Imita Lil Jehovah Billi Turi Tħassib Ġenwin Lejn Oħrajn
1 Jehovah hu l-aqwa eżempju taʼ wieħed li juri tħassib ġenwin lejn oħrajn. Bħala s-Sovran Universali, hu sensittiv għall-bżonnijiet tal-ħolqien uman tiegħu. (1 Piet. 5:7) Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex juru l-karatteristiċi taʼ Missieru, li jagħmel lix-xemx titlaʼ u lix-xita tinżel kemm fuq in-nies twajbin u kemm fuq dawk mhux twajbin. (Matt. 5:45) Int tistaʼ timita lil Jehovah billi turi tħassib ġenwin lejn oħrajn—billi tkun ippreparat li taqsam il-messaġġ tas-Saltna maʼ kulmin tiltaqaʼ miegħu. Billi tkun familjari għalkollox mal-brochures li se jiġu wżati fil-ministeru matul Lulju, int se tkun f’pożizzjoni tajba li toffri għajnuna spiritwali lil oħrajn. Is-suġġerimenti li ġejjin joffru xi ideat dwar kif tistaʼ tipprepara għall-ewwel żjara u kif imbagħad terġaʼ tmur fejn ikun intwera l-interess bi żjajjar lura f’waqthom.
2 Meta tkun se toffri l-brochure “Veru Li Alla Jimpurtah Minna?” tistaʼ tgħid:
◼ “Qatt ħsibt għala Alla jippermetti li l-bnedmin isofru jekk hu verament jimpurtah minnhom? [Agħti ħin għal tweġiba.] Dan il-brochure jipprovdi mhux biss it-tweġiba sodisfaċenti għal din il-mistoqsija imma juri wkoll li Alla wiegħed li se jneħħi l-ħsara li l-bniedem ġab fuqu nnifsu u fuq l-art li hija d-dar tiegħu.” Aqra paragrafu 23 f’paġna 27. Uri l-istampa taʼ taħtu, u aqra Salm 145:16 minn paragrafu 22. Offri l-brochure. Jekk jiġi aċċettat, staqsi mistoqsija li tistaʼ tiġi mwieġba fiż-żjara li jmiss, bħal per eżempju: “Tixtieq tkun taf kif Alla se jwettaq l-iskop tiegħu taʼ li jitfaʼ barkiet fuq l-umanità u jbiddel l-art f’ġenna?” Jekk l-inkwilin jistaqsi dwar xi ħlas, kun ċert li ssemmi li x-xogħol tagħna taʼ madwar id-dinja huwa appoġġjat minn donazzjonijiet volontarji.
3 Meta terġaʼ tmur għand dawk li magħhom ħallejt il-brochure “Veru Li Alla Jimpurtah Minna?” tistaʼ tibda diskussjoni oħra b’dan il-mod:
◼ “Meta ġejt l-aħħar darba, rajna li Alla verament jimpurtah minna u li huwa l-iskop tiegħu li jneħħi l-ħsara kollha li l-bniedem ġab fuqu nnifsu u fuq l-art li hija d-dar tiegħu.” Iftaħ il-brochure fejn hemm l-istampa f’paġni 2-3 u għid: “Spiċċajna l-konversazzjoni tagħna bil-mistoqsija: Alla kif se jwettaq l-iskop tiegħu taʼ li jitfaʼ barkiet fuq l-umanità u jbiddel l-art f’ġenna? Int x’taħseb?” Agħti ħin għal tweġiba. Mur f’paġna 17, u aqra paragrafu 2 u Danjel 2:44. Wara dan, aqra paragrafu 12 f’paġna 19. Staqsi lill-inkwilin jekk jixtieqx jikkunsidra miegħek id-9 parti tal-brochure. Jekk jaċċetta, studjaha miegħu.
4 Hawn hi introduzzjoni li tistaʼ tiġi wżata meta toffri l-brochure “Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut.” Uri l-qoxra tiegħu u għid:
◼ “Illum qegħdin naqsmu m’oħrajn dan il-brochure li ġab faraġ u tama lil miljuni taʼ nies li mitilhom xi ħadd maħbub. Qatt ħsibt x’tama hemm għall-mejtin? [Agħti ħin għal tweġiba.] Il-Bibbja turi b’mod ċar il-wegħda t’Alla li se jkun hemm irxoxt.” Aqra Ġwann 5:28, 29. Iftaħ il-brochure u ikkummenta fuq il-punti li jissemmew fl-aħħar paragrafu taʼ paġna 28 u fl-ewwel paragrafu taʼ paġna 31. Uri l-istampi li jmorru magħhom. Offri l-brochure. Tistaʼ tipprepara t-triq għal żjara lura billi tistaqsi: “Kif nistgħu nkunu ċerti li eventwalment il-mewt se tiġi eliminata għalkollox?”
5 Fejn tkun ħallejt il-brochure “Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut,” forsi tkun tixtieq tuża din il-preżentazzjoni fuq iż-żjara lura:
◼ “Meta tkellimna l-aħħar darba, iddiskutejna t-tama taʼ l-għaġeb taʼ l-irxoxt. Il-brochure li ħallejtlek jispjega għala nistgħu nkunu ċerti li eventwalment il-mewt se tiġi eliminata għalkollox. Ma sibtx int li l-wegħdi t’Alla huma taʼ faraġ u li jqawwulek qalbek?” Agħti ħin għal tweġiba. Imbagħad mur f’paġna 31 tal-brochure, u aqra t-tieni u t-tielet paragrafu, flimkien maʼ Rivelazzjoni 21:1-4. Enfasizza l-prospett li għandna taʼ li ngawdu l-ħajja mingħajr qatt ma mmutu. Skond l-interess li jintwera u ċ-ċirkostanzi taʼ dak il-ħin, tistaʼ toffri studju tal-Bibbja fil-ktieb Għarfien jew tistaqsi mistoqsija oħra biex tiftaħ it-triq għaż-żjara lura li jmiss.
6 Tistaʼ tgħid dan li ġej meta toffri l-brochure “X’Inhu L-Iskop Tal-Ħajja?—Kif Tistaʼ Ssibu?”:
◼ “Ħafna nies tħassbu dwar x’inhu l-iskop tal-ħajja. Huma staqsew lilhom infushom: ‘Jien għala qiegħed hawn? Fejn sejjer? X’hemm merfugħ għalija fil-futur?’ Fejn taħseb li nistgħu nsibu t-tweġibiet? [Agħti ħin għal tweġiba.] Innota x’tgħid il-Bibbja. [Aqra Salm 36:9.] M’huwiex raġonevoli li nikkonkludu li l-Ħallieq tal-bniedem hu fl-aħjar pożizzjoni li jispjega għala aħna qegħdin hawn? [Agħti ħin għal tweġiba.] Dan il-brochure juri l-iskop grandjuż li għandu merfugħ għalina Alla.” Mur f’paġni 20-1, aqra l-kliem li hemm taħt l-istampa, u ikkummenta fuqha; imbagħad offri l-brochure. Jekk jiġi aċċettat, staqsi: “Kif nistgħu nkunu ċerti li l-iskop t’Alla għall-bnedmin għadu li ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art?” Ftiehem ħin biex terġaʼ tmur.
7 Jekk jitħalla l-brochure “X’Inhu L-Iskop Tal-Ħajja?—Kif Tistaʼ Ssibu?,” tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk meta terġaʼ tmur:
◼ “L-aħħar li ġejt, verament ħadt gost niddiskuti miegħek il-ħarsa tal-Bibbja dwar li l-ħajja umana tassew għandha skop.” Uri l-istampa f’paġna 31 u staqsi: “Kif nistgħu nkunu ċerti li għadha r-rieda t’Alla li l-bnedmin jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art?” Aqra paragrafu 3 f’paġna 20. Iddiskuti l-punti taħt is-sottitlu: “Għadu l-Iskop t’Alla,” f’paġna 21. Mur fil-qoxra taʼ wara tal-brochure, u aqra dwar l-offerta taʼ studju tal-Bibbja b’xejn fid-dar. Introduċi l-ktieb Għarfien, u offri li turi kif nużawh bħala għajnuna biex nistudjaw il-Bibbja.
8 Il-ministeru tagħna għandu jirrifletti l-interess sinċier li għandna f’li ngħinu wħud taʼ qalb onesta biex “jiġu għal għarfien eżatt tal-verità.” (1 Tim. 2:4) Għalhekk, warrab ħin fl-iskeda tiegħek taʼ servizz biex terġaʼ żżur kull persuna li ħallejtilha brochure. Li int turi tħassib veru lejhom jistaʼ jirriżulta f’li tgħin lil dawk li qegħdin inewħu u jitniehdu minħabba l-affarijiet moqżieża li huma pprattikati fir-reliġjon falza biex jiġu identifikati għas-salvezza. (Eżek. 9:4, 6) Se tesperjenza wkoll il-ferħ u s-sodisfazzjon li jiġu mill-fatt li taf li qiegħed timita lil Jehovah billi turi tħassib ġenwin lejn oħrajn.—Qabbel Filippin 2:20.