Suġġerimenti taʼ Preżentazzjonijiet għas-Servizz taʼ l-Għalqa
Uża dawn is-suġġerimenti biex jgħinuk tipprepara xi preżentazzjonijiet biex tintroduċi l-letteratura li tkun se tiġi offruta f’dak ix-xahar.
Ersaq Qrib Lejn Jehovah
“Ħafna nies li jemmnu f’Alla jixtiequ li jħossuhom iktar qrib tiegħu. Kont taf li Alla jistidinna biex nersqu qrib lejh? [Aqra Ġakbu 4:8.] Dan il-ktieb ġie magħmul apposta biex jgħin lin-nies jużaw il-Bibbja tagħhom stess ħalli jersqu qrib lejn Alla.” Aqra paragrafu 1 f’paġna 16.
“Illum l-inġustizzja tinsab kullimkien. Huwa preċiż kif jiddeskrivi hawnhekk. [Aqra Koħèlet 8:9b.] Ħafna jiddubitaw jekk saħansitra Alla jimpurtahx. [Aqra lewwel żewġ sentenzi taʼ paragrafu 4 f’paġna 119.] Dan il-kapitlu jiddiskuti għala Alla ppermetta l-inġustizzja għal xi żmien.”
Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja
“Innotajt li ħafna familji qegħdin isibuha diffiċli biex jissaportu l-pressjonijiet tal-ħajja? [Agħti ċans għal tweġiba.] Rapporti jindikaw li ħafna nies iġarrbu xi diffikultajiet fid-dar. X’taħseb li jistaʼ jgħin lill-familji biex isibu iktar stabbilità u hena? [Agħti ċans għal tweġiba.] Peress li Alla stabbilixxa l-arranġament tal-familja, ma taħsibx li jkun raġunevoli li neżaminaw il-gwida li ħallielna? [Aqra t-2 Timotju 3:16, 17.] Tagħlim taʼ benefiċċju bħal dan jinsab imniżżel f’dan il-ktieb, Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja.” Imbagħad staqsi lill-individwu liema problema jħoss li hija komuni fil-familji, urih il-kapitlu li jiddiskuti din il-problema, u offrilu l-ktieb.
“Għalkemm kulħadd jixtieq ikollu lkuntentizza u s-sodisfazzjon, jidher li ħafna familji ma tantx irnexxielhom f’din il-ħaġa. X’taħseb li jistaʼ jgħinhom isibu l-veru hena? [Agħti ċans għal tweġiba.] Żmien twil ilu, il-Bibbja wriet x’tip taʼ problemi konna se naraw fil-familji llum. [Aqra t-2 Timotju 3:1-3.] Madankollu, il-Bibbja tgħid ukoll lill-familji xi jridu jagħmlu biex isolvu dawn il-problemi u biex jiksbu hena dejjiemi. Il-prinċipji tagħha huma preżentati f’dan il-ktieb, Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja.” Imbagħad uri l-kaxxa tar-reviżjoni fit-tmiem taʼ xi kapitlu addattat, aqraha, u offri l-ktieb.
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom
“Mhux faċli li tkun qed tikber f’dawn iż-żminijiet taʼ inkwiet. Iż-żgħażagħ jiffaċċjaw ħafna sitwazzjonijiet li jirrikjedu minnhom li jieħdu deċiżjonijiet serji. ‘Għandi nixrob jew nieħu d-drogi? Liema kondotta hi xierqa mas-sess oppost?’ Meta ż-żgħażagħ jistaqsu dwar dawn il-kwistjonijiet bażiċi, spiss jingħataw ruxxmata tweġibiet differenti. Fejn taħseb li ħafna minnhom imorru għall-pariri? [Agħti ċans għal tweġiba.] Dan il-ktieb, Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, jipprovdi informazzjoni u għajnuna. [Iġbed l-attenzjoni lejn il-werrej u uri kemm jiġu diskussi suġġetti differenti.] Iż-żgħażagħ għandhom bżonn tweġibiet li huma diretti u prattiċi. It-tweġibiet f’dan il-ktieb għandhom l-appoġġ taʼ dak li tgħid il-Bibbja.”
“Iż-żgħażagħ jiffaċċjaw ħafna pressjonijiet illum u jeħtieġu l-għajnuna biex jegħlbuhom. Ma nkunux irridu xi ħaġa li tipprovdi gwida prattika meta nkunu qed nagħmlu minn kollox biex ngħinuhom? [Agħti ċans għal tweġiba.] Xi wħud mill-iktar pressjonijiet qawwija jiġu mingħand żgħażagħ oħra, dawk taʼ mparhom. Innota l-istampi f’paġni 76 u 77 taʼ dan il-ktieb. [Iġbed l-attenzjoni għall-kitba taʼ ħdejn dawn l-istampi u għall-paragrafi miktubin bil-korsiv f’paġna 77.] Il-paġni l-oħrajn f’dan il-kapitlu jagħtu tweġibiet onesti u prattiċi.”
Ibqaʼ Għassa!
“Ħafna nies huma konċernati dwar il-problemi serji u l-ġrajjiet tal-biżaʼ li huma komuni llum. [Semmi eżempju magħruf lokalment.] Kont taf li dawn l-affarijiet huma parti minn sinjal globali li juri li l-gvern t’Alla dalwaqt se jieħu f’idejh it-tmexxija taʼ l-art? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra skrittura addattata, bħal Mattew 24:3, 7, 8; Luqa 21:7, 10, 11; jew it-2 Timotju 3:1-5.] Dan il-browxer jiddiskuti għala huwa urġenti speċjalment issa li toqgħod attent għas-sinifikat taʼ dawn il-ġrajjiet.”
“Ħafna llum huma mnikktin minħabba l-ġrajjiet tal-biżaʼ li qed iseħħu jew minħabba xi traġedja persunali. Xi wħud jistaqsu għala Alla ma jagħmilx xi ħaġa biex dawn l-affarijiet ma jiġrux. Il-Bibbja tiżgurana li Alla dalwaqt se jaġixxi biex iġib serħan lill-bnedmin mis-sofferenzi. [Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.] Innota x’se jkun ifisser għall-bnedmin il-ġudizzju t’Alla. [Aqra t-2 Pietru 3:10, 13.] Dan il-browxer jagħtik iktar informazzjoni dwar dan is-suġġett importanti.”
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
“Li kieku tiġi mistieden biex tgħix f’xi post sabiħ bħal dan, kont taċċetta l-istedina? [Uri l-istampa f’paġni 4-5 u agħti ċans għal tweġiba.] Innota x’tgħid il-Kelma t’Alla dwar x’inhu l-mezz prinċipali biex ingawdu din il-kwalità taʼ ħajja għal dejjem. [Aqra Ġwanni 17:3.] Dan il-ktieb jgħinek tikseb l-għarfien li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.” Ftiehem biex fiż-żjara li jmiss tiddiskutu flimkien l-ewwel ħames paragrafi taʼ kapitlu 1.
Iftaħ l-istampa f’paġni 188-9, u billi tuża l-kliem taʼ ħdejn l-istampa, staqsi lill-inkwilin: “Tittama int li tgħix fil-Ġenna, meta l-għarfien dwar Alla jimla l-art? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra Isaija 11:9.] Dan il-ktieb jgħinek titgħallem dwar dak li tgħid il-Bibbja rigward il-Ġenna taʼ l-art u kif nistgħu nkunu parti minnha.” Ftiehem biex fiż-żjara li jmiss tiddiskutu flimkien paragrafi 11-16 taʼ kapitlu 1.
Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
“Taħseb li d-dinja tkun post aħjar jekk in-nies jgħixu fi qbil maʼ dan il-kliem? [Aqra Mattew 7:12a. Imbagħad agħti ċans għal tweġiba.] Dan il-ktieb fih ħafna lezzjonijiet mingħand l-aqwa għalliem li qatt għex.” Iġbed l-attenzjoni għall-istampi u l-kliem li hemm ħdejhom f’kapitlu 17.
“Il-biċċa l-kbira mill-ġenituri jipprovaw inaqqxu valuri tajbin f’uliedhom. Tħoss li dan hu importanti? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra Proverbji 22:6.] Innota li l-ġenituri huma inkuraġġiti biex jibdew iħarrġu lil uliedhom miċ-ċokon. Dan il-ktieb hu mfassal biex jgħinhom jagħmlu dan.” Iġbed l-attenzjoni għall-istampi u l-kliem li hemm ħdejhom f’kapitlu 15 jew 18.
“Spiss il-ġenituri jibqgħu skantati bil-mistoqsijiet li joħorġu bihom uliedhom. Xi wħud minn dawn il-mistoqsijiet ikunu diffiċli biex tweġibhom, hux tassew? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra Efesin 6:4.] Dan il-ktieb jistaʼ jgħin lill-ġenituri biex iwieġbu l-mistoqsijiet li jistaqsu t-tfal tagħhom illum.” Iġbed l-attenzjoni għal xi ftit mill-istampi u l-kliem li hemm ħdejhom f’kapitli 11 u 12 jew 34 sa 36.
L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex
“F’dan il-perijodu ħafna nies jaħsbu dwar Ġesù. Iżda, minħabba li mad-dinja kollha qed jiġru ħafna affarijiet tal-biżaʼ, xi wħud forsi jiddubitaw jekk hux veru li Ġesù jimpurtah minna. Int x’taħseb dwar dan?” Agħti ċans għal tweġiba. Iftaħ kapitlu 24 u iddiskuti fil-qosor għala Ġesù ġie fuq l-art. Imbagħad aqra Ġwanni 15:13 u enfasizza l-imħabba mill-qalb li Ġesù għandu għall-oħrajn.
“Meta xi ħadd isemmi lil Ġesù Kristu, ħafna nies iġibuh quddiem għajnejhom jew bħala tarbija jew bħala raġel qed isofri qabel ma jmut. L-idea tagħhom dwar Ġesù tinvolvi biss it-twelid jew il-mewt tiegħu. L-affarijiet meraviljużi li qal u li għamel matul ħajtu spiss jiġu injorati. Dak li wettaq jeffettwa lil kull persuna li qatt għexet fuq l-art. Għalhekk huwa vitali li nitgħallmu kemm nistgħu dwar l-affarijiet meraviljużi li hu għamel għalina.” Aqra Ġwanni 17:3. Iftaħ l-ewwel paġna taʼ l-introduzzjoni u aqra r-rabaʼ paragrafu.
X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja?—Kif Tistaʼ Ssibu?
“Ħafna nies jitħassbu dwar x’inhu liskop tal-ħajja. Huma jistaqsu: ‘Għala qiegħed hawn? Fejn sejjer? Il-futur x’għandu maħżun għalija?’ Fejn taħseb li nistgħu nsibu r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet? [Agħti ċans għal tweġiba.] Innota x’tgħid il-Bibbja. [Aqra Salm 36:10 (Salm 36:9, NW).] M’hijiex ħaġa raġunevoli li tikkonkludi li l-Ħallieq tal-bniedem jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jispjegalna għala qegħdin hawn? [Agħti ċans għal tweġiba.] Dan il-browxer juri l-iskop grandjuż li Alla għandu maħżun għalina.” Iftaħ paġni 20-1, aqra l-kliem taʼ ħdejn l-istampa u ikkummmenta dwar l-istampa; imbagħad offri l-browxer. Jekk l-inkwilin jaċċettah, staqsih: “Kif nistgħu nkunu ċerti li Alla għad għandu l-iskop li l-bnedmin jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art?” Agħmel appuntament biex terġaʼ tmur.
“Xi darba jew oħra kważi kulħadd jaħseb dwar x’inhu l-iskop tal-ħajja. Huwa sempliċement biex ngħixu 70 jew 80 sena, u mbagħad għal ġol-qabar? Jew għandha iżjed x’toffri l-ħajja? Int x’taħseb? [Agħti ċans għal tweġiba.] Hawn, f’Salm 37:29, naraw l-iskop sabiħ t’Alla għall-bniedem u għall-art.” Wara li taqra l-iskrittura, mur fl-istampa taʼ paġna 31 u ikkummenta iktar dwar kif se tkun il-ħajja fil-Ġenna taʼ l-art.
Alla X’Jirrikjedi Minna?
“Taħseb li Alla riedna ngħixu mdawrin bi problemi bħal dawk li qed niffaċċjaw illum il-ġurnata? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra Mattew 6:10.] Qatt ħsibt x’inhi verament is-Saltna t’Alla?” Mur f’lezzjoni 6 u aqra l-mistoqsijiet imqajmin fil-bidu tal-lezzjoni. Ibda iddiskuti l-lezzjoni, jew ftiehem biex tagħmel dan meta terġaʼ tmur.
“Minkejja l-avanzi li għamlet is-soċjetà moderna, il-mard u l-mewt ikomplu jikkaġunaw ħafna niket u tbatija lill-bnedmin. Taf x’se jagħmel Ġesù għall-morda, għax-xjuħ, u saħansitra għall-mejtin?” Agħti ċans għal tweġiba. Jekk il-persuna tkun trid taf it-tweġiba, iftaħ lezzjoni 5 u aqra l-mistoqsijiet għal paragrafi 5-6. Iddiskuti l-paragrafi, jew ftiehem biex tagħmel dan meta terġaʼ tmur.
Qim lill-Uniku Alla Veru
“Fejn taħseb li nistgħu mmorru għall-għajnuna biex inkampaw mal-pressjonijiet tal-ħajja? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra Rumani 15:4.] Innota li l-Iskrittura ispirata tipprovdilna tagħlim, faraġ, u tama, li jistgħu jsaħħuna biex nissaportu d-diffikultajiet. Dan il-ktieb joffri suġġerimenti utli dwar kif nistgħu niksbu l-akbar benefiċċju mill-qari tal-Bibbja.” Iġbed l-attenzjoni lejn l-erbaʼ punti msemmijin f’paġna 30.
“Ħafna nies ilhom jitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla minn mindu Ġesù kien fuq l-art. Qatt ħsibt x’se tkun tfisser għall-bnedmin il-miġja taʼ din is-Saltna? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra Danjel 2:44.] Dan il-ktieb jispjega x’inhi s-Saltna t’Alla, x’se twettaq, u kif nistgħu nibbenefikaw mit-tmexxija ġusta tagħha.” Iġbed l-attenzjoni għall-istampa f’paġni 92-3.