Għin Lil Oħrajn Isibu L-Faraġ
1 Ħafna nies xebgħu jisimgħu dwar diżastri, gwerer, kriminalità, u sofferenza. Il-faraġ, għalkemm nieqes b’mod ċar mir-rapporti taʼ l-aħbarijiet tal-lum, huwa xi ħaġa li l-umanità verament teħtieġ. Li tfarraġ ifisser “li tagħti s-saħħa u t-tama lil” u “li ttaffi n-niket u l-inkwiet taʼ ” xi ħaddieħor. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna mħarrġin biex ngħinu lin-nies b’dan il-mod. (2 Kor. 1:3, 4) Il-brochures li għandna bbażati fuq il-Bibbja u li se nkunu noffru f’Lulju u f’Awissu fihom messaġġi taʼ verità li jfarrġu. (Rum. 15:4) Dawn li ġejjin huma xi suġġerimenti taʼ kif nistgħu nippreżentawhom taħt diversi ċirkostanzi:
2 Storja traġika fl-aħbarijiet tistaʼ toħloq opportunità biex tingħata xiehda u ġġib faraġ lil oħrajn, forsi billi int tgħid xi ħaġa hekk:
◼ “Meta jiġru affarijiet bħal dawn, xi wħud jaħsbu dwar jekk Alla verament jeżistix u, jekk inhu hekk, jekk jimpurtahx minna. Int x’taħseb? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Mod wieħed kif niddeterminaw jekk hemmx Alla huwa billi napplikaw prinċipju stabbilit sew.” Aqra Lhud 3:4. Semmi xi affarijiet oħrajn madwarna li bil-fors kellu jagħmilhom xi ħadd. Imbagħad kompli: “Għandi brochure li naf li se ssibu taʼ faraġ. Jismu Veru Li Alla Jimpurtah Minna? [Aqra l-mistoqsijiet taʼ fuq il-qoxra.] Dan fih provi konvinċenti mhux biss li Alla jeżisti imma li hu dalwaqt se jġib fit-tmiem il-kundizzjonijiet inġusti kollha li niffaċċjaw illum. Tixtieq taqrah?” Ftiehem biex terġaʼ tmur.
3 Fiż-żjara lura, tistaʼ tgħid:
◼ “Konna qegħdin nitkellmu dwar il-prova taʼ l-eżistenza t’Alla meta ħallejtlek il-brochure Veru Li Alla Jimpurtah Minna? Forsi nnotajt dan il-punt f’paġna 7. [Uri l-istampa u semmi fil-qosor x’jgħid paragrafu 15.] Dan huwa eżempju wieħed biss li juri li bil-fors irid jeżisti Alla li jimpurtah. [Aqra paragrafu 27 f’paġna 9.] Studju persunali tal-Bibbja għen lili biex inkampa mal-problemi taʼ kuljum fil-ħajja għax dan jagħti l-ħarsa t’Alla fuq kif inhuma l-affarijiet.” Offri li turi kif isir studju.
4 L-għoti taʼ xiehda bit-telefon jistaʼ jsir billi tuża l-brochure “X’Inhu L-Iskop Tal-Ħajja?—Kif Tistaʼ Ssibu?” Tistaʼ tintroduċi ruħek u tgħid:
◼ “Qed inċempillek biex nagħtik messaġġ importanti għax ma nistax niġi narak personalment.” Aqra l-ewwel paragrafu f’paġna 4 tal-brochure, billi tagħmel dan b’mod naturali, daqs li kieku kont qiegħed titkellem maʼ l-individwu wiċċ imb’wiċċ. Staqsih x’jaħseb u agħtih ċans iwieġeb. “Jien għandi l-Bibbja miftuħa f’Isaija 45:18. Dan il-vers jurina li l-art inħalqet bi skop għalina. Nistaʼ naqrahulek?” Wara dan, spjega l-iskop tal-brochure, u staqsih kif tistaʼ tiħodlu kopja.
5 Fiż-żjara taʼ wara, tistaʼ tipprova dan il-mod biex tibda studju:
◼ “Nixtieq inkompli fuq l-aħħar konversazzjoni li kellna billi nurik min hu dak li jistaʼ jgħidilna x’inhu l-iskop tal-ħajja. [Għid fi kliemek x’hemm f’paragrafi 1 u 2 f’paġna 6 tal-brochure L-Iskop Tal-Ħajja.] Apokalissi 4:11 jispjega li Alla Jehovah hu l-Ħallieq tagħna. [Aqra.] Hu bil-fors li kellu raġuni għalfejn ħalaqna. Nies li xtaqu jkunu jafu din x’inhi studjaw il-Kelma miktuba t’Alla, il-Bibbja. Jien nixtieq noffrilek dik l-opportunità.” Spjega kif jiġi kondott il-kors tagħna taʼ studju tal-Bibbja fid-dar b’xejn, u agħmel arranġamenti biex tibda l-istudju.
6 Dan il-mod pożittiv jistaʼ jfarraġ lil dawk li ġarrbu l-mewt taʼ xi ħadd maħbub:
◼ “Qed nagħmel servizz pubbliku għall-benefiċċju taʼ dawk kollha li mitilhom xi ħadd maħbub. Peress li din tistaʼ tkun waħda mill-iktar affarijiet ibsin li xi ħadd minna għad ikollu jiffaċċja, ġie mħejji dan il-brochure Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut. Dan għen lil miljuni taʼ nies. Nixtieq nurik x’jgħid dwar wegħda eċċitanti li għamel Ġesù Kristu. [Aqra l-ħames paragrafu f’paġna 26, inkluż Ġwann 5:21, 28, 29.] Innota din l-istampa f’paġna 29 li turi r-rakkont tal-Vanġelu fejn Ġesù qiegħed attwalment iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Jekk tixtieq taqra dan il-brochure li jfarraġ, nieħu pjaċir ħafna li nħallihulek.”
7 Meta tirritorna, tistaʼ terġaʼ turi l-istampa f’paġna 29 tal-brochure “Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut” u tgħid:
◼ “Ftakar fid-diskussjoni tagħna dwar l-irxoxt taʼ Lazzru minn Kristu. [Aqra l-kliem li huma marbutin maʼ l-istampa f’paġna 28 u ikkunsidra l-materjal minn paġna 27 taħt is-sottitlu “Tassew Ġara Dan?”] Jekk qalbek tixxennaq biex temmen li tistaʼ terġaʼ tara lil xi ħadd maħbub li mietlek, ħallini ngħinek biex tpoġġi fidi fit-tama taʼ l-irxoxt.” Offri studju tal-Bibbja fid-dar.
8 Jalla nagħmlu ħilitna fix-xhur li ġejjin biex nimitaw lil Ġesù billi ‘nfarrġu lill-imnikktin.’—Isa. 61:2.