“Dan Ifisser Il-Ħajja Taʼ Dejjem”
1 Il-kliem taʼ Ġesù rrekordjat fi Ġwann 17:3 għandu jittieħed bis-serjetà. Hu kien ċert minn dak li qal—li wieħed jieħu għarfien dwar Alla u dwar Kristu jfisser il-ħajja taʼ dejjem! Imma huwa sempliċement billi jkollna għarfien dwar Jehovah u Ġesù li aħna se niġu ppremjati b’ħajja eterna? Le. L-Israeliti kienu jafu li Jehovah kien Alla tagħhom, imma l-korsa taʼ ħajjithom ma rriflettietx dak it-twemmin. Bħala riżultat, tilfu l-favur tiegħu. (Ħos. 4:1, 2, 6) Illum miljuni taʼ nies forsi “għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt.” (Rum. 10:2) Hemm bżonn li jsiru jafu lil Jehovah, “l-uniku Alla veru,” u li jitgħallmu jaqduh kif jixraq. Għal dan l-għan, matul Novembru se noffru l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. X’metodu se tuża int biex toffri l-ktieb Għarfien? Hawn ftit suġġerimenti li jistgħu jgħinuk.
2 Peress li l-idea li jgħixu għal dejjem fuq l-art hija ġdida għall-biċċa l-kbira tan-nies, din l-introduzzjoni tistaʼ tattira l-interess tagħhom:
◼ “Qegħdin nistaqsu lill-ġirien tagħna mistoqsija. Li kieku kellek tiġi mistieden biex tgħix għal dejjem f’dinja bħal din, taċċettaha int l-istedina? [Uri l-istampa f’paġni 4-5 fil-ktieb Għarfien. Agħti ħin għal tweġiba.] Din tistaʼ tassew issir l-esperjenza hienja tiegħek fil-ħajja. Imma x’taħseb li jkollok tagħmel biex tara li din issir realtà fil-każ tiegħek? [Agħti ħin għal tweġiba.] Innota liema azzjoni hija meħtieġa skond Ġwann 17:3. [Aqra.] Dan il-ktieb qiegħed jgħin lil ħafna biex jiksbu dan it-tip speċjali t’għarfien. Tixtieq li jkollok kopja persunali biex taqraha? [Agħti ħin għal tweġiba.] Fiż-żjara tiegħi li jmiss, nistgħu niddiskutu għala huwa raġonevoli li nemmnu li nistgħu naslu li ngħixu għal dejjem sewwa sew hawn fuq l-art.”
3 Meta tmur lura biex iżżur lil dawk li magħhom tkun iddiskutejt ġwann 17:3, tistaʼ tissokta b’dan il-mod:
◼ “Matul l-aħħar żjara tiegħi, qrajtlek il-kliem affaxxinanti taʼ Ġesù li hemm fi Ġwann 17:3, fejn hu assigurana illi li nieħdu għarfien dwar Alla u dwaru jfisser il-ħajja taʼ dejjem. Imma ħafna nies jemmnu li ħajja aħjar tistaʼ tinkiseb biss fis-sema. Kif tħossok int dwar dan? [Agħti ħin għal tweġiba.] Jekk il-ktieb li ħallejtlek huwa fil-qrib, nixtieq nurik xi ftit versi mill-Bibbja li jagħtu prova li l-Ġenna għandha tiġi rrestawrata fuq l-art. [Iddiskuti paragrafi 11-16 f’paġni 9-10 fil-ktieb Għarfien.] Meta nerġaʼ niġi, nixtieq nurik għala int tistaʼ tafda f’dawn il-wegħdi misjubin fil-Bibbja. Sadattant, forsi tistaʼ taqra kapitlu 2 fil-kopja tiegħek tal-ktieb.”
4 Hawn preżentazzjoni li forsi tkun tixtieq tuża maʼ nies li huma inklinati reliġjożament:
◼ “Qegħdin nitkellmu mal-ġirien tagħna rigward għala hawn daqstant reliġjonijiet differenti fid-dinja. Jeżistu madwar 1,200 denominazzjoni reliġjuża fl-Istati Uniti biss, u ’l fuq minn 10,000 mad-dinja kollha. Madankollu, hemm biss Bibbja waħda. Fl-opinjoni tiegħek, għala teżisti din il-konfużjoni taʼ reliġjonijiet? [Agħti ħin għal tweġiba. Iftaħ il-ktieb Għarfien f’kapitlu 5, u aqra paragrafu 1.] Se tirċievi tweġibiet sodisfaċenti għal dawk il-mistoqsijiet billi taqra dan il-kapitlu. Nieħu gost li nħallilek il-ktieb jekk tixtieq teżaminah.” Jekk jiġi aċċettat, agħmel arranġamenti definiti biex terġaʼ tmur, u għid: “Meta nerġaʼ niġi, forsi nistgħu niddiskutu jekk ir-reliġjonijiet kollha humiex sempliċement toroq differenti li jwasslu għall-istess post.”
5 Meta tmur lura biex tkompli d-diskussjoni dwar għala hawn daqstant reliġjonijiet, tistaʼ tgħid dan:
◼ “L-aħħar li tkellimt miegħek, qajjimt il-mistoqsija dwar jekk ir-reliġjonijiet kollha humiex sempliċement toroq differenti li jwasslu għall-istess post. X’taħseb int dwar dan? [Agħti ħin għal tweġiba.] Nixtieq nurik fil-ktieb li ħallejtlek x’qal Ġesù f’dan ir-rigward. [Mur f’kapitlu 5 tal-ktieb Għarfien, u aqra paragrafi 6-7, inkluż Mattew 7:21-23.] Forsi int tistaʼ titħasseb għala huwa daqshekk importanti li nkunu nafu eżattament x’inhi r-rieda t’Alla. Se ssib li l-paragrafi li jmiss huma informattivi ħafna. Jekk jogħġbok aqra l-bqija taʼ dan il-kapitlu. Meta nerġaʼ niġi, nieħu gost ħafna jekk nistaʼ nurik il-valur taʼ li jkollna għarfien Bibliku eżatt.”
6 Metodu dirett huwa spiss taʼ suċċess f’li nibdew studji tal-Bibbja. Hawn introduzzjoni ssuġġerita f’paġna 12 tal-ktieb “Reasoning”:
◼ “Qiegħed inżurek biex noffrilek kors fuq il-Bibbja b’xejn f’darek. Jekk nistaʼ, nixtieq nieħu ftit minuti biss biex nurik kif nies f’madwar 200 pajjiż jiddiskutu l-Bibbja fid-dar bħala gruppi tal-familja. Nistgħu nużaw kwalunkwe wieħed minn dawn is-suġġetti bħala bażi għal diskussjoni. [Uri l-werrej fil-ktieb Għarfien.] Liema wieħed jinteressak b’mod speċjali?” Stenna lill-persuna biex tagħmel għażla. Mur fil-kapitlu li jintgħażel, u ibda l-istudju fl-ewwel paragrafu.
7 Hawn hu metodu dirett ieħor taʼ suċċess li tistaʼ tipprova biex tibda studji:
◼ “Jien nagħti lezzjonijiet mill-Bibbja bla ħlas u għandi post fl-iskeda tiegħi għal iktar studenti. Dak li nużaw hija din l-għajnuna għal studju mill-Bibbja. [Uri l-ktieb Għarfien.] Il-kors idum ftit xhur biss u jipprovdi tweġibiet għal mistoqsijiet bħalma huma: Alla għala jippermetti s-sofferenza? Għala nixjieħu u mmutu? X’jiġrilhom il-maħbubin mejtin tagħna? U kif nistgħu nersqu qrib lejn Alla?” Imbagħad staqsi: “Nistaʼ nurik kif isir l-istudju?” Jekk l-offerta għal studju tiġi rrifjutata, staqsi lill-individwu jekk jixtieqx jieħu l-ktieb Għarfien biex jaqrah waħdu. Jekk iwiegħed li jaqrah, ħallilu kopja.
8 X’teżor huwa l-għarfien eżatt dwar Alla u Kristu għal kulmin jippossedih! Li wieħed jieħu dak l-għarfien ifisser verament ħajja taʼ dejjem f’kundizzjonijiet perfetti. Ejjew nużaw kull opportunità matul Novembru biex naqsmu m’oħrajn l-għarfien li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.