L-Għarfien Mingħand Alla Jwieġeb Ħafna Mistoqsijiet
1 Qabel ma ksibt għarfien eżatt tal-verità, x’aktarx li int kellek ħafna mistoqsijiet li ma kontx kapaċi tweġibhom. Kemm kont hieni li tirċievi tweġibiet ibbażati fuq il-Bibbja għal dawk il-mistoqsijiet! Issa int kapaċi tgħin lil oħrajn biex isibu dawk l-istess tweġibiet. (Qabbel 2 Timotju 2:2.) Tistaʼ taqsam magħhom l-għarfien t’Alla li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġwn. 17:3) Imma kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd japprezza l-valur taʼ dan l-għarfien? Tajjeb, aħseb ftit dwar il-mistoqsijiet li l-verità tatek tweġiba għalihom. X’jixtiequ jkunu jafu dawk li qed ifittxu l-verità? Li żżomm dan il-ħsieb f’moħħok jistaʼ jgħinek biex toffri l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jgħinuk meta tkun qiegħed tipprepara għall-għoti taʼ xiehda matul Ġunju.
2 Peress li ħafna nies jitħassbu dwar għala hawn daqshekk sofferenza fid-dinja, dan il-metodu jistaʼ jkollu riżultat tajjeb:
“Meta jfaqqaʼ xi diżastru jew jiżdiedu l-atti taʼ kriminalità jew vjolenza, in-nies taʼ spiss jistaqsu għala jseħħu affarijiet terribbli bħal dawn. Kieku int xi twieġeb?” Agħti ċans lill-individwu biex iwieġeb u irrikonoxxi dak li jgħid. Imbagħad mur f’kapitlu 8 tal-ktieb Għarfien, u iġbed l-attenzjoni għal dak li jintqal f’paragrafu 2. Spjega li dan il-ktieb jippreżenta l-ispjegazzjoni tal-Bibbja dwar għala jseħħu l-affarijiet mill-agħar, u għid: “Jekk twegħedni li taqrah, jien nixtieq inħallilek din il-kopja.” Jekk il-ktieb jiġi aċċettat u l-inkwilin jistaqsi dwar il-ħlas, spjega dwar l-arranġament tad-donazzjoni.
3 Meta tmur lura fejn tkun ħallejt il-ktieb “Għarfien,” tistaʼ tgħid:
◼ “Ħadt interess f’dak li int ikkonkludejt dwar għala hawn daqshekk sofferenza fid-dinja. Taqbel mat-tweġiba tal-Bibbja kif inhi murija fil-ktieb?” Ħalli ħin għal tweġiba. Aqra paragrafu 17 f’paġna 77 tal-ktieb Għarfien, u offri li taqra Rumani 9:14 mill-Bibbja taʼ l-inkwilin. Imbagħad għid: “L-aħbar tajba hi li mhux Alla li jġib fuqna l-uġigħ u s-sofferenza b’mod inġust. Hu wiegħed li jagħtina ħajja taʼ dejjem fil-paċi u l-hena. L-ewwel kapitlu f’dan il-ktieb huwa intitolat ‘Int Jistaʼ Jkollok Futur Hieni!’ Nixtieq nispjegalek kif dan jistaʼ jkun minnu kemm għalik u kemm għall-maħbubin tiegħek.” Mur f’kapitlu 1, u uri kif isir studju. Kopri kemm tistaʼ mill-kapitlu skond kemm jippermettu ċ-ċirkostanzi.
4 Forsi tkun tixtieq tagħżel li tuża l-introduzzjoni li tidher f’paġna 7 tal-fuljett “Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja,” taħt is-sottitlu “Xjuħija/Mewt”:
◼ “Qatt staqsejt: ‘Tgħid il-mewt hija t-tmiem taʼ kollox? Jew hemm xi ħaġ’oħra wara l-mewt?’ [Ħalli ħin għal tweġiba.] Il-Bibbja tiċċaralna kwalunkwe mistoqsija li jistaʼ jkollna dwar il-mewt. [Aqra Koħèlet 9:5, 10.] Turi wkoll li hemm tama reali għal dawk li għandhom il-fidi. [Mur f’paragrafu 13 f’paġna 84 fil-ktieb Għarfien; aqra u spjega l-kliem taʼ Ġesù misjub fi Ġwann 11:25.] Dan il-kapitlu kollu huwa maħsub biex iwieġeb il-mistoqsija, X’jiġri mill-maħbubin mejtin tagħna? Jekk tixtieq taqrah, nistaʼ nħallilek din il-kopja.” Kulmeta tqum l-okkażjoni, agħti lill-inkwilin l-opportunità li jagħmel donazzjoni.
5 Meta tagħmel iż-żjara lura, tistaʼ terġaʼ tintroduċi lilek innifsek, u mbagħad tgħid:
◼ “L-aħħar darba tkellimna dwar x’jiġri meta persuna tmut. Ħafna nies jemmnu li kwalunkwe ħajja li hemm wara l-mewt se tkun jew fis-sema jew fl-infern. Imma qatt ħsibt dwar il-possibbiltà li l-mejtin jerġgħu jgħixu mill-ġdid hawn fuq l-art? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Skond il-Bibbja, uħud irxoxtati se jkunu fost il-ġwejdin li jirtu l-art. [Aqra Salm 37:11, 29, imbagħad iddiskuti paragrafu 20 f’paġna 88 fil-ktieb Għarfien.] Din it-tama ġabet faraġ lil miljuni taʼ nies li kienu jibżgħu mill-mewt. Dan il-ktieb se jgħinek tifhem il-kwistjoni aħjar. Nistaʼ nurik kif?”
6 Jekk tippreferi preżentazzjoni sempliċi, tistaʼ tipprova din:
◼ “Nixtieq nurik stampa f’dan il-ktieb, Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. M’hijiex din stampa sabiħa?” Iftaħ il-ktieb biex l-inkwilin ikun jistaʼ jara paġni 4-5. Agħtih ċans iwieġeb. Imbagħad aqra l-kliem f’paġna 5. Ikkonkludi billi tgħid: “Tistaʼ tieħu dan il-ktieb biex taqrah.” Jekk l-inkwilin jistaqsi dwar kif inhu ffinanzjat ix-xogħol tagħna, tistaʼ ssemmi li naċċettaw donazzjonijiet żgħar għax-xogħol tagħna taʼ madwar id-dinja. Ara liema jkun l-aħjar ħin biex terġaʼ tmur ħalli tkompli tibni fuq xi interess li jintwera.
7 Aħna għandna l-għarfien mingħand Alla li jwieġeb il-mistoqsijiet l-iktar importanti fil-ħajja. Ipprepara bil-għaqal, u Jehovah se jbierek l-isforzi tiegħek biex taqsam din l-informazzjoni li tagħti l-ħajja maʼ dawk li qegħdin ifittxu l-verità.