Nieħdu l-Għarfien Issa u Għal Dejjem
IT-TABIB Ġermaniż Ulrich Strunz kiteb serje taʼ kotba intitolati Forever Young. F’dawn il-kotba jsostni li l-eżerċizzju, ikel nutrittiv, u stil taʼ ħajja bi drawwiet tajbin jistgħu jippromwovu saħħa aħjar u possibbilment iwasslu għal ħajja itwal. Iżda xorta ma jwigħedx lill-qarrejja tiegħu li huma jistgħu letteralment jgħixu għal dejjem jekk isegwu l-pariri tiegħu.
Madankollu, hemm tip t’għarfien li verament iwiegħed ħajja taʼ dejjem. Mill-banda l-oħra, jekk verament tgħix għal dejjem, tistaʼ tieħu għarfien utli għal dejjem. F’talba lil Alla, Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) L-ewwel, ħa nfissru t-terminu “ħajja taʼ dejjem” u mbagħad nistabbilixxu x’jinvolvi l-għarfien u kif nistgħu niksbuh.
Skond il-Bibbja, il-Ħallieq dalwaqt se jibdel din l-art f’ġenna letterali, u b’hekk ikun hawn il-kundizzjonijiet xierqa għal ħajja twila. Biex tinġieb din il-Ġenna taʼ l-art se jkun hemm bżonn taʼ azzjoni drastika, simili għad-Dilluvju taʼ żmien Noè. Mattew kapitlu 24, versi 37 sa 39, juri li Ġesù qabbel iż-żmien tagħna maʼ “jiem Noè,” żmien meta n-nies “ma tawx kas” tas-sitwazzjoni kritika tagħhom. Huma injoraw ukoll il-messaġġ li kien jippriedka Noè. Imbagħad, wasal il-jum “li Noè daħal fl-arka” u d-Dilluvju qered lil kulmin ċaħad dan l-għarfien. Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka baqgħu ħajjin.
Ġesù indika li “jum” simili ġej fi żmienna. Dawk li jagħtu kas taʼ l-għarfien li hu marbut maʼ din il-ġrajja se jkollhom il-prospett mhux biss li jsalvaw iżda wkoll li jgħixu għal dejjem. Barra minn dan, il-mejtin li jinsabu fil-memorja t’Alla se jiġu mqajmin mill-mewt u jkollhom il-prospett li jibqgħu ħajjin mingħajr ma jkollhom għalfejn jerġgħu jmutu. (Ġwanni 5:28, 29) Innota kif Ġesù esprima dawn iż-żewġ ħsibijiet. Meta tkellem maʼ Marta dwar l-irxoxt tal-mejtin, hu qal: “Min jeżerċita l-fidi fija, avolja jmut, se jieħu l-ħajja; u kulmin qed jgħix u jeżerċita l-fidi fija ma jmut qatt.” L-evidenza kollha turi li dan il-“jum” hu qrib ħafna, jiġifieri int tistaʼ ‘ma tmut qatt.’—Ġwanni 11:25-27.
Imbagħad Ġesù staqsa lil Marta: “Temmnu dan?” Hi weġbitu: “Iva, Mulej.” Kieku Ġesù jistaqsik l-istess mistoqsija llum, xi tkun it-tweġiba tiegħek? Forsi ssibha diffiċli temmen li hu possibbli li ma tmut qatt. Iżda anki jekk din tkun ir-reazzjoni tiegħek, bla dubju tkun tixtieq li tistaʼ temmen ħaġa bħal din. Immaġina kemm tistaʼ titgħallem affarijiet kieku ‘ma tmut qatt’! Ipprova immaġina lilek innifsek qed tgawdi dak kollu li tixtieq titgħallem u tagħmel iżda li m’għandikx ħin għalih. U aħseb ftit dwar li terġaʼ tingħaqad mal-maħbubin tiegħek li mietu! Liema hu l-għarfien li jistaʼ jagħmel dawn l-affarijiet kollha possibbli, u kif tistaʼ tiksbu?
Aħna Kapaċi Niksbu l-Għarfien li Jagħti l-Ħajja
Huwa l-għarfien dwar Alla u dwar Kristu xi ħaġa li m’aħniex kapaċi niksbuha? Le. Veru li l-għarfien dwar ix-xogħlijiet tal-Ħallieq hu bla tarf. Iżda, Ġesù ma kienx qed jirreferi għall-astronomija jew xi xjenza oħra meta rabat l-“għarfien” mal-“ħajja taʼ dejjem.” Proverbji kapitlu 2, versi 1 u 5, jindika li l-‘kliem’ u l-“kmandamenti” li jinsabu fil-Bibbja huma fundamentali għat-“tagħrif taʼ Alla.” U rigward Ġesù, Ġwanni 20:30, 31 jindika li dak li nkiteb hu biżżejjed biex ‘jistaʼ jkollna l-ħajja.’
Għaldaqstant, l-għarfien dwar Ġeħova u Ġesù Kristu li jinsab fil-Bibbja hu suffiċjenti biex jurik kif tikseb il-ħajja taʼ dejjem. Il-Bibbja hija ktieb uniku. B’qalb tajba, il-Ħallieq ispiraha b’tali mod li anki nies taʼ ftit skola u b’opportunitajiet limitati jistgħu jieħdu biżżejjed għarfien biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem. Bl-istess mod, xi ħadd li jitgħallem malajr u li għandu ħafna ħin u riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħu dejjem se jkun jistaʼ jitgħallem xi ħaġa ġdida mill-Iskrittura ispirata. Il-fatt li tistaʼ taqra dan l-artiklu huwa prova li int għandek il-kapaċità biex titgħallem, iżda kif għandek tuża din il-kapaċità?
Madwar id-dinja, l-esperjenza wriet li liktar mod effiċjenti biex tikseb dan l-għarfien hu permezz taʼ studju persunali tal-Bibbja gwidat minn xi ħadd li diġà fehem il-materjal. Bħalma Noè pprova jgħaddi l-għarfien lin-nies taʼ żmienu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma lesti li jiġu f’darek biex jiddiskutu l-Bibbja miegħek. Għandhom mnejn jużaw il-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? jew il-ktieb bit-titlu addattat Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem.a Anki jekk issibha diffiċli biex temmen li fil-Ġenna taʼ l-art in-nies leali ‘m’huma se jmutu qatt,’ tistaʼ titgħallem kif tafda f’din il-wegħda permezz taʼ dawn id-diskussjonijiet dwar il-Bibbja. Mela jekk tixtieq tgħix għal dejjem jew sempliċement trid tara jekk huwiex raġunevoli li temmen dan, x’għandek tagħmel? Aċċetta din l-opportunità biex tistudja l-Bibbja.
Kemm idum dan l-istudju? Il-browxer taʼ 32 paġna li għadu kif issemma u li jinsab f’mijiet taʼ lingwi, fih sempliċement 16-il lezzjoni qasira. Jew jekk tistaʼ twarrab madwar siegħa fil-ġimgħa, tieħu ftit xhur biss biex tistudja suġġetti Bibliċi importanti permezz tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Dawn il-pubblikazzjonijiet għenu lil ħafna biex jiksbu ammont kbir t’għarfien u biex jiżviluppaw imħabba profonda għal Alla. Il-Ħallieq jippremja lil dawk li tassew iħobbuh u jgħinhom jiksbu l-ħajja taʼ dejjem.
Tabilħaqq, aħna nistgħu niksbu għarfien li jagħti l-ħajja taʼ dejjem u dan l-għarfien hu faċli biex jinkiseb. Il-Bibbja kollha, jew għallinqas parti minnha, ġiet tradotta f’iktar minn 2,000 lingwa. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova f’235 pajjiż jagħtu bil-ferħ għajnuna persunali u jipprovdu pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja sabiex int tkun tistaʼ żżid iktar l-għarfien tiegħek.
Studju Persunali
Ir-relazzjoni tiegħek m’Alla hi xi ħaġa persunali bejnek u bejn il-Ħallieq. Int biss tistaʼ trawwimha u ssaħħaħha u hu l-uniku wieħed li jistaʼ jagħtik il-ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, għandek tkompli l-istudju persunali tiegħek mill-Kelma miktuba tiegħu. Għandek mnejn issibha eħfef biex twarrab ħin għall-istudju jekk tistieden lil xi ħadd f’darek fuq bażi regulari.
Peress li l-Bibbja u l-letteratura li tgħinek tistudja l-Bibbja fihom “it-tagħrif t’Alla,” huwa ferm xieraq li tieħu ħsiebhom sew. (Proverbji 2:5) B’hekk ikunu jistgħu jdumu għandek is-snin. Jekk tgħix f’pajjiż li qed jiżviluppa, forsi ma tantx użajt kotba l-iskola, u tgħallimt l-iktar billi qgħadt tismaʼ u tosserva. Per eżempju, f’Benin hemm iktar minn 50 lingwa mitkellma u faċli ssib individwi li jitkellmu b’mod fluwenti b’erbaʼ lingwi jew ħamsa, għalkemm qatt ma jkunu qabdu b’idejhom ktieb b’dawn il-lingwi. L-abbiltà tiegħek li titgħallem billi tismaʼ, tosserva, u tikkonċentra hija barka. Xorta waħda, se ssib li l-kotba jistgħu jgħinuk ħafna fl-istudju.
Anki jekk fid-dar ma tantx għandek wisaʼ, ipprova sib post addattat għall-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet li jgħinuk tifhimha. Żommhom fejn issibhom malajr u fejn ma jitkagħbrux.
Studju mal-Familja
Jekk int ġenitur, għandek tieħu interess biex tgħin lil uliedek jiksbu l-istess għarfien li qed tikseb int. F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-ġenituri spiss huma mdorrijin jgħallmu lil uliedhom ħafna affarijiet neċessarji għall-ħajja. Dawn jistgħu jinkludu tisjir, ġbir tal-ħatab, ġarr taʼ l-ilma, trobbija taʼ l-annimali, biedja, sajd, u xiri jew bejgħ taʼ prodotti fis-suq. Din hi tassew edukazzjoni meħtieġa għall-ħajja. Madankollu, f’din l-edukazzjoni ħafna ġenituri ma jinkludux l-għarfien li jistaʼ jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.
Hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, probabbli int tħoss li m’għandikx wisq ħin disponibbli. Il-Ħallieq ukoll jirrealizzah dan. Rigward kif tgħallem lit-tfal dwar il-mogħdijiet tiegħu, innota x’qal żmien twil ilu: “Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:7) Fuq il-bażi taʼ dawn il-ħsibijiet, għax ma tipprovax tiżviluppa programm taʼ tagħlim li hu addattat għalik, per eżempju bħal dan li ġej:
1. “Meta tkun f’darek”: Ipprova iddiskuti l-Bibbja b’mod regulari, forsi darba fil-ġimgħa, maʼ wliedek id-dar bħalma forsi għamel ħaddieħor miegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jipprovdu pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja addattati biex tgħallem tfal taʼ kull età.
2. “Meta tkun miexi fit-triq”: Tkellem maʼ wliedek dwar Ġeħova b’mod informali bħalma tiggwidahom jew tkellimhom dwar in-neċessitajiet tal-ħajja.
3. “Meta timtedd”: Itlob maʼ wliedek kull fil-għaxija.
4. “Meta tqum”: Ħafna familji gawdew bosta riżultati sbieħ għax jiddiskutu silta mill-Bibbja kull fil-għodu. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw il-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljumb biex jagħmlu dan.
F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ħafna ġenituri jagħmlu minn kollox biex wieħed minn uliedhom jikseb edukazzjoni sekulari tajba. B’dan il-mod, binhom jew binthom tkun tistaʼ tieħu ħsiebhom meta jixjieħu. Madankollu, jekk tistudja l-Bibbja u tgħin lil uliedek kollha biex jagħmlu l-istess, int se tikseb l-għarfien li jgħin kemm lilek u kemm lill-familja kollha tiegħek biex tgħixu għal dejjem.
Qatt se jasal il-jum meta nkunu nafu kollox? Le. Hekk kif il-pjaneta tagħna tkompli tivvjaġġa fl-univers bla tarf, aħna se nkomplu nitgħallmu. Tabilħaqq, Koħèlet 3:11 jgħid: “[Alla] kollox għamel tajjeb f’waqtu; nissel ukoll sens taʼ l-imgħoddi u l-ġejjieni f’moħħ il-bniedem, iżda bla ma dawn jirnexxilhom jikxfu x’jagħmel Alla mill-bidu sat-tmiem.” Qatt ma se nieqfu nitgħaxxqu bl-għarfien li nieħdu.
[Noti taʼ taħt]
a It-tnejn pubblikati mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 5]
“Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien . . .”
[Stampi f’paġna 7]
Għin lill-familja tiegħek tieħu għarfien issa u għal dejjem