Ipproklama L-Aħbar Tajba Tas-Saltna Bil-Brochures
1 X’ferħ huwa li nkunu nafu l-verità u li nkunu fost dawk li biż-żelu qegħdin jipproklamaw l-aħbar tajba! In-nies li qegħdin barra l-organizzazzjoni t’Alla għandhom bżonn urġenti li jisimgħu l-aħbar tajba tas-Saltna. Il-verità dwar is-Saltna hija mfissra b’mod sempliċi fil-brochures Gawdi l-Ħajja fuq l-Art Għal Dejjem!, “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda,” u X’Inhu L-Iskop Tal-Ħajja? B’mod ħaj dawn jagħtu stampa tal-ħajja fuq l-art taħt is-Saltna t’Alla, u jidderieġu lill-qarrej lejn ir-realtajiet tas-Saltna li huma spjegati fil-Kelma t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, li nħallu brochure maʼ persuna li wriet interess huwa biss il-bidu tax-xogħol tagħna. (1 Kor. 9:23) Ħalli mmorru lura fil-pront kulfejn ħallejna xi ħaġa, bil-mira li noffru studju fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Dan kif nistgħu nwettquh matul Awissu?
2 Il-brochure “Gawdi l-Ħajja fuq l-Art Għal Dejjem!” jistaʼ jiġi offrut bi preżentazzjoni qasira ferm. Hekk kif turi l-qoxra taʼ barra tiegħu, tistaʼ tgħid:
◼ “Nixtieq nurik xi ħaġa li fiha messaġġ sabiħ.” Iftaħ il-brochure Gawdi l-Ħajja, u aqra l-ewwel paragrafu taʼ l-introduzzjoni. Imbagħad kompli: “Dan iwieġeb ukoll din il-mistoqsija [Mur fit-titlu li hemm fuq l-istampa numru 8]: ‘Il-bniedem għala jmut?’ Se ssibu taʼ interess li tifli l-istampi u taqra l-iskritturi li hemm f’dan il-brochure. Jekk tixtieq tagħmel dan, tistaʼ żżomm din il-kopja.” Jekk il-brochure jiġi aċċettat u l-inkwilin jistaqsi dwar il-ħlas, allura żid: “Dan huwa xogħol volontarju madwar id-dinja mgħejjun b’donazzjonijiet żgħar. Jekk tixtieq tagħti xi ħaġa, naċċettaha bil-qalb kollha.”
3 X’se tgħid meta tagħmel żjara lura fejn tkun ħallejt il-brochure “Gawdi l-Ħajja”? Tistaʼ tipprova dan il-mod:
◼ Uri stampa 49 fil-brochure Il-Ħajja fuq l-Art u staqsi: “M’hijiex din stampa sabiħa? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Qiegħda fil-brochure li ħallejtlek l-aħħar darba li ġejt. Nixtieq nistaqsik il-mistoqsija li hemm fil-paġna li jmiss.” Mur fl-istampa numru 50 u aqra l-mistoqsija: “‘Trid int tgħix għal dejjem f’dik il-ġenna taʼ l-art sabiħa?’ [Ħalli ħin għal tweġiba.] Jekk dik hija x-xewqa tiegħek, innota x’jgħid li għandek tagħmel: ‘Mela tgħallem iktar dwar x’jgħid Alla.’ [Aqra Ġwann 17:3.] Nieħu gost jekk nistaʼ nistudja l-Bibbja miegħek bla ħlas. Tixtieq?” Agħmel appuntament fiss biex terġaʼ tmur.
4 Meta tkun qiegħed toffri l-brochure “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha ġodda,” tistaʼ tibda billi turi l-istampa sħiħa fil-qoxra taʼ barra u tistaqsi:
◼ “X’taħseb int li hemm bżonn biex l-art kollha ssir bħal din?” Ħalli ħin għal tweġiba. Iddeskrivi xi aspetti taʼ l-istampa, li huma msemmijin f’paġna 3. Imbagħad staqsi: “Il-biċċa l-kbira tan-nies iħossu li huwa impossibbli li l-art tkun hekk. Imma m’huwiex impossibbli għal Alla li jwettaq dan. [Aqsam xi punti f’paragrafu 43; imbagħad aqra Isaija 9:6, 7.] Alla wiegħed li se jġib dinja ġdida fejn in-nies mill-ġnus kollha se jgawdu ġenna taʼ l-għaġeb. Nixtieqek taqrah dan il-brochure. Se jurik kif int u l-familja tiegħek tistgħu tgawdu l-futur meraviljuż li se jġib Alla.”
5 Fiż-żjara lura, tistaʼ tuża l-brochure “Ħares!” biex tispjega għala hemm il-bżonn li wieħed jitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Tistaʼ forsi terġaʼ turih il-qoxra taʼ barra u tistaqsih:
◼ “Meta wrejtek din l-istampa għall-ewwel darba, qbilna li lkoll nixtiequ ngħixu f’dinja daqshekk taʼ l-għaġeb. Biex dan ikun possibbli, hemm xi ħaġa li lkoll kemm aħna jeħtieġ li nagħmlu.” Iftaħ il-brochure “Ħares!” f’paragrafu 52; aqra l-paragrafu u l-iskrittura fi Ġwann 17:3. Semmi l-informazzjoni li hemm mat-tixbieha f’paragrafu 53 dwar edukazzjoni Biblika xierqa, u mbagħad spjega li x-Xhieda taʼ Jehovah joffru tagħlim bħal dan fid-dar mingħajr ħlas. Offri li turi kif nagħmlu l-istudju, billi tuża l-ktieb Għarfien.
6 Meta tkun se toffri l-brochure “X’Inhu L-Iskop Tal-Ħajja?” tistaʼ tipprova tgħid hekk:
◼ “Smajt ħafna nies jgħidu li jixtiequ jgħixu taħt gvern li jistaʼ verament isolvi l-problemi kbar li niffaċċjaw illum. [Semmi problemi lokali bħalma huma l-qagħad, il-kriminalità li dejjem tiżdied, jew l-abbuż tad-droga.] Dawn l-affarijiet jagħmluna wisq inċerti dwar il-futur għalina u għall-maħbubin tagħna. Taħseb li xi darba għad ikun hawn xi gvern li jsolvi dawn il-problemi? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Forsi int ġieli għedt it-talba tal-Missierna. Jekk inhu hekk, taf li int attwalment kont qiegħed titlob għal gvern taʼ tjieba?” Mur f’paġna 26, u aqra paragrafu 8. Imbagħad mur f’paġna 29 u aqra paragrafi 1 u 2. Offri l-brochure.
7 Jekk ħallejt il-brochure “X’Inhu L-Iskop Tal-Ħajja?,” tistaʼ tibda d-diskussjoni fiż-żjara lura billi tgħid:
◼ “L-aħħar darba ddiskutejna dwar il-bżonn taʼ gvern taʼ tjieba li jistaʼ jsolvi l-problemi tal-bniedem. Il-brochure li ħallejtlek jipponta lejn is-Saltna t’Alla bħala l-unika tama tagħna. Xi nies jitħassbu dwar x’jistaʼ jagħmel dan il-gvern biex itejjeb is-sitwazzjoni tagħna fil-ħajja. Il-Bibbja turi li Kristu diġà ta prova li se jirnexxilu fejn fallew il-mexxejja umani.” Iftaħ il-brochure L-Iskop f’paġni 29 u 30 u ara liema sottitli jinteressaw personalment lill-inkwilin. Fittex l-iskritturi li jkollhom x’jaqsmu. Imbagħad staqsi: “M’huwiex dak futur taʼ l-għaġeb? Tixtieq tarah?” Ħalli ħin għal tweġiba. Aqra Ġwann 17:3. Ħeġġu biex jitgħallem iktar permezz taʼ studju tal-Bibbja fid-dar.
8 Jekk qiegħed tuża brochures oħrajn, tistaʼ tipprepara l-preżentazzjonijiet tiegħek stess, billi tuża dawk issuġġeriti hawn bħala mudelli. Meta jkun xieraq, spjega fil-qosor li nies li juru interess jistgħu jagħmlu donazzjonijiet żgħar għax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna madwar id-dinja. Ipprepara sew u fittex il-barka taʼ Jehovah hekk kif tipproklama l-aħbar tajba tas-Saltna.