LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kl kap. 8 pp. 70-79
  • Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?
  • Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IS-​SOFFERENZA M’HIJIEX MINN ALLA
  • BIDU PERFETT
  • SFIDA MALIZZJUŻA
  • KIF JIĠU SSETILJATI L-​KWISTJONIJIET
  • X’ĠIE PPROVAT?
  • INT X’SE TAGĦMEL?
  • Għala hawn daqstant tbatija?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Allat Krudili tal-Bnedmin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Int Involut Fi Kwistjoni Vitali
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Għala l-Ħażen Għadu Jeżisti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
kl kap. 8 pp. 70-79

Kapitlu 8

Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?

1, 2. In-​nies taʼ spiss kif jirreaġixxu għas-​sofferenza umana?

META jiġru d-​diżastri, li jeqirdu l-​propjetà u jiswew il-​ħajjiet, ħafna ma jistgħux jifhmu għala jiġru affarijiet terribbli bħal dawn. Oħrajn huma inkwetati minħabba l-​estent, il-​krudeltà, u n-​nuqqas taʼ kontroll tal-​kriminalità u l-​vjolenza. Int ukoll stajt tħassibt, ‘Alla għala jippermetti s-​sofferenza?’

2 Minħabba li ma sabu ebda tweġiba sodisfaċenti għal din il-​mistoqsija, ħafna tilfu l-​fidi f’Alla. Huma jħossu li m’huwiex interessat fl-​umanità. Oħrajn li jaċċettaw is-​sofferenza bħala fatt tal-​ħajja jwebbsu qalbhom u jwaħħlu f’Alla għall-​ħażen kollu fis-​soċjetà umana. Jekk int kellek sentimenti bħal dawn, bla dubju se tkun interessat ferm fl-​istqarrijiet tal-​Bibbja fuq dawn il-​kwistjonijiet.

IS-​SOFFERENZA M’HIJIEX MINN ALLA

3, 4. Għala nistgħu nkunu żguri li l-​ħażen u s-​sofferenza m’humiex ġejjin minn Alla?

3 Il-​Bibbja tassigurana li s-​sofferenza li naraw madwarna m’hijiex ikkaġunata minn Alla Jehovah. Per eżempju, id-​dixxiplu Kristjan Ġakbu kiteb: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’: għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-​ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Jekk inhu hekk, Alla ma setax ikkaġuna t-​tbatijiet numerużi li jifilġu lill-​umanità. Hu ma jġibx tiġrib fuq in-​nies biex jagħmilhom denji għall-​ħajja fis-​sema, lanqas ma jġiegħel lin-​nies isofru għal għemejjel mill-​agħar li suppost wettqu f’ħajja taʼ qabel.—Rumani 6:7.

4 Barra minn dan, avolja ħafna affarijiet terribbli ġew magħmulin f’isem Alla jew Kristu, m’hemm xejn fil-​Bibbja li jissuġġerixxi li xi ħadd minnhom qatt approva azzjonijiet bħal dawn. Alla u Kristu m’għandhom xejn x’jaqsmu maʼ dawk li jsostnu li jaqdu lilhom imma li jqarrqu u jingannaw, joqtlu u jisirqu, u jagħmlu ħafna affarijiet oħrajn li jikkaġunaw sofferenza umana. Fil-​fatt, “il-​Mulej jistkerrah l-​imġiba tal-​ħżiena.” Alla “jitbiegħed mill-​ħżiena.”—Proverbji 15:9, 29.

5. X’inhuma xi ftit mill-​kwalitajiet taʼ Jehovah, u hu kif iħossu dwar il-​ħlejjaq tiegħu?

5 Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Jehovah bħala li “jaf jagħder, u hu ħanin bil-​bosta.” (Ġakbu 5:11) Din tipproklama li “l-​Mulej iħobb is-​sewwa.” (Salm 37:28; Isaija 61:9 [61:8, NW]) M’huwiex vendikattiv. Hu bil-​mogħdrija jimpurtah mill-​ħlejjaq tiegħu u lkoll jagħtihom dak li huwa l-​aħjar għall-​ġid tagħhom. (Atti 14:16, 17) Jehovah għamel dak sa mill-​istess oriġini tal-​ħajja fuq l-​art.

BIDU PERFETT

6. Xi leġġendi kif jalludu għall-​istorja bikrija taʼ l-​umanità?

6 Aħna lkoll imdorrijin naraw u nħossu wġigħ u sofferenza. Jistaʼ għalhekk ikun iebes li nimmaġinaw żmien mingħajr sofferenza, imma dak huwa kif kienu l-​affarijiet fil-​bidu taʼ l-​istorja umana. Saħansitra l-​leġġendi taʼ xi ġnus jalludu għal bidu hieni bħal dan. Fil-​mitoloġija Griega, l-​ewwel mill-​“Ħames Żminijiet tal-​Bniedem” kien jissejjaħ iż-​“Żmien tad-​Deheb.” Fih il-​bnedmin għexu ħajjiet henjin, meħlusin minn xogħol iebes, uġigħ, u t-​tħarbit tax-​xjuħija. Iċ-​Ċiniżi jgħidu li matul ir-​renju taʼ l-​Imperatur Isfar mitoloġiku (Huang-Ti), in-​nies għexu fil-​paċi, billi gawdew armonija saħansitra maʼ l-​elementi u l-​bhejjem selvaġġi. Il-​Persjani, l-​Eġizzjani, it-​Tibetani, il-​Peruvjani, u l-​Messikani lkoll għandhom leġġendi dwar żmien t’hena u perfezzjoni fil-​bidu taʼ l-​istorja taʼ l-​umanità.

7. Alla għala ħalaq lill-​art u lill-​ispeċi umana?

7 Il-​ħrejjef tal-​ġnus sempliċement jidwu l-​eqdem dokumentazzjoni miktuba fl-​istorja umana, il-​Bibbja. Din tinformana li Alla poġġa lill-​ewwel par uman, Adam u Eva, f’ġenna msejħa l-​ġnien t’Għeden u kkmandahom: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha.” (Ġenesi 1:28) L-​ewwel ġenituri tagħna gawdew il-​perfezzjoni u kellhom il-​prospett li jaraw l-​art kollha kemm hi ssir ġenna okkupata minn familja umana perfetta li tgħix fl-​hena u l-​paċi dejjiema. Dak kien l-​iskop t’Alla f’li joħloq l-​art u l-​ispeċi umana.—Isaija 45:18.

SFIDA MALIZZJUŻA

8. Adam u Eva kienu mistennijin li jobdu liema kmand, imma x’ġara?

8 Biex jibqgħu fil-​favur t’Alla, Adam u Eva kellhom iżommu lura milli jieklu mis-​“siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 2:16, 17) Li kieku kienu obdew il-​liġi taʼ Jehovah, ma kien ikun hemm ebda sofferenza li tħassar il-​ħajja umana. Billi jobdu l-​kmand t’Alla, kienu jkunu qegħdin juru l-​imħabba tagħhom għal Jehovah u l-​lealtà tagħhom lejh. (1 Ġwann 5:3) Imma bħalma tgħallimna f’Kapitlu 6, l-​affarijiet ma svolġewx b’dak il-​mod. Imħeġġa minn Satana, Eva kielet il-​frott minn dik is-​siġra. Iktar tard, Adam ukoll ħa sehem mill-​frott ipprojbit.

9. Satana qajjem liema kwistjoni li tinvolvi lil Jehovah?

9 Taraha int is-​serjetà taʼ dak li ġara? Satana kien qiegħed jattakka l-​pożizzjoni taʼ Jehovah bħala l-​Iktar Għoli. Billi qal, “Żgur li ma tmutux,” ix-​Xitan ikkontradixxa l-​kliem t’Alla, “Żgur li tmut.” Il-​kliem li Satana kompla qal implika li Jehovah kien qiegħed iżomm lil Adam u Eva fl-​injoranza dwar il-​possibiltà li jsiru bħal Alla, u b’hekk ma jkollhomx bżonn Lilu biex jiddeċiedu x’inhu tajjeb u ħażin. L-​isfida taʼ Satana għalhekk ġabet f’dubju d-​dritt u l-​validità tal-​pożizzjoni taʼ Jehovah bħala s-​Sovran Universali.—Ġenesi 2:17; 3:1-6.

10. Liema insinwazzjonijiet għamel Satana rigward il-​bnedmin?

10 Satana x-​Xitan insinwa wkoll li n-​nies kellhom jibqgħu ubbidjenti lejn Jehovah biss sakemm li jobdu lil Alla kien għall-​vantaġġ tagħhom. Fi kliem ieħor, ġie mitfugħ dubju fuq l-​integrità umana. Satana allega li l-​ebda bniedem ma kien volontarjament se jibqaʼ leali lejn Alla. Din l-​affermazzjoni malizzjuża minn Satana hija rrivelata b’mod ċar fir-​rakkont tal-​Bibbja dwar Ġob, qaddej leali taʼ Jehovah li għadda minn test kbir xi żmien qabel is-​sena 1600 Q.E.K. Meta taqra l-​ewwel żewġ kapitli tal-​ktieb taʼ Ġob, int tistaʼ tikseb dehen dwar ir-​raġuni għas-​sofferenza umana u għala Alla jippermettiha.

11. Liema xorta taʼ bniedem kien Ġob, imma liema akkuża għamel Satana?

11 Ġob, “raġel perfett u tajjeb,” beda jiġi attakkat minn Satana. L-​ewwel, Satana attribwixxa motivi ħżiena lil Ġob billi qajjem il-​mistoqsija, “Tgħid għalxejn Ġob jibżaʼ minn Alla?” Imbagħad, ix-​Xitan b’makakkerija mmalafama kemm lil Alla u kemm lil Ġob billi allega li Jehovah kien xtara l-​lealtà taʼ Ġob billi pproteġieh u bierku. “Imma, midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek.”—Ġob 1:8-11.

12. (a) Liema mistoqsijiet setgħu jiġu mweġbin biss jekk Alla ppermetta lil Satana jittestja lil Ġob? (b) Il-​prova taʼ Ġob f’liema ħaġa rriżultat?

12 Kien Ġob qiegħed jaqdi lil Jehovah sempliċement minħabba l-​ġid kollu li rċieva mingħand Alla? Setgħet l-​integrità taʼ Ġob tibqaʼ sħiħa taħt prova? Mill-​banda l-​oħra, kellu Jehovah fiduċja biżżejjed fil-​qaddej tiegħu biex iħallih jiġi pprovat? Dawn il-​mistoqsijiet setgħu jiġu mweġbin jekk Jehovah kien se jippermetti lil Satana jġib fuq Ġob l-​iktar prova qalila. Il-​korsa leali taʼ Ġob taħt it-​test li Alla ppermetta, bħalma huwa rrakkontat fil-​ktieb taʼ Ġob, tat prova li kienet vindikazzjoni kompleta tat-​tjieba taʼ Jehovah u l-​integrità tal-​bniedem.—Ġob 42:1, 2, 12.

13. Aħna kif aħna involuti f’dak li ġara f’Għeden u lil Ġob?

13 Dak li ġara fil-​ġnien t’Għeden u lir-​raġel Ġob, madankollu, għandu implikazzjoni iktar profonda. Il-​kwistjonijiet li Satana qajjem jinvolvu lill-​umanità kollha, inkluż lilna llum. L-​isem t’Alla ġie mmalafamat, u s-​sovranità tiegħu ġiet sfidata. Ġie mitfugħ dubju fuq kemm kien rett il-​ħolqien t’Alla, il-​bniedem. Dawn il-​kwistjonijiet riedu jiġu ssetiljati.

KIF JIĠU SSETILJATI L-​KWISTJONIJIET

14. Meta kkonfrontata minn sfida malizzjuża, persuna akkużata x’tistaʼ tagħmel?

14 Bħala tixbieha, ejjew ngħidu li int ġenitur li taf tħobb b’diversi tfal ġo familja hienja. Nissoponu li wieħed mil-​ġirien tiegħek jaqlaʼ l-​gideb, billi jakkużak li int ġenitur ħażin. Xi ngħidu jekk il-​ġar jgħid li t-​tfal tiegħek ma jħobbukx, li huma joqogħdu miegħek biss għax ma jafux aħjar, u li jitilquk kieku xi ħadd kellu jurihom x’għandhom jagħmlu. ‘Ma jistax ikun!’ tistaʼ tgħid. Iva, imma kieku kif tipprovah dan? Xi ġenituri jistgħu jirreaġixxu b’dagħdigħa. Barra milli joħloq iktar problemi, rispons vjolenti bħal dan ikun qiegħed jappoġġja l-​gideb. Mod sodisfaċenti biex tittratta problema bħal din ikun li tagħti l-​opportunità lix-​xellej tiegħek biex jagħti prova taʼ l-​affermazzjoni tiegħu u lit-​tfal tiegħek biex jixhdu li huma jħobbuk sinċerament.

15. Jehovah kif għażel li jittratta maʼ l-​isfida taʼ Satana?

15 Jehovah hu bħal dak il-​ġenitur li jaf iħobb. Adam u Eva jistgħu jiġu mqabblin mat-​tfal, u Satana jiffittja fl-​irwol tal-​ġar giddieb. Alla b’għerf ma qeridx lil Satana, Adam, u Eva immedjatament imma ppermetta lil dawn li għamlu l-​ħażen ikomplu jgħixu għal xi żmien. Dan ippermetta lill-​ewwel ġenituri tagħna żmien biex jagħtu bidu għall-​familja umana, u ta ċans lix-​Xitan biex jagħti prova jekk l-​affermazzjoni tiegħu kenitx vera sabiex il-​kwistjonijiet setgħu jiġu ssetiljati. Mill-​bidu, madankollu, Alla kien jaf li xi bnedmin kellhom ikunu leali lejh u kellhom b’hekk jagħtu prova li Satana huwa giddieb. Kemm aħna grati li Jehovah kompla jbierek u jgħin lil dawk li jħobbuh!—2 Kronaki 16:9; Proverbji 15:3.

X’ĠIE PPROVAT?

16. Id-​dinja kif sabet ruħha taħt il-​poter taʼ Satana?

16 Matul kważi l-​istorja umana kollha, Satana kellu l-​libertà kollha biex iwettaq il-​proġetti tiegħu taʼ dominanza fuq l-​umanità. Fost affarijiet oħrajn, eżerċita influwenza fuq il-​potenzi politiċi u ppromwova reliġjonijiet li b’mod sottili jidderieġu l-​qima lejh minflok lejn Jehovah. B’hekk ix-​Xitan sar “l-​alla taʼ din id-​dinja,” u huwa msejjaħ “[i]l-prinċep taʼ din id-​dinja.” (2 Korintin 4:4; Ġwann 12:31) Tabilħaqq, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Ifisser dan li Satana ta prova taʼ l-​affermazzjoni tiegħu li huwa setaʼ jiġbed lill-​umanità kollha lil hinn minn Alla Jehovah? Ċertament li le! Waqt li ppermetta lil Satana biex jibqaʼ jeżisti, Jehovah kompla jwettaq l-​iskop tiegħu stess. Il-​Bibbja, allura, x’tirrivela rigward għala Alla ppermetta l-​ħażen?

17. X’għandna nżommu f’moħħna rigward il-​kaġun tal-​ħażen u s-​sofferenza?

17 Il-​ħażen u s-​sofferenza m’humiex ikkaġunati minn Jehovah. Ladarba Satana huwa l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja u l-​alla taʼ din is-​sistema t’affarijiet, huwa u dawk fuq in-​naħa tiegħu huma responsabbli għall-​kundizzjoni preżenti tas-​soċjetà umana u l-​miżerja kollha li sofriet l-​umanità. Ħadd ma jistaʼ b’mod xieraq jgħid li Alla hu l-​kawża taʼ tbatija bħal din.—Rumani 9:14.

18. Il-​fatt li Jehovah ippermetta l-​ħażen u s-​sofferenza ta prova taʼ liema ħaġa rigward l-​idea taʼ indipendenza minn Alla?

18 Il-​fatt li Jehovah ippermetta l-​ħażen u s-​sofferenza ta prova li l-​indipendenza minn Alla ma ġabitx dinja aħjar. Ħadd ma jistaʼ jiċħad li l-​istorja ġiet immarkata b’diżastru wara l-​ieħor. Ir-​raġuni għal dan hija li l-​bnedmin għażlu li jsegwu l-​korsa indipendenti tagħhom stess u ma wrew ebda stima vera għall-​kelma u r-​rieda t’Alla. Meta l-​poplu tal-​qedem taʼ Jehovah u l-​mexxejja tagħhom b’nuqqas taʼ fedeltà segwew “il-​korsa popolari” u ċaħdu l-​kelma tiegħu, ir-​riżultati kienu diżastrużi. Permezz tal-​profeta tiegħu Ġeremija, Alla qalilhom: “Il-​għorrief għad jitħawdu, jitħabblu u jinqabdu. Arawhom, ċaħdu l-​kelma tal-​Mulej, u issa x’għerf baqgħalhom?” (Ġeremija 8:5, 6, 9) Billi naqsu li jsegwu l-​livelli taʼ Jehovah, il-​bnedmin inġenerali saru bħal bastiment bla tmun, jitbandal ’l hawn u ’l hinn f’baħar imqalleb.

19. Liema prova hemm li Satana ma jistax idawwar lill-​bnedmin kollha kontra Alla?

19 Il-​fatt li Alla ppermetta l-​ħażen u s-​sofferenza ta prova wkoll li Satana ma kienx kapaċi jdawwar lill-​umanità kollha lil hinn minn Jehovah. L-​istorja turi li dejjem kien hemm individwi li baqgħu leali lejn Alla kienu x’kienu t-​tentazzjonijiet jew l-​avversitajiet li nġabu fuqhom. Matul is-​sekli, il-​qawwa taʼ Jehovah intweriet għan-​nom tal-​qaddejja tiegħu, u ismu ġie ddikjarat fl-​art kollha. (Eżodu 9:16; 1 Samwel 12:22) Lhud kapitlu 11 jgħidilna dwar linja twila taʼ wħud leali, li jinkludu lil Abel, Enok, Noè, Abraham, u Mosè. Lhud 12:1 isejħilhom ‘sħaba kbira taʼ xhieda.’ Huma kienu eżempji taʼ fidi li ma titħarrikx f’Jehovah. Fiż-​żminijiet moderni wkoll, ħafna taw ħajjiethom f’integrità li ma titkissirx lejn Alla. Bil-​fidi u l-​imħabba tagħhom, individwi bħal dawn jagħtu prova b’mod konklużiv li Satana ma jistax idawwar lill-​bnedmin kollha kontra Alla.

20. Il-​fatt li Jehovah ħalla l-​ħażen u s-​sofferenza jkomplu ta prova taʼ liema ħaġa rigward Alla u l-​umanità?

20 Fl-​aħħarnett, il-​fatt li Jehovah ħalla l-​ħażen u s-​sofferenza jkomplu pprovda prova li Jehovah biss, il-​Ħallieq, għandu l-​abbiltà u d-​dritt li jaħkem fuq l-​umanità għat-​tberik u l-​hena eterni tagħhom. Għal sekli sħaħ, l-​umanità pprovat ħafna forom taʼ gvern. Imma x’kien ir-​riżultat? Il-​problemi u l-​kriżijiet ikkomplikati li qegħdin jiffaċċjaw lill-​ġnus illum huma evidenza biżżejjed li verament, bħalma turi l-​Bibbja, “bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” (Koħelet 8:9) Jehovah biss jistaʼ jeħlisna u jwettaq l-​iskop oriġinali tiegħu. Kif se jagħmel dan, u meta?

21. X’se jsir minn Satana, u min se jiġi wżat biex iwettaq dan?

21 Preċiż wara li Adam u Eva sfaw vittmi tal-​komplott taʼ Satana, Alla ħabbar l-​iskop Tiegħu rigward mezz taʼ salvazzjoni. Dan huwa dak li Jehovah ipproklama rigward Satana: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Dik il-​proklama ggarantiet li x-​Xitan ma kienx se jitħalla jagħmel l-​għemejjel mill-​agħar tiegħu għal dejjem. Bħala s-​Sultan tas-​Saltna Messjanika, iż-​Żerriegħa [in-nisel] mwiegħed, Ġesù Kristu, se ‘jisħaq ras Satana.’ Iva, Ġesù “ma jdumx” ma jisħaq lir-​ribell Satana!—Rumani 16:20.

INT X’SE TAGĦMEL?

22. (a) Liema mistoqsijiet trid tiffaċċja int? (b) Għalkemm Satana jiżvoga l-​korla tiegħu fuq dawk leali lejn Alla, dwar liema ħaġa jistgħu huma jkunu ċerti?

22 Billi taf liema kwistjonijiet huma involuti, fuq in-​naħa taʼ min se tieħu l-​waqfa int? Se tagħti prova bl-​azzjonijiet tiegħek li int wieħed leali li tappoġġja lil Jehovah? Ladarba Satana jaf li żmienu huwa qasir, se jagħmel kulma jistaʼ biex jiżvoga l-​korla tiegħu fuq dawk li jridu jżommu l-​integrità lejn Alla. (Apokalissi 12:12) Imma int tistaʼ ddur lejn Alla għall-​għajnuna għaliex “jaf mela l-​Mulej jeħles it-​tajbin mit-​tiġrib.” (2 Pietru 2:9) Hu mhux se jħallik tiġi ttantat iktar milli tiflaħ, u se jiftaħlek it-​triq sabiex tkun kapaċi tissaporti t-​tentazzjonijiet.—1 Korintin 10:13.

23. Lejn liema ħaġa nistgħu bil-​fiduċja kollha nħarsu ’l quddiem?

23 Bil-​fiduċja kollha, ejjew inħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien meta s-​Sultan Ġesù Kristu se jieħu azzjoni kontra Satana u dawk kollha li jsegwuh. (Apokalissi 20:1-3) Ġesù se jelimina lil dawk kollha li b’xi mod huma responsabbli għall-​gwajiet u t-​taqlib li sofriet l-​umanità. Sa dak iż-​żmien, forma waħda taʼ sofferenza speċjalment taʼ wġigħ hija t-​telfa tal-​maħbubin tagħna fil-​mewt. Aqra l-​kapitlu li jmiss biex tiskopri x’jiġri minnhom.

ITTESTJA L-​GĦARFIEN TIEGĦEK

Kif nafu li Jehovah ma jikkaġunax is-​sofferenza umana?

Liema kwistjonijiet ġew imqajmin minn Satana f’Għeden u ġew iċċarati fi żmien Ġob?

Il-​fatt li Alla ppermetta s-​sofferenza ta prova taʼ liema ħaġa?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja