Kif Tuża Aħbar Tajba Mingħand Alla!
Browxer Ġdid Disinjat Biex Jgħinna Nagħmlu Żjajjar Lura u Nibdew Studji tal-Bibbja
1. Liema browxer ġdid li ħareġ fil-Konvenzjoni Distrettwali “Ħares lil Qalbek!” hu disinjat biex jgħinna nagħmlu żjajjar lura u nibdew studji tal-Bibbja?
1 Matul il-Konvenzjoni Distrettwali “Ħares lil Qalbek!” konna eċċitati meta rċivejna browxer ġdid li se jgħinna nagħmlu żjajjar lura u nibdew studji tal-Bibbja. Aħbar Tajba Mingħand Alla! jieħu post il-browxer X’Jirrikjedi. Imma bħal dan il-browxer, il-lezzjonijiet huma qosra. Dan se jgħinna nużaw il-browxer b’mod effettiv biex nibdew studji tal-Bibbja fuq l-għatba tal-bieb. Madanakollu, filwaqt li l-browxer X’Jirrikjedi kien jiddiskuti l-ħtiġijiet li huma mistennijin mill-Kristjani u li jistgħu jkunu taʼ sfida biex jaċċettawhom studenti ġodda, dan il-browxer ġdid jiffoka fuq l-aħbar tajba li nsibu fil-Bibbja.—Atti 15:35.
2. Għala ġie disinjat il-browxer Aħbar Tajba?
2 Għala ġie disinjat? Aħwa minn madwar id-dinja ilhom jitolbu għal xi ħaġa sempliċi li tattira lin-nies lejn il-verità u li twassal għall-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, l-għodda primarja tagħna għall-istudji tal-Bibbja. Nies li jżommu lura meta jaraw ktieb sikwit ikunu iktar lesti li jistudjaw il-Bibbja permezz taʼ browxer. Minbarra dan, hu eħfef li tittraduċi browxer f’għadd kbir taʼ lingwi.
3. Dan il-browxer kif inhu differenti minn pubblikazzjonijiet oħra li jintużaw għal studju?
3 Kif Ġie Disinjat: Ħafna mill-pubblikazzjonijiet tagħna li jintużaw għall-istudju huma miktubin b’tali mod li wieħed ikun jistaʼ jaqrahom u jifhimhom anke mingħajr għajnuna. Din il-pubblikazzjoni hi differenti. Inkitbet bħala gwida biex isir studju tal-Bibbja minn għalliem. Għalhekk, meta toffri l-browxer lil xi ħadd, ikun aħjar li tiddiskuti xi żewġ paragrafi. Il-paragrafi huma qosra, u allura jistgħu jiġu kunsidrati fuq l-għatba tal-bieb jew fuq il-post tax-xogħol taʼ dak li jkun. Filwaqt li hu tajjeb li tibda mill-1 lezzjoni, tistaʼ tibda l-istudju kważi minn kwalunkwe lezzjoni tal-browxer.
4. Il-browxer kif jgħinna ngħallmu direttament mill-Bibbja?
4 F’ħafna mill-pubblikazzjonijiet tagħna, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet stampati jinsabu fil-paragrafi. Madanakollu, f’din il-pubblikazzjoni, it-tweġibiet jinsabu l-aktar fil-Bibbja. Il-biċċa l-kbira min-nies jippreferu jitgħallmu mill-Bibbja milli mil-letteratura tagħna. Għaldaqstant, hemm tassew ftit skritturi kwotati. Dawn għandhom jinqraw mill-Bibbja stess. Dan jgħin lill-istudenti jirrealizzaw li dak li qed jitgħallmu ġej minn Alla.—Is. 54:13.
5. Għala hu importanti li l-għalliem ikun preparat sew għal kull studju?
5 Il-browxer ma jispjegax l-iskritturi kollha. Għala? Hu disinjat biex iħeġġeġ lill-istudent jistaqsi mistoqsijiet u jħalli lill-għalliem juża l-abbiltà tiegħu li jgħallem. Għalhekk, hu importanti li tkun preparat sew għal kull studju. Kelma taʼ twissija: Titkellimx wisq. Hi l-għaxqa tagħna li nispjegaw l-Iskrittura. Imma spiss nagħmlu iktar ġid meta nistiednu lill-istudent jispjega x’jaħseb li tkun tfisser l-iskrittura. Jekk nużaw il-mistoqsijiet bit-tattika nistgħu ngħinuh jifhem xi tfisser kull skrittura.—Atti 17:2.
6. Kif nistgħu nużaw il-browxer: (a) meta n-nies ikunu xettiċi dwar Alla u l-Bibbja? (b) fil-ministeru minn dar għal dar? (ċ) biex nibdew studji tal-Bibbja bil-metodu dirett? (d) meta nagħmlu żjajjar lura?
6 Bħal pubblikazzjonijiet oħra li nużaw għall-istudji, dan il-browxer tistaʼ toffrih meta trid, tkun xi tkun l-offerta tax-xahar. Ħafna se jieħdu pjaċir joffruh billi jużaw il-metodu dirett biex jibdew studji tal-Bibbja fuq l-għatba tal-bieb. Minbarra hekk, kif issemma fil-konvenzjoni distrettwali, jekk nużawh meta nerġgħu nżuru lil dawk li jkunu wrew interess “żgur li se jagħmel ix-xogħol taż-żjajjar lura interessanti!”—Ara l-kaxxi f’paġni 5-7.
7. Kif tistaʼ tikkonduċi studju tal-Bibbja permezz tal-browxer?
7 Kif Tikkonduċi l-Istudju: Nistgħu nibdew id-diskussjoni billi naqraw il-mistoqsija b’tipa grassa li għandha numru ħdejha. Imbagħad aqra l-paragrafu u l-iskrittura/i bil-korsiv. Uża mistoqsijiet bit-tattika biex tgħin lill-inkwilin jifhem xi jfissru l-iskritturi. Imbagħad, qabel ma tgħaddi għas-sezzjoni li jkun imiss, itlob lill-inkwilin iwieġeb il-mistoqsijiet b’tipa grassa ħalli tkun ċert li qed jifhem. Matul l-ewwel ftit żjajjar, x’aktarx li jkun aħjar jekk tiddiskuti mistoqsija waħda biss. Maż-żmien, forsi jkun possibbli li ttawwal id-diskussjonijiet ħalli tkopri lezzjoni sħiħa.
8. Kif għandna nintroduċu l-iskritturi, u għala?
8 L-iskritturi ċitati li qabilhom hemm il-kelma “aqra” huma dawk li jwieġbu bl-aħjar mod il-mistoqsija b’tipa grassa. Meta tintroduċi skrittura, tgħidx, “l-appostlu Pawlu kiteb” jew, “Ara x’bassar Ġeremija.” Jekk nagħmlu hekk, l-inkwilin forsi jaħseb li qed naqraw il-kliem taʼ sempliċi bnedmin. Ikun aħjar li tgħid, “Il-Kelma t’Alla tgħid” jew, “Ara x’bassret il-Bibbja.”
9. Għandna naqraw l-iskritturi ċitati kollha?
9 Għandna aħna naqraw l-iskritturi ċitati kollha jew dawk biss li għandhom miktub “aqra” qabilhom? Imxi skont iċ-ċirkustanzi. L-iskritturi kollha qegħdin hemm għal raġuni. Kull skrittura fiha informazzjoni li hi taʼ min jiddiskutiha. Imma f’xi każi, minħabba l-interess, l-abbiltà tal-qari, kif ukoll l-ammont taʼ ħin li għandu disponibbli l-istudent, ikollna naqraw biss l-iskritturi li għandhom miktub “aqra” qabilhom.
10. Meta nistgħu naqilbu għall-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
10 Meta Għandek Taqleb għall-Ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?: Wara diversi diskussjonijiet u la nkunu qbadna rutina tajba, nistgħu jew naqilbu għall-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jew inkella nkomplu bil-browxer Aħbar Tajba sakemm inlestuh. Il-pubblikaturi jistgħu jużaw l-għaqal biex jiddeċiedu meta għandhom jaqilbu għall-ktieb. Meta naqilbu għall-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, bilfors irridu nibdew mill-bidu? M’hemm l-ebda regola dwar dan. Kull persuna hi differenti. Imma, il-maġġoranza tal-istudenti se jibbenefikaw jekk jerġgħu jgħaddu l-istess suġġett b’iktar dettall fil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
11. Għala għandna nużaw tajjeb dan il-browxer ġdid?
11 F’dinja fejn rari tismaʼ aħbar tajba, aħna għandna l-privileġġ li niddikjaraw l-aqwa aħbar possibbli—li s-Saltna t’Alla bħalissa qed taħkem u li dalwaqt se ġġib dinja ġdida fejn jgħammar is-sewwa! (Mt. 24:14; 2 Pt. 3:13) Aħna fiduċjużi li ħafna minn dawk li jisimgħu dan il-messaġġ se jidwu dan il-kliem imnebbaħ: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji saqajn dak li qed iġib aħbar tajba, dak li qed ixandar il-paċi, dak li qed iġib aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar, dak li qed ixandar is-salvazzjoni, dak li qed jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek sar sultan!’” (Is. 52:7) Ejja nużaw dan il-browxer ġdid biex inwasslu l-aħbar tajba mingħand Alla lil dawk bl-għatx fit-territorju tagħna!
[Kaxxa f’paġna 5]
Meta n-Nies Ikunu Xettiċi Dwar Alla u l-Bibbja:
● F’xi nħawi, il-pubblikaturi sabu li meta jgħidu “Alla” jew “Bibbja,” in-nies jaqtgħulhom il-konversazzjoni. F’dan il-każ, fl-ewwel żjara jistaʼ jkun aħjar jekk tiddiskuti suġġetti li n-nies fl-inħawi jkunu konċernati dwarhom, bħal pereżempju, il-bżonn li kulħadd ikollu impjieg, fejn tistaʼ ssib għajnuna prattika għall-familji, u x’hemm lest għalina fil-futur. Forsi nistgħu nintroduċu l-browxer Aħbar Tajba wara li nkunu tkellimna mal-inkwilin diversi drabi ħalli nikkunsidraw kif nafu li Alla jeżisti u għala l-Bibbja hi taʼ min joqgħod fuqha.
[Kaxxa f’paġna 6]
Meta Mmorru Minn Dar Għal Dar:
● “Illum ġejt biex nurik kemm hu faċli li ssir taf x’inhu l-iskop t’Alla għall-futur tal-umanità. Ġieli ħsibt dwar jekk Alla qatt hux se jeħlisna mit-tbatija? [Agħti ċans għal tweġiba.] Dan il-browxer juri fejn tistaʼ ssib it-tweġiba għal din il-mistoqsija fil-Bibbja. [Agħtih browxer, u aqra l-ewwel paragrafu fl-1 lezzjoni, kif ukoll Ġeremija 29:11.] Minn dan li qrajna, jidher raġunevoli għalik li Alla jixtieq li jkollna futur aħjar? [Agħti ċans għal tweġiba.] Jekk trid, tistaʼ żżomm din il-kopja. Id-darba li jmiss, nistgħu nikkunsidraw it-tieni paragrafu biex insibu t-tweġiba tal-Bibbja għal din il-mistoqsija, ‘Alla kif se jeħles lill-umanità minn dak li jikkaġuna t-tbatija?’” Jekk jidher li l-inkwilin għandu iktar ħin fl-ewwel żjara, forsi tistaʼ taqra u tiddiskuti t-tieni paragrafu u t-tliet skritturi li hemm miegħu. Ftiehem biex terġaʼ tgħaddi ħalli tiddiskutu t-tieni mistoqsija f’dik il-lezzjoni.
● “Ħafna nies iħobbu jitolbu, speċjalment meta jkunu għaddejjin minn xi problemi. Inti ġieli titlob? [Agħti ċans għal tweġiba.] Taħseb li Alla jismaʼ kull tip taʼ talb, jew taħseb li hemm xi talb li ma jogħġbux? [Agħti ċans għal tweġiba.] Għandi browxer hawnhekk li juri kif issib it-tweġiba tal-Bibbja għal dawn il-mistoqsijiet. [Agħtih kopja, u kkunsidraw flimkien l-ewwel paragrafu f’lezzjoni 12 u l-iskritturi li għandhom miktub “aqra.”] Mhijiex xi ħaġa meraviljuża li Alla lest li jagħtina widen? Imma biex nibbenefikaw bis-sħiħ mit-talb, jeħtieġ li nkunu nafu lil Alla sew. [Dur lejn it-2 lezzjoni, u urih is-sottitli.] Jekk trid, nistaʼ nħallilek dan il-browxer, u darb’oħra nistgħu naqraw it-tweġibiet tal-Bibbja għal dawn il-mistoqsijiet affaxxinanti.”
● “Jien qiegħed hawnhekk għax in-nies huma konċernati dwar x’qed jiġri fid-dinja. Taħseb li xi darba l-affarijiet għad jitjiebu? [Agħti ċans għal tweġiba.] Ħafna nies jibqgħu sorpriżi meta jitgħallmu li l-Bibbja fiha aħbar tajba li toffrilna tama. Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li l-Bibbja twieġeb.” Agħtih browxer, u stiednu jagħżel mistoqsija li tinteressah l-iktar mill-qoxra taʼ wara. Imbagħad sib il-lezzjoni, u uri kif isir studju. Irranġa biex terġaʼ żżuru ħalli tikkunsidraw il-mistoqsija li jmiss f’dik il-lezzjoni.
[Kaxxa f’paġna 7]
Ipprova l-Metodu Dirett:
● “Qed inżurek biex ngħidlek dwar kors ġdid taʼ studju tal-Bibbja. Dan il-browxer għandu 15-il lezzjoni li juru fejn tistaʼ ssib tweġibiet fil-Bibbja tiegħek għal mistoqsijiet vitali. [Urih il-qoxra taʼ quddiem u taʼ wara.] Ġieli pprovajt tifhem il-Bibbja? [Agħti ċans għal tweġiba.] Ħa nurik kemm huma ħfief il-lezzjonijiet. [Iddiskuti l-ewwel paragrafu tat-tielet mistoqsija f’lezzjoni 3, u aqra Rivelazzjoni 21:4, 5. Jekk jippermetti l-ħin, iddiskuti l-paragrafu u l-iskritturi li jkollhom “aqra” quddiemhom li jmiss.] Jekk trid, nistaʼ nħallilek dan il-browxer. Nissuġġerixxu li tipprova dan l-istudju tal-Bibbja mqar darba. Jekk tieħu gost tistaʼ tkompli bl-istudju. Id-darba li jmiss nistgħu niddiskutu l-ewwel lezzjoni. Innota li fiha paġna waħda biss.”
[Kaxxa f’paġna 7]
Offrih fi Żjara Lura:
● Meta nerġgħu nżuru lil xi ħadd li jkun wera interess, nistgħu ngħidu: “Qed nieħu pjaċir nerġaʼ narak. Ġibtlek dan il-browxer li jagħti t-tweġiba tal-Bibbja għal ħafna mistoqsijiet interessanti. [Agħtih browxer, u stiednu jħares lejn il-qoxra taʼ wara.] Liema minn dawn is-suġġetti jinteressak l-iktar? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad sib il-lezzjoni li jagħżel.] Ħa nurik kif tistaʼ tuża dan il-browxer biex issib it-tweġiba tal-Bibbja.” Uri kif isir studju billi tiddiskuti xi żewġ paragrafi u l-iskritturi li għandhom “aqra” quddiemhom. Għadek kif bdejt studju tal-Bibbja! Ħalli l-browxer mal-inkwilin, u rranġa biex terġaʼ żżuru. Meta tlesti l-lezzjoni, tistaʼ tiddiskuti lezzjoni oħra magħżula mill-inkwilin jew inkella tistaʼ tibda mill-bidu tal-browxer.