegħu biex jagħti ħarsa iżjed mill-qrib lejn dik id-dawwala.”
b Il-fidi u l-virtù, l-ewwel żewġ kwalitajiet f’din is-silta, kienu diskussi fil-ħarġa tagħna tal-15 taʼ Lulju, 1993.
c Dawn is-suġġerimenti jistgħu jgħinu wkoll lil uħud li ilhom Kristjani biex jiksbu iżjed mill-istudju persunali tagħhom u mit-tħejjija tagħhom għal-laqgħat.
Tistaʼ Tiftakar?
◻ Għala għandek tkun interessat f’li żżid il-għarfien tiegħek?
◻ Student ġdid tal-Bibbja kif jistaʼ jibbenefika iżjed mill-istudju tiegħu?
◻ Liema periklu trid tevita, kif mogħti stampa mill-permafrost?
◻ Għala għandek tkun reżolut f’li titjieb fl-abbiltà tiegħek biex iżżid il-għarfien?