Kif Tikkultiva l-Imħabba għal Alla f’Qalb Uliedek
ILLUM, hija verament sfida għal individwu biex jikkultiva relazzjoni mill-qrib m’Alla Ġeħova. (Salm 16:8) Bħalma hu profetizzat, aħna qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Ħafna nies “iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:1-5) Iva, l-imħabba ġenwina għal Alla hija tassew rari fid-dinja taʼ llum.
Jekk aħna rridu li l-imħabba lejn Alla tiżviluppa f’qalb uliedna hemm bżonn li nagħmlu sforz attiv b’din il-mira f’moħħna. L-imħabba għal Alla Ġeħova għandha tiġi kultivata f’qalb uliedna. Kif nistgħu nagħmlu dan?
Komunikazzjoni Sinċiera
Aħna nistgħu nikkultivaw l-imħabba għal Alla f’qalb uliedna jekk qalbna stess hi mimlija bl-imħabba għalih. (Luqa 6:40) Il-Bibbja tindika dan meta tgħid: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek.”—Dewteronomju 6:4-7.
Kif nistgħu aħna nikkultivaw l-imħabba għal Alla f’qalb uliedna? L-ewwel, irridu nkunu nafu x’hemm f’qalb uliedna. It-tieni, irridu nuru x’hemm f’qalbna stess.
Fi triqtu lejn Għemmaws maʼ tnejn mid-dixxipli tiegħu, Ġesù Kristu l-ewwel inkuraġġixxa lid-dixxipli biex jesprimu fiex kienu jittamaw u x’kien jinkwetahom. Kien biss wara li semagħhom għal ftit tal-ħin li Ġesù kkoreġa ħsibijiethom billi spjegalhom l-Iskrittura. Iktar tard huma kkummentaw: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna?” Dik il-konversazzjoni kienet eżempju taʼ komunikazzjoni sinċiera. (Luqa 24:15-32) Kif nistgħu aħna nagħrfu dak li qed iħossu wliedna?
Dan l-aħħar, xi ġenituri li wliedhom issa huma adulti jew waslu biex isiru adulti u li huma eżempji tal-fidi ġew mistoqsijin dwar il-komunikazzjoni sinċiera. Per eżempju, Glen, fil-Messiku, għandu erbat itfal kbar.a Hu osserva: “Komunikazzjoni bil-miftuħ bejn il-ġenituri u l-ulied m’hijiex awtomatika. Jien u marti warrabna fil-ġenb affarijiet inqas importanti biex inqattgħu l-ħin maʼ wliedna. Meta kienu adoloxxenti, aħna kultant konna nqattgħu s-serata kollha magħhom, nitkellmu dwar kulma kien jiġihom f’moħħhom. B’mod simili, waqt ħin l-ikel, billi konna nisimgħuhom jiddiskutu, stajna nagħrfu fejn kellhom problema u bil-ħlewwa konna nikkoreġu xi tendenzi ħżiena, spiss mingħajr ma jirrealizzaw.”
Ukoll komunikazzjoni sinċiera tinvolvi li nuru dak li hemm f’qalbna. Ġesù qal: “Bniedem tajjeb joħroġ it-tajjeb mit-teżor tajjeb taʼ qalbu, . . . għax mill-abbundanza li jkollu f’qalbu jitkellem fommu.” (Luqa 6:45) Toshiki, li t-tlett itfal tiegħu jaqdu fil-ministeru full-time fil-Ġappun, jgħid: “Jien għedtilhom kemm-il darba għala wasalt biex ikolli l-fidi f’Ġeħova—kif wasalt biex nemmen b’qalbi kollha fl-eżistenza tiegħu u kif l-esperjenza tiegħi stess fil-ħajja kkonvinċietni li l-Bibbja hija vera u li hi l-aħjar gwida fil-ħajja.” Fil-Messiku, Cindy tgħid: “Ir-raġel tiegħi kien dejjem jitlob mat-tfal. Meta huma kienu jisimgħuh jesprimi ruħu mill-qalb, kienu jafu li Ġeħova ma kienx immaġinarju.”
L-Influwenza Qawwija taʼ l-Eżempju Tagħna
Iktar qawwi mill-kliem hu l-mod kif ngħixu ħajjitna, għaliex dan juri lil uliedna kemm inħobbu lil Alla. Billi nnotaw l-ubbidjenza taʼ Ġesù Kristu lejn Ġeħova, in-nies indunaw xi mħabba profonda kellu għal Alla. “Sabiex id-dinja tkun taf li jien inħobb lill-Missier,” qal Ġesù, “saħansitra bħalma ordnali l-Missier, hekk qed nagħmel.”—Ġwanni 14:31.
Gareth, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova f’Wales, jikkummenta: “Uliedna jridu jaraw li aħna nħobbu lil Ġeħova u li qed nipprovaw nagħmlu l-affarijiet kif jogħġbu lilu. Per eżempju, uliedi jistgħu jaraw li fi qbil maʼ dak li jgħidilna Alla, jien nammetti l-iżbalji tiegħi. Issa wliedi jipprovaw jaġixxu b’dan il-mod.”
Greg, ħu Awstraljan, jgħid: “Aħna ridna lit-tfal tagħna jaraw li l-verità hi l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Meta aħna nieħdu deċiżjonijiet dwar ix-xogħol jew ir-rikreazzjoni, l-ewwel nikkunsidraw kif id-doveri tagħna bħala Kristjani se jiġu effettwati. Huwa taʼ ferħ għalina li nosservaw li bintna taʼ 19-il sena adottat din l-attitudni fis-servizz tagħha bħala pijuniera awżiljarja.”
Ngħinu lil Uliedna Jifhmu lil Alla
Aħna ma nistgħux inħobbu jew nafdaw lil xi ħadd li ma nistgħux nifhmuh. Meta l-appostlu Pawlu ried li l-Kristjani f’Filippi jikbru fl-imħabba tagħhom għal Ġeħova, hu kiteb: “Dan inkompli nitlob, li mħabbitkom tikber u toktor dejjem iżjed b’għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ.” (Filippin 1:9) Falconerio, li qed irabbi erbat itfal fil-Perù, jgħid: “Billi regolarment naqra u nistudja l-Bibbja magħhom il-fidi tagħhom tissaħħaħ. Xi drabi jien ittraskurajt li nistudja magħhom, u stajt nara l-imħabba tagħhom għal Alla tiddgħajjef.” Gary, mill-Awstralja, jgħid: “Spiss jien nuri lil uliedi evidenza li l-profeziji tal-Bibbja qed iseħħu. Ukoll nurihom il-benefiċċji li hemm meta jiġu applikati l-prinċipji Bibliċi. Studju tal-Bibbja regulari bħala familja kien fattur importanti li għen biex tinbena l-fidi tagħhom.”
L-għarfien se jilħaq bl-aħjar mod qalb it-tfal f’atmosfera rilassanti imma dinjituża fejn se jkun taʼ ferħ għalihom li jitgħallmu. (Ġakbu 3:18) “Matul l-istudju tal-Bibbja tal-familja, aħna pprovajna ma nċanfrux b’mod iebes lil uliedna, anki jekk ikunu naqra fuq tagħhom,” jgħidu Shawn u Pauline mill-Britannja, li għandhom erbat itfal. “Aħna varjajna l-mod kif ikkonduċejna l-istudju. Xi kultant konna nistiednu lit-tfal biex jagħżlu s-suġġett għall-istudju. Aħna użajna l-vidjos li pproduċiet l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Xi kultant konna nerġgħu naraw xi sezzjoni jew konna nwaqqfu l-vidjo biex inkunu nistgħu niddiskutu dwaru.” Ukoll mill-Britannja, omm li jisimha Kim tgħid: “Jien nipprepara għall-istudju tal-familja bir-reqqa sabiex inkun nistaʼ nistaqsi mistoqsijiet li se jġagħlu lil uliedi jaħsbu. Aħna nieħdu pjaċir bl-istudju. U tgħidx kemm nidħqu.”
L-Għażla tal-Ħbieb
L-imħabba għal Ġeħova u l-apprezzament għall-qima vera jistgħu jiffjorixxu f’uliedna biss jekk huma jkunu mdawrin minn nies li huma ħbieb t’Alla. Jistaʼ jeħtieġ sforz minnek li tippjana sħubija maʼ ħbieb li wliedek se jibbenefikaw jekk jitkellmu magħhom jew jilagħbu magħhom. Iżda mhux se jiddispjaċik li tagħmel dan! Iktar minn hekk, ikun taʼ ġid li toħloq opportunitajiet għal uliedek sabiex jiltaqgħu maʼ Xhieda taʼ Ġeħova li għamlu l-ministeru full-time l-karriera taʼ ħajjithom. Ħafna li għażlu din il-ħajja għamlu dan minħabba li ssieħbu maʼ qaddejja żelużi t’Alla. Oħt li saret missjunarja tgħid: “Il-ġenituri tiegħi kienu jistiednu l-pijunieri għall-ikel f’diversi okkażjonijiet. Tant kien jidher ċar li kienu ferħanin bil-ministeru tagħhom li jien xtaqt naqdi lil Alla bl-istess mod.”
M’għandniex xi ngħidu, l-attitudni taʼ wliedna tistaʼ tiġi influwenzata kemm għat-tajjeb u kemm għall-ħażin. Il-perikli taʼ sħubija ħażina jisfidaw is-sengħa tagħna bħala ġenituri. (1 Korintin 15:33) Din hi s-sengħa taʼ kif tgħallem liż-żgħar jevitaw sħubija maʼ dawk li la jħobbu lil Ġeħova u lanqas ma jafuh. (Proverbji 13:20) Shawn, li ġie kwotat qabel, jgħid: “Aħna għallimna liż-żgħar tagħna biex ikunu dħulin maʼ sħabhom taʼ l-iskola imma biex iħallu dik ir-relazzjoni tasal s’hemm—sa l-iskola. Uliedna fehmu għala huma ma kellhomx jieħdu sehem f’attivitajiet li m’humiex parti mill-kurrikulu jew f’xi avvenimenti sportivi taʼ l-iskola.”
Il-Valur tat-Taħriġ
Billi nħarrġu lil uliedna biex jesprimu ttwemmin tagħhom, aħna nkunu qed ngħinuhom jieħdu gost jesprimu l-imħabba tagħhom għal Alla. Mark, li jgħix fl-Istati Uniti jgħid: “Aħna xtaqna nuru lis-subien tagħna li huma setgħu jieħdu pjaċir jaqsmu l-fidi tagħhom maʼ ħaddieħor f’kull ħin, mhux biss meta jkunu lebsin biex jieħdu sehem b’mod formali fil-ministeru pubbliku. B’hekk meta mmorru xi mkien għar-rikreazzjoni, bħal f’xi ġnien, bajja, jew foresta, aħna nieħdu magħna l-Bibbji u l-letteratura Biblika, u nitkellmu man-nies dwar affarijiet li nemmnu. Is-subien tagħna tassew jieħdu pjaċir jagħtu xiehda informali magħna b’dan il-mod. Huma jieħdu sehem fid-diskussjoni u jitkellmu dwar il-fidi tagħhom.”
L-appostlu xwejjaħ Ġwanni għen lil ħafna nies biex jikbru fl-imħabba tagħhom għal Alla. Dwarhom, hu kiteb: “M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi [spiritwali] jkomplu mexjin fil-verità.” (3 Ġwanni 4) Jekk aħna nikkultivaw l-imħabba għal Alla f’qalb uliedna, żgur li se jkollna l-istess ferħ.
[Nota taʼ taħt]
a Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 9]
Diskussjoni sinċiera dwar kwistjonijiet konnessi mal-fidi ma tiġix waħedha
[Stampa f’paġna 10]
Ħarreġ lil uliedek biex jesprimu l-imħabba tagħhom għal Alla
[Sors]
Courtesy of Green Chimneys Farm