LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 9/15 pp. 4-7
  • Għala l-Ħażen Għadu Jeżisti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala l-Ħażen Għadu Jeżisti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min Hu Responsabbli għall-​Ħażen?
  • Titqajjem Kwistjoni Importanti
  • Il-​Ħtieġa għal Biżżejjed Żmien
  • Dak li Wera ż-​Żmien
  • Int X’Se Tagħmel?
  • Alla Għala Ppermetta L-Ħażen?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Allat Krudili tal-Bnedmin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Għala Jiġru Affarijiet Ħżiena, u n-Nies Għala Jbatu?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 9/15 pp. 4-7

Għala l-​Ħażen Għadu Jeżisti

“ĠUST [Alla Ġeħova] fl-​imġiba tiegħu kollha,” tgħid il-​Bibbja. (Salm 145:17; Rivelazzjoni 15:3) Rigward Ġeħova, il-​profeta Mosè ddikjara: “Perfett għemilu; u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena,” jgħid Ġakbu 5:​11. Huwa fatt li Alla ma jistax jikkaġuna l-​ħażen.

Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Meta jkun qed jiġi mġarrab, ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed iġarrabni.’ Għax Alla ma jistax jiġi mġarrab b’affarijiet ħżiena u lanqas ma jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:​13) Alla Ġeħova la jiġbed in-​nies lejn il-​ħażen u lanqas ma jħajjarhom biex iwettqu għemejjel ħżiena. Allura, min hu responsabbli għall-​ħażen u t-​tbatija li jġib miegħu?

Min Hu Responsabbli għall-​Ħażen?

Il-​kittieb Bibliku Ġakbu jistqarr li l-​bnedmin għandhom parti mir-​responsabbiltà għall-​ħażen. Hu jgħid: “Kull bniedem jiġġarrab billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.” (Ġakbu 1:​14, 15) In-​nies għandhom mnejn jaġixxu fi qbil max-​xewqat mhux xierqa tagħhom. Ikkunsidra wkoll l-​effett li għandu d-​dnub li writna. Il-​qawwa tad-​dnub tistaʼ żżid ix-​xewqat ħżiena u ġġib konsegwenzi koroh ħafna. (Rumani 7:​21-​23) Tabilħaqq, id-​dnub li ntiret ‘saltan’ fuq l-​umanità, billi ġiegħel lill-​bnedmin iwettqu għemejjel mill-​agħar li jikkaġunaw tbatija kbira. (Rumani 5:​21) Iktar minn hekk, irġiel mill-​agħar jistgħu jinfluwenzaw lil oħrajn biex jagħmlu l-​ħażen.​—Proverbji 1:​10-​16.

Madankollu, il-​kaġun prinċipali tal-​ħażen huwa Satana x-​Xitan. Hu ġab il-​ħażen fid-​dinja. Ġesù Kristu sejjaħ lil Satana “l-​Ħażin” u “l-​ħakkiem tad-​dinja,” jew tas-​soċjetà umana mhix retta. L-​umanità in ġenerali tobdi lil Satana billi tagħti widen għat-​tħeġġiġ tiegħu biex tinjora t-​triqat tajbin t’Alla Ġeħova. (Mattew 6:​13; Ġwanni 14:30; 1 Ġwanni 2:​15-​17) “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin,” jgħid l-​1 Ġwanni 5:​19. Fil-​fatt, Satana u l-​anġli tiegħu ‘qed iqarrqu bl-​art abitata kollha,’ billi jikkaġunaw xejn ħlief “gwaj.” (Rivelazzjoni 12:​9, 12) B’hekk, l-​iktar individwu responsabbli għall-​ħażen hu Satana x-​Xitan.

Raġuni oħra għan-​niket jew it-​tbatija tinsab f’Koħèlet 9:​11, li jgħid: “F’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.” Ġesù Kristu tkellem dwar traġedja partikulari li involviet 18-il persuna li nqatlu meta waqaʼ torri fuqhom. (Luqa 13:4) Huma batew għaliex kienu f’post ħażin f’ħin żbaljat. Illum iseħħu affarijiet simili. Per eżempju, ġebla tistaʼ tinqalaʼ u taqaʼ minn xi bini għoli u tolqot lil xi ħadd li jkun għaddej. Huwa Alla responsabbli għal dan? Le. Kienet ġrajja bla intenzjoni u li ħadd ma setaʼ jbassarha minn qabel. Spiss l-​istess jistaʼ jingħad meta l-​mard jolqot lil xi familja jew meta bla mistenni jmut xi kap taʼ familja u jħalli warajh orfni u armla.

Jidher ċar mela li Alla m’huwiex responsabbli għall-​ħażen; lanqas ma jikkaġuna t-​tbatija. Għall-​kuntrarju, huwa l-​iskop taʼ Ġeħova li jelimina l-​ħażen u ’l dawk li jikkaġunawh. (Proverbji 2:​22) Fil-​fatt, se jagħmel iktar minn hekk. L-​Iskrittura tgħid li l-​iskop t’Alla hu li “jkisser l-​għemejjel tax-​Xitan” permezz taʼ Kristu. (1 Ġwanni 3:8) Is-​sistema dinjija taʼ llum​—ibbażata fuq ir-​regħba, il-​mibegħda, u l-​għemejjel mill-​agħar​—se tinqered. Alla saħansitra se ‘jixxotta kull demgħa minn għajnejn’ kulħadd, u b’hekk iġib tmiem għat-​tbatija. (Rivelazzjoni 21:4) Imma għandek mnejn tistaqsi: ‘Alla għala għadu m’għamilx dan? Għala ħalla l-​ħażen u t-​tbatija jibqgħu għaddejjin sa żmienna?’ Xi ħaġa fundamentali għat-​tweġiba tinsab fir-​rakkont Bibliku taʼ Adam u Eva.

Titqajjem Kwistjoni Importanti

Ir-​raġuni għala Alla ppermetta li l-​ħażen jibqaʼ jeżisti sa żmienna għandu x’jaqsam maʼ ġrajjiet li seħħew kmieni fl-​istorja umana. Ġrajja li seħħet lura f’dak iż-​żmien qajmet kwistjoni importanti rigward il-​Ħallieq innifsu​—mistoqsija li ma setgħetx tiġi mwieġba malajr jew faċilment. Ejja neżaminaw sew dak li ġara.

Alla Ġeħova ħalaq l-​ewwel raġel u mara perfetti u qegħedhom f’Ġenna taʼ l-​art. Huma ngħataw għotja li għamlithom differenti mill-​annimali​—l-​għotja tal-​libertà taʼ l-​għażla. (Ġenesi 1:​28; 2:​15, 19) Bħala bnedmin maħluqin bl-​abbiltà li jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, Adam u Eva setgħu jużaw moħħhom biex jagħżlu li jħobbu, jaqdu, u jobdu lill-​Ħallieq tagħhom. Jew setgħu jagħżlu triq taʼ indipendenza minn Alla u minn jeddhom jagħżlu li ma jobduhx.

Sabiex jagħti lil Adam u Eva opportunità biex juru l-​imħabba tagħhom għalih, l-​Alla l-​veru tahom restrizzjoni waħda. Hu kkmanda lil Adam: “Mis-​siġar kollha tal-​ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-​nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:​16, 17) Sabiex jibqgħu jgawdu l-​favur t’Alla, għall-​benefiċċju tagħhom u tal-​familja futura tagħhom, Adam u Eva kien se jkollhom joqogħdu lura milli jieklu l-​frott taʼ dik is-​siġra partikulari. Kienu se jobdu?

Il-Bibbja tgħidilna x’ġara. Billi uża serp bħala l-​kelliemi tiegħu, Satana x-​Xitan avviċina lil Eva u qalilha: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-​siġar kollha tal-​ġnien’?” Meta Eva rripetiet il-​kmand t’Alla, Satana qalilha: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” B’konsegwenza taʼ dan, is-​siġra tant dehret attraenti għal Eva li hi “ħadet mill-​frott u kielet.” Ir-​rakkont ikompli: “Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel.” (Ġenesi 3:​1-6) B’hekk, kemm Adam u kemm Eva użaw ħażin il-​libertà taʼ l-​għażla tagħhom u dinbu billi m’obdewx lil Alla.

Qed taraha s-​serjetà taʼ dak li ġara? Ix-​Xitan ikkontradixxa dak li Alla kien qal lil Adam. Bi kliemu Satana kien qed jgħid li Adam u Eva ma kellhomx bżonn lil Ġeħova sabiex jiddeċiedu dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin għalihom. Għalhekk, l-​isfida taʼ Satana qajmet dubju dwar id-​dritt u l-​bażi tal-​ħakma taʼ Ġeħova fuq il-​bnedmin. B’hekk, il-​kwistjoni importanti li qajjem Satana kienet dwar jekk Ġeħova għandux id-​dritt li jaħkem lill-​umanità. L-​Alla l-​veru kif wieġeb għall-​isfida?

Il-​Ħtieġa għal Biżżejjed Żmien

Ġeħova kellu l-​qawwa li jeqred lit-​tliet ribelli​—Satana, Adam, u Eva. Bla dubju Alla kien iktar setgħan minnhom. Imma Satana ma sfidax is-​setgħa t’Alla. Minflok, hu sfida d-​dritt li Ġeħova jaħkem. Il-​kwistjoni effettwat lill-​ħlejjaq anġeliċi u umani kollha. Kellhom bżonn jifhmu li l-​għotja tal-​libertà taʼ l-​għażla kellha tiġi użata b’mod xieraq​—mingħajr ma jaqbżu l-​limiti taʼ l-​istruzzjonijiet fiżiċi, morali, u spiritwali mingħand Alla. Inkella, kien se jkun hemm konsegwenzi koroh, sewwasew bħalma se jweġġaʼ bniedem li jaqbeż minn fuq xi bini għoli mingħajr ma jqis il-​liġi tal-​gravità. (Galatin 6:​7, 8) Il-​ħlejjaq intelliġenti kollha setgħu jibbenefikaw billi huma stess iġibu quddiem għajnejhom il-​konsegwenzi ħżiena li jiġu meta wieħed jagħżel triq indipendenti minn Alla. Dan kien jirrikjedi ż-​żmien.

Il-fatt li jirrikjedi ż-​żmien biex ċerti kwistjonijiet jiġu rranġati jistaʼ jiġi spjegat b’dan il-​mod: Ejja ngħidu li l-​missier taʼ familja jisfida l-​missier taʼ familja oħra biex jaraw min minnhom hu l-​iktar raġel b’saħħtu. Din il-​kwistjoni tistaʼ titranġa malajr. Is-​saħħa taż-​żewġt irġiel tistaʼ titkejjel billi jerfgħu ġebel kbir. Il-​missier li jerfaʼ l-​itqal ġebla jkun l-​iktar raġel b’saħħtu. Imma ejja ngħidu li l-​isfida kienet dwar liema missier iħobb verament lil uliedu u dwar jekk huma jħobbuhx lura. Jew xi ngħidu jekk l-​isfida tqajjem il-​mistoqsija dwar liema missier jittratta lil familtu bl-​aħjar mod? La jekk dawn il-​missirijiet juru kemm huma b’saħħithom u lanqas sempliċement bil-​kliem ma jkun biżżejjed. Ikun hemm bżonn li jgħaddi biżżejjed żmien, li jkun hemm osservazzjoni bir-​reqqa, u li jsiru konklużjonijiet tajbin sabiex titranġa l-​kwistjoni.

Dak li Wera ż-​Żmien

Għaddew xi 6,000 sena mindu Satana sfida d-​dritt t’Alla li jaħkem. L-​istorja x’kixfet? Ikkunsidra żewġ aspetti mill-​akkuża taʼ Satana kontra Alla. Satana bla mistħija qal lil Eva: “Żgur ma tmutux.” (Ġenesi 3:4) Billi qal li Adam u Eva ma kinux se jmutu jekk jieħdu mill-​frott projbit, Satana kien fil-​fatt qed isejjaħ lil Ġeħova giddieb. Akkuża serja ħafna! Jekk Alla ma kienx qed jgħid is-​sewwa f’din il-​kwistjoni, kif setaʼ jkun fdat f’affarijiet oħrajn? Madankollu, x’wera ż-​żmien?

Adam u Eva esperjenzaw il-​mard, l-​uġigħ, ix-​xjuħija, u, fl-​aħħar, il-​mewt. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​jiem kollha li għex Adam [kienu] disaʼ mija u tletin sena; u mbagħad miet.” (Ġenesi 3:​19; 5:5) U minn Adam, dan il-​wirt taʼ niket għadda għal fuq l-​umanità kollha. (Rumani 5:12) Iż-​żmien wera li Satana huwa “giddieb u missier il-​gidba” u wera li Ġeħova hu “Alla tas-​sewwa.”​—Ġwanni 8:44; Salm 31:6 (31:​5, NW).

Ukoll, Satana qal lil Eva: “Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu [mill-frott tas-​siġra projbita] jinfetħu għajnejkom [kemm taʼ Eva u kemm taʼ Adam] u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 3:5) B’dan il-​kliem qarrieq, Satana ta lill-​bnedmin opportunità falza biex jaħkmu fuqhom infushom. Bl-​iskop li jiżvija lill-​bnedmin, Satana qalilhom li kienu se jkunu aħjar jekk ikunu indipendenti minn Alla. Wera dan li kien minnu?

Matul l-​istorja, imperi ġew u telqu. Ġie provat kull tip taʼ gvern uman possibbli. Madankollu, għal darba wara l-​oħra seħħew affarijiet mill-​agħar lill-​familja umana. Xi 3,000 sena ilu, kittieb Bibliku b’mod għaqli kkonkluda: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” (Koħèlet 8:9) Il-​profeta Ġeremija kiteb: “Anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Anki żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi fi snin reċenti ma ċaħdu l-​verità taʼ dawn l-​istqarrijiet. Iż-​żmien wera biss li dawn l-​osservazzjonijiet huma minnhom.

Int X’Se Tagħmel?

Iż-​żmien li Alla ħalla għaddej wera li Satana huwa żbaljat fil-​kwistjoni tad-​dritt taʼ Ġeħova bħala s-​Sovran. Alla Ġeħova huwa s-​Sovran assolut taʼ l-​univers. Hu għandu d-​dritt li jaħkem fuq il-​ħolqien tiegħu, u l-​mod kif jaħkem hu l-​aqwa mod. Ħlejjaq spirti li esperjenzaw mill-​qrib il-​ħajja taħt il-​ħakma t’Alla jagħrfu dan il-​fatt billi jiddikjaraw: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.”​—Rivelazzjoni 4:​11.

Int kif tħossok dwar il-​kwistjoni tal-​ħakma t’Alla? Taqbel li Alla jistħoqqlu jaħkem fuqek? Jekk iva, għandek tagħraf is-​sovranità taʼ Ġeħova. Int tistaʼ tagħmel dan billi tapplika l-​veritajiet meraviljużi u l-​pariri li nsibu fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, f’kull aspett taʼ ħajtek. “Alla hu mħabba,” u l-​liġijiet u l-​kmandamenti tiegħu jiġu mill-​imħabba li għandu għall-​ħolqien tiegħu. (1 Ġwanni 4:8) Ġeħova ma jċaħħad lil ħadd minna minn dak li hu tajjeb għalina. Għalhekk, tistaʼ tniżżel f’qalbek il-​parir tal-​Bibbja: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”​—Proverbji 3:​5, 6.

[Stampa f’paġna 7]

Int tistaʼ tagħżel il-​ħakma t’Alla billi tistudja l-​Bibbja u tapplika dak li tgħid f’ħajtek

[Sors tal-Istampa f’paġna 4]

© Jeroen Oerlemans/Panos Pictures

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja