Erfgħu
Suġġerimenti taʼ Preżentazzjonijiet għas-Servizz taʼ l-Għalqa
Kif Tuża Dan l-Insert
Ħafna mill-preżentazzjonijiet li ġejjin dehru fil-ħarġiet li għaddew taʼ Il-Ministeru tas-Saltna. Tistaʼ tipprova kemm trid minnhom fl-attività taʼ l-ippridkar tiegħek, u ara x’riżultati tikseb. Erfaʼ dan l-insert, u użah meta tkun qed tipprepara għall-ministeru.
Tistaʼ tqajjem l-interess tal-persuna fil-Kelma t’Alla jekk tasal malajr għall-punt tal-messaġġ tiegħek. Qajjem mistoqsija speċifika, u mbagħad aqra t-tweġiba qasira mill-Iskrittura. Tistaʼ tipprova dawn is-suġġerimenti:
“Hekk kif tħares lejn il-futur, tħossok int mimli tama jew mimli dubji? [Agħti ċans għal tweġiba.] Il-Bibbja bassret il-ġrajjiet inkwetanti li naraw illum u r-riżultati tagħhom.”—2 Tim. 3:1, 2, 5; Prov. 2:21, 22.
“Illum il-ġurnata hawn tħassib kbir dwar il-kura tas-saħħa. Qatt kont taf li Alla jwegħedna li se jsolvi għal dejjem il-problemi kollha tas-saħħa?”—Is. 33:24; Apk. 21:3, 4.
“Qatt kont taf li l-Bibbja tbassar li fl-aħħar mill-aħħar se jkun hemm gvern wieħed biss jaħkem lid-dinja kollha?”—Dan. 2:44; Mt. 6:9, 10.
“X’taħseb li jkunu l-kundizzjonijiet li kieku Ġesù Kristu jaħkem lid-dinja?”—Salm 72:7, 8.
“Ħafna nies ibatu minn diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon, ir-razza tagħhom, u skond humiex raġel jew mara. Kif taħseb li jħossu Alla dwar preġudizzju bħal dan?”—Atti 10:34, 35.
“Nafu li Ġesù Kristu għamel ħafna mirakli fi żmienu. Kieku tistaʼ tistaqsih biex jagħmel miraklu ieħor, liema jkun?”—Salm 72:12-14, 16.
“Il-biċċa l-kbira min-nies xebgħu jisimgħu dwar problemi. Iridu jisimgħu dwar soluzzjonijiet. Imma fejn nistgħu nsibu soluzzjonijiet veri għall-problemi tagħna?”—2 Tim. 3:16, 17.
“Taf x’inhi s-Saltna li titlob għaliha fit-Talba tal-Missierna?”—Apk.11:15.
Kif Tibda Konversazzjoni
Il-lista taʼ mistoqsijiet t’hawn taħt, meħuda minn xi suġġetti fil-ktieb Reasoning, turi n-numru tal-paġna fil-ktieb fejn tistaʼ ssib it-tweġiba:
Għala nixjieħu u mmutu? (98)
F’liema kundizzjoni jinsabu l-mejtin? (100)
Hemm raġunijiet validi għala għandna nemmnu f’Alla? (145)
Veru li Alla jimpurtah minn dak li jiġrilna bħala bnedmin? (147)
Huwa Alla persuna reali? (147)
In-nies twajbin kollha jmorru s-sema? (162)
Dak li jkun irid bilfors imur is-sema biex ikollu futur hieni? (163)
Għala huwa importanti li nkunu nafu u nużaw l-isem persunali t’Alla? (196)
Huwa Ġesù Kristu Alla? (212)
X’se twettaq is-Saltna t’Alla? (227)
X’inhu l-iskop tal-ħajja għall-bniedem? (243)
X’jistaʼ jgħin biex jitjieb iż-żwieġ? (253)
Jaċċetta Alla r-reliġjonijiet kollha? (322)
Kif jistaʼ individwu jkun jaf liema reliġjon hi tajba? (328)
Satana kemm għandu qawwa biex jinfluwenzaha lid-dinja taʼ llum? (364)
Alla għala jippermetti s-sofferenza? (393)
Għala hawn daqshekk ħażen? (427)
Min jaħkem lid-dinja—Alla jew Satana? (436)
Suġġerimenti Kif Nippreżentaw il-Browxer X’Jirrikjedi
“Żgur taqbel li ħafna nies jemmnu f’Alla. Dawk kollha li jemmnu fih jaqblu li Alla jirrikjedi xi ħaġa minna. Dak li n-nies ma jaqblux dwaru hu, Alla x’jirrikjedi minna?” Imbagħad, ippreżenta l-browxer X’Jirrikjedi, iftaħ lezzjoni nru. 1, u iddiskutiha.
“Peress li llum hawn daqshekk problemi fil-ħajja tal-familja, qatt ħsibt dwar x’inhu s-sigriet biex tikseb l-hena fil-familja?” Wara t-tweġiba, spjega li fil-Bibbja, Alla jikxef x’inhu s-sigriet veru taʼ l-hena fil-familja. Aqra Isaija 48:17. Imbagħad iftaħ lezzjoni nru. 8 fil-browxer X’Jirrikjedi, u irreferi għal xi ftit mill-versi Bibliċi msemmijin li jipprovdu gwida taʼ min joqgħod fuqha għal kull membru tal-familja. Aqra l-lista tal-mistoqsijiet fil-bidu tal-lezzjoni. Staqsi lill-individwu jekk jixtieqx jaqra t-tweġibiet.
“Dan il-browxer fih kors taʼ studju komplet li jkopri t-tagħlim bażiku tal-Bibbja. F’kull paġna, se ssib tweġibiet għal mistoqsijiet li ilhom jinkwetaw lin-nies għal sekli sħaħ. Per eżempju, X’inhu l-iskop t’Alla għall-art?” Iftaħ lezzjoni nru. 5, u aqra l-mistoqsijiet fil-bidu tal-lezzjoni. Staqsi lill-inkwilin liema waħda tinteressah l-iktar, u mbagħad aqra l-paragrafu jew paragrafi tal-mistoqsija li jagħżel, u aqralu xi skritturi addattati. Spjegalu li t-tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet l-oħrajn jistgħu jinstabu daqstant faċilment. Issuġġerixxi li terġaʼ tmur biex tiddiskutu mistoqsija oħra.
“Liema taħseb li hi r-raġuni għala ssir daqshekk vjolenza fl-iskejjel pubbliċi? Taħseb li minħabba n-nuqqas taʼ taħriġ mill-ġenituri? Jew forsi għal xi raġuni oħra, bħal per eżempju l-influwenza mix-Xitan?” Agħti ċans għal tweġiba. Jekk l-individwu jgħid li minħabba l-influwenza mix-Xitan, aqralu Apokalissi 12:9, 12. Uri x’inhu l-irwol tax-Xitan f’li jqanqal l-inkwiet fid-dinja. Imbagħad iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 4, u staqsi lill-individwu jekk qattx ħaseb minfejn ġie x-Xitan. Kompli aqra u iddiskuti miegħu l-ewwel żewġ paragrafi. Jekk l-individwu jagħżel “in-nuqqas taʼ taħriġ mill-ġenituri” bħala r-raġuni għall-vjolenza fl-iskejjel, aqralu t-2 Timotju 3:1-3 u iġbed l-attenzjoni lejn il-karatteristiċi li b’mod ċar jikkontribwixxu biex tinqalaʼ din il-problema. Imbagħad iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 8, aqra paragrafu 5, u kompli d-diskussjoni.
“Taħseb li hu raġunevoli nistennew li l-Ħallieq jagħtina l-għarfien li għandna bżonn sabiex nagħmlu l-ħajja tal-familja suċċess?” Wara t-tweġiba, introduċi l-browxer X’Jirrikjedi. Iftħu f’lezzjoni nru. 8, u spjega li din fiha prinċipji mill-Bibbja għal kull membru tal-familja. Offri li turih kif juża l-browxer mal-Bibbja sabiex jieħu l-akbar benefiċċju.
“Bl-isfidi kollha li niffaċċjaw fil-ħajja taʼ llum, taħseb li t-talb jistaʼ jgħinna verament? [Agħti ċans għal tweġiba.] Ħafna jgħidu li t-talb jagħtihom qawwa ġewwinija. [Aqra Filippin 4:6, 7.] Madankollu, individwu jistaʼ jħoss li t-talb tiegħu ma jkunx qed jiġi mwieġeb. [Iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 7.] Dan il-browxer jispjega kif it-talb jistaʼ jkun verament taʼ benefiċċju għalina.”
“Konna qed nitkellmu mal-ġirien dwar għala hawn daqstant reliġjonijiet differenti fid-dinja. Madankollu, hawn biss Bibbja waħda. Fl-opinjoni tiegħek, għala teżisti din il-konfużjoni taʼ reliġjonijiet? [Agħti ċans għal tweġiba. Iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 13 u aqra l-mistoqsijiet tal-bidu.] Se tingħata tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet billi taqra din il-lezzjoni.”
Wara li tkun ħallejt ir-rivisti tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! maʼ dak li jkun, staqsih jekk tistax taqralu paragrafu qasir. Jekk jippermettilek, iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 5. Urih il-mistoqsijiet imniżżlin fil-bidu tal-lezzjoni, u itolbu biex jismaʼ t-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hekk kif taqralu l-ewwel paragrafu. Wara li taqra l-paragrafu, staqsih il-mistoqsija u ħallih iwieġbek. Offrilu l-browxer u, jekk jaċċettah, ftiehem miegħu li tmur lura biex tieħu t-tweġibiet tiegħu għaż-żewġ mistoqsijiet li jmiss.
Suġġerimenti Kif Nippreżentaw il-Ktieb Għarfien
Bil-Bibbja f’idejk, ibda billi tgħid: “Illum qegħdin naqsmu skrittura maʼ kulmin joqgħod fit-triq tiegħek. Din tgħid . . . ” Aqra Ġwann 17:3, u mbagħad staqsi: “Innotajt x’wegħda għandna jekk nieħdu t-tip xieraq taʼ għarfien? [Agħti ċans għal tweġiba.] Fejn jistaʼ dak li jkun isib għarfien bħal dan?” Wara t-tweġiba, uri l-ktieb Għarfien, u għid: “Dan il-ktieb jidderiġina lejn l-għarfien li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem. Dan jagħmlu billi jwieġeb l-iktar mistoqsijiet komuni li għandhom in-nies dwar il-Bibbja.” Uri l-werrej, u staqsi lill-individwu jekk qattx ħaseb dwar xi wieħed mis-suġġetti li hemm imniżżlin.
“Qatt ħsibt jekk Alla verament jimpurtahx mill-inġustizzji u t-tbatijiet li naraw madwarna jew li ngħaddu minnhom aħna stess? [Agħti ċans għal tweġiba.] Il-Bibbja tiżgurana li Alla jħobbna u li hu se jgħinna meta nkunu għaddejjin minn żminijiet taʼ tbatija.” Aqra partijiet minn Salm 72:12-17. Iftaħ il-ktieb Għarfien f’kapitlu 8, u urih li dan jagħti tweġiba taʼ faraġ għal mistoqsija li jistaqsu miljuni taʼ nies, Alla għala jippermetti s-sofferenza? Jekk inhu possibbli, iddiskuti xi ħsibijiet skritturali li jinsabu f’kapitli 3 sa 5, jew inkella agħmel dan meta terġaʼ żżuru.
“Il-biċċa l-kbira minna tlifna lil xi maħbubin fil-mewt. Ġieli ħsibt jekk xi darba nerġgħux narawhom? [Agħti ċans għal tweġiba.] Ġesù ta prova li l-maħbubin tagħna jistgħu jiġu meħlusin mill-mewt. [Aqra Ġwann 11:11, 25, 44.] Għalkemm seħħ ħafna sekli ilu, dan juri dak li Alla wiegħed li se jagħmel għalina fil-futur.” Iftaħ il-ktieb Għarfien fl-istampa taʼ paġna 85, u aqra l-kliem li hemm magħha. Imbagħad uri l-istampa f’paġna 86, u għid xi ħaġa dwarha. Ħejji t-triq għaż-żjara li jmiss billi tistaqsi: “Tixtieq tkun taf għala l-bnedmin jixjieħu u jmutu?” Mur lura biex tiddiskuti kapitlu 6.
“Qatt ħsibt għala n-nies jixxennqu għal ħajja itwal?” Wara t-tweġiba taʼ dak li jkun, iftaħ il-ktieb Għarfien f’kapitlu 6, u aqra paragrafu 3. Irraġuna fuq l-iskritturi msemmijin. Filwaqt li tirreferi għaż-żewġ mistoqsijiet fl-aħħar tal-paragrafu, staqsi lill-individwu jekk jixtieqx ikun jaf it-tweġibiet. Jekk iwieġeb b’mod favorevoli, iddiskuti l-ftit paragrafi li jmiss.
“Qed nistaqsu lin-nies jekk jemmnux f’dan . . . ” Aqra Ġenesi 1:1, u mbagħad staqsi: “Taqbel maʼ din l-istqarrija?” Jekk l-individwu jaqbel, imbagħad għidlu: “Jien naqbel ukoll. Madankollu, taħseb li jekk Alla ħalaq kollox, hu responsabbli wkoll għall-ħażen?” Wara li turi lill-individwu li qgħadt attent għat-tweġiba tiegħu, aqra Koħèlet 7:29. Iftaħ il-ktieb Għarfien f’kapitlu 8, u aqra paragrafu 2. Jekk ma jaqbilx maʼ Ġenesi 1:1, ħeġġu biex jeżamina l-evidenza li l-Ħallieq jeżisti.—Ara l-ktieb Reasoning, paġni 84-6.
“Ma taqbilx li minħabba li l-valuri morali taʼ żmienna qed jinbidlu l-ħin kollu, għandna bżonn gwida taʼ min joqgħod fuqha f’ħajjitna? [Agħti ċans għal tweġiba.] Għalkemm il-Bibbja hija l-iktar ktieb antik, din tagħti pariri prattiċi għall-ħajja taʼ llum u għal ħajja tal-familja ferħana.” Imbagħad iftaħ kapitlu 2 tal-ktieb Għarfien, u aqra paragrafu 10 u l-ewwel sentenza taʼ paragrafu 11, inkluż it-2 Timotju 3:16, 17.
“Tixtieq tkun taf x’hemm maħżun fil-futur għalina u għall-art? [Agħti ċans għal tweġiba.] Il-Bibbja tiġbor f’kelma waħda x’se jkollna fil-futur—Ġenna! Kien hemmhekk li Alla poġġa lill-ewwel koppja umana meta ħalaqha. Innota din id-deskrizzjoni taʼ kif x’aktarx li kienet.” Iftaħ il-ktieb Għarfien f’paġna 8, u aqra paragrafu 9, taħt is-sottitlu “Il-Ħajja fil-Ġenna.” Imbagħad iddiskuti l-punti f’paragrafu 10, u aqra l-iskrittura msemmija, Isaija 55:10, 11. Offri li tkompli bid-diskussjoni dwar kif se tkun il-ħajja fil-Ġenna restawrata, billi tkopri paragrafi 11-16.
Meta tkun qed tagħmel żjajjar lura maʼ dawk li ħallejtilhom ir-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, tistaʼ tgħidilhom hekk:
“L-aħħar darba li ġejt, ħadt pjaċir inħallilek kopja tar-rivista t-Torri taʼ l-Għassa. Forsi indunajt li t-titlu sħiħ tar-rivista huwa It-Torri taʼ l-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Jehovah. Illum nixtieq nispjegalek x’inhi din is-Saltna u x’tistaʼ tfisser għalik u għall-familja tiegħek.” Imbagħad iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 6, u aqra u iddiskuti skond kemm ikollu ċans l-individwu.
“M’ilux ġejt u ħallejtlek kopji tar-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Dawn ir-rivisti jkabbru r-rispett tan-nies lejn il-Bibbja u lejn il-gwida morali li tagħti. Peress li nħoss li huwa essenzjali li kulħadd jifhem il-Kelma t’Alla, erġajt ġejt biex nurik xi ħaġa li se tgħinek tifhimha.” Urih il-browxer X’Jirrikjedi jew il-ktieb Għarfien, u offri studju tal-Bibbja.
Meta tkun qed toffri kwalunkwe ktieb ieħor tistaʼ tipprova din il-preżentazzjoni:
“In-nies jagħmlu ħafna enfasi fuq il-bżonn li tingħata edukazzjoni taʼ kwalità. Fl-opinjoni tiegħek, liema tip t’edukazzjoni għandu wieħed ifittex sabiex ikun ċert li jkollu l-akbar ferħ u suċċess fil-ħajja? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad aqra Proverbji 9:10, 11.] Dan il-ktieb [aqra t-titlu tal-ktieb li tkun qed toffri] huwa bbażat minn fuq il-Bibbja. Jipponta lejn l-uniku sors t’għarfien li jistaʼ jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.” Urih eżempju speċifiku mill-ktieb, u ħeġġeġ lill-individwu biex jaqrah.
Pubblikazzjonijiet Oħra
Tistaʼ ssib suġġerimenti taʼ preżentazzjonijiet għal kotba u browxers oħrajn fil-Watch Tower Publications Index taħt:
Presentations (Preżentazzjonijiet)
List by Publication (Lista Skond il-Pubblikazzjoni)
Jekk sibt xi preżentazzjoni effettiva li biha qed ikollok riżultati tajbin f’li tikkultiva l-interess, ċertament kompli użaha! Sempliċement addattaha skond l-offerta taʼ letteratura għax-xahar kurrenti.
Il-Metodu Dirett
Sabiex tibda studju tal-Bibbja, ipprova uża wieħed minn dawn il-metodi diretti:
“Kont taf li fi ftit minuti biss, tistaʼ ssib it-tweġiba għal mistoqsija Biblika importanti? Per eżempju, . . . ” Imbagħad, staqsi mistoqsija li tidher fil-bidu taʼ xi waħda mil-lezzjonijiet fil-browxer X’Jirrikjedi u li tistaʼ tolqot lill-individwu.
“Ġejt inżurek biex nurik il-programm tagħna taʼ studju tal-Bibbja b’xejn. Kull m’hemm bżonn xi ħames minuti biex nurik kif isir. Għandek ħames minuti ċans?” Jekk it-tweġiba tkun iva, uża lezzjoni nru. 1 tal-browxer X’Jirrikjedi biex turi kif isir l-istudju, filwaqt li taqra xi skrittura jew tnejn biss milli tagħżel. Wara staqsih: “Meta għandek xi kwarta ċans biex inkopru l-lezzjoni li jmiss?”
“Ħafna nies għandhom Bibbja, iżda ma jirrealizzawx li fiha t-tweġibiet għal mistoqsijiet importanti li lkoll għandna dwar il-futur tagħna. Billi tuża din l-għodda għall-istudju [l-browxer X’Jirrikjedi jew il-ktieb Għarfien] għal madwar siegħa fil-ġimgħa, int tistaʼ tikseb fehma bażika tal-Bibbja fi ftit xhur biss. Nieħu gost jekk tippermettili nurik kif isir dan il-programm.”
“Ġejt inżurek biex noffrilek kors tal-Bibbja b’xejn f’darek. Jekk tippermettili, nixtieq niħodlok ftit minuti biss biex nurik kif in-nies f’iktar minn 200 pajjiż jiddiskutu l-Bibbja fid-dar miġburin bħala familji. Nistgħu nużaw kwalunkwe suġġett minn dawn bħala bażi għad-diskussjoni. [Uri l-werrej fil-ktieb Għarfien.] Liema wieħed jinteressak l-iktar?” Agħti ċans lill-individwu biex jagħżel. Iftaħ il-kapitlu li jagħżel, u ibda l-istudju fuq l-ewwel paragrafu.
“Jien nagħti lezzjonijiet mill-Bibbja bla ħlas u għandi post fl-iskeda tiegħi għal iktar studenti. Din hi l-għajnuna li nużaw għall-istudju tal-Bibbja. [Uri l-ktieb Għarfien.] Il-kors idum ftit xhur biss u jagħti tweġibiet għal mistoqsijiet bħal: Alla għala jippermetti s-sofferenza? Għala nixjieħu u mmutu? X’jiġrilhom il-maħbubin mejtin tagħna? U kif nistgħu nersqu qrib lejn Alla? Nistaʼ nurik kif issir lezzjoni waħda?”