Kapitlu 11
Alla Għala Ppermetta L-Ħażen?
1. (a) X’inhi l-qagħda fuq l-art illum? (b) Liema lment għandhom xi nies?
KULL FEJN tħares fid-dinja, hemm kriminalità, mibgħeda u inkwiet. Taʼ spiss huma l-innoċenti li jsofru. Xi nies iwaħħlu f’Alla. Għandhom mnejn jgħidu: ‘Jekk hemm Alla, għala jippermetti li jiġru dawn l-affarijiet terribbli kollha?’
2. (a) Min huma dawk li qegħdin jagħmlu affarijiet mill-agħar? (b) Kif tistaʼ tiġi evitata ħafna mis-sofferenza fuq l-art?
2 Madankollu min qiegħed jagħmel dawn l-affarijiet ħżiena lil oħrajn? Huma n-nies, mhux Alla. Alla jikkundanna l-atti mill-agħar. Fil-fatt, ħafna mis-sofferenza fuq l-art tiġi evitata kieku n-nies jobdu l-liġijiet t’Alla. Hu jikkmandana biex inħobbu. Jipprojbixxi l-qtil, is-serq, il-fornikazzjoni, ir-regħba, is-sokor u atti oħrajn t’għemil ħażin li jġiegħlu lill-bnedmin isofru. (Rumani 13:9; Efesin 5:3, 18) Alla għamel lil Adam u Eva b’moħħ u b’ġisem taʼ l-għaġeb u bil-kapaċità li jgawdu l-ħajja bis-sħiħ. Qatt ma ried li huma jew it-tfal tagħhom isofru jew ikollhom l-inkwiet.
3. (a) Min huma dawk responsabbli għall-ħażen? (b) X’juri li Adam u Eva setgħu rreżistew it-tentazzjonijiet taʼ Satana?
3 Kien Satana x-Xitan li beda l-ħażen fuq l-art. Imma Adam u Eva wkoll kienu ħatjin. Ma kinux daqshekk dgħajfin li ma setgħux jirreżistu meta x-Xitan ittantahom. Setgħu qalu lil Satana biex ‘imur ’l hemm’ sewwa sew bħalma għamel iktar tard ir-raġel perfett Ġesù. (Mattew 4:10) Imma m’għamlux hekk. B’riżultat taʼ dan, saru imperfetti. It-tfal tagħhom kollha, inklużi aħna, writna dik l-imperfezzjoni, li ġabet magħha l-mard, in-niket u l-mewt. (Rumani 5:12) Imma Alla għala ppermetta li s-sofferenza tkompli sejra?
4. X’jgħinna nifhmu li Alla taʼ mħabba kellu jippermetti temporanjament il-ħażen?
4 Wieħed għall-ewwel jistaʼ jaħseb li ma jistaʼ jkun hemm l-ebda raġuni serja biżżejjed biex Alla jippermetti t-tbatija umana kollha li ilha tinħass matul is-sekli. Madankollu, huwa sewwa li tasal għal dik il-konklużjoni? Ma kellhomx xi ġenituri li verament iħobbu lit-tfal tagħhom iħalluhom jagħmlu xi operazzjoni taʼ wġigħ biex jirranġaw xi problema? Iva, li wieħed jippermetti s-sofferenza temporanja taʼ spiss għamilha possibbli li xi tfal igawdu saħħa aħjar iktar ’il quddiem fil-ħajja. X’ġid ħareġ billi Alla ppermetta l-ħażen?
KWISTJONI IMPORTANTI LI TRID TIĠI SSETILJATA
5. (a) Satana kif ikkontradixxa ’l Alla? (b) Satana x’wegħidha lil Eva?
5 L-irvell kontra Alla fil-ġnien t’Għeden qajjem kwistjoni jew mistoqsija importanti. Għandna bżonn neżaminawha biex nifhmu għala Alla ppermetta l-ħażen. Jehovah qal lil Adam biex ma jiekolx minn ċerta siġra fil-ġnien. Kieku Adam kellu jiekol, x’kien se jiġri? Alla qal: “Int żgur li se tmut.” (Ġenesi 2:17) Madankollu, Satana qal eżatt il-kuntrarju. Huwa qal lill-mara t’Adam, Eva, biex tgħaddas rasha u tiekol mis-siġra pprojbita. “Intom żgur li m’intomx se tmutu,” qal Satana. Fil-fatt, kompla jgħid lil Eva: “Għax Alla jaf li fl-istess jum li tieklu minnha għajnejkom tassew se jinfetħu u intom tassew se ssiru bħal Alla, tafu t-tajjeb u l-ħażin.”—Ġenesi 3:1-5.
6. (a) Eva għala m’obdietx ’l Alla? (b) X’kien ifisser li tiekol mis-siġra pprojbita?
6 Eva m’obdietx ’l Alla u kielet. Għala? Eva emmnet lil Satana. B’mod egoist ħasbet li se tibbenefika billi ma tobdix ’l Alla. Irraġunat li hi u Adam ma kienx ikollhom għalfejn jagħtu kont iktar ’l Alla. Ma kienx ikollhom għalfejn jissottomettu iktar ruħhom għal-liġijiet tiegħu. Setgħu jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu “tajjeb” u x’inhu “ħażin.” Adam qabel m’Eva u kiel ukoll. Billi tiddiskuti d-dnub oriġinali tal-bniedem kontra Alla, nota taʼ taħt f’ The Jerusalem Bible tgħid: “Huwa l-poter li jiddeċiedi għalih innifsu dak li huwa tajjeb u dak li huwa mill-agħar u li jaġixxi fi qbil, dritt għal indipendenza morali sħiħa . . . L-ewwel dnub kien attakk fuq is-sovranità t’Alla.” Jiġifieri, kien attakk fuq id-dritt t’Alla li jkun il-ħakkiem jew is-superjur assolut tal-bniedem.
7. (a) Liema kwistjoni qamet bid-diżubbidjenza tal-bniedem? (b) Liema mistoqsijiet jeħtieġu tweġiba f’konnessjoni maʼ din il-kwistjoni?
7 Mela billi kielu l-frotta pprojbita, Adam u Eva rtiraw lilhom infushom minn taħt il-ħakma t’Alla. Telqu għal rashom, jagħmlu dak li kien “tajjeb” jew “ħażin” skond id-deċiżjonijiet tagħhom stess. Mela l-kwistjoni jew mistoqsija importanti li qamet kienet: Għandu Alla d-dritt li jkun il-ħakkiem assolut tal-bnedmin? Fi kliem ieħor, hu Jehovah il-Wieħed li jiddeċiedi x’inhu tajjeb jew ħażin għall-bnedmin? Hu l-Wieħed li jgħid x’inhi kondotta tajba u x’m’hijiex? Jew jistaʼ l-bniedem ikun aħjar jekk jiggverna lilu nnifsu? Taʼ min huwa l-aħjar mod taʼ ħakma? Jistgħu l-bnedmin, taħt id-direzzjoni inviżibbli taʼ Satana, jaħkmu b’suċċess mingħajr id-direzzjoni taʼ Jehovah? Jew hija meħtieġa l-gwida t’Alla sabiex jitwaqqaf gvern taʼ tjieba li se jġib paċi dejjiema għall-art? Dawn il-mistoqsijiet kollha tqajmu f’dan l-attakk fuq is-sovranità t’Alla, fuq id-dritt tiegħu li jkun il-ħakkiem uniku u assolut tal-bnedmin.
8. Jehovah għala ma qeridx ir-ribelli mill-ewwel?
8 M’għandniex xi ngħidu, malli sar l-irvell Jehovah setaʼ qered lit-tliet ribelli. Ma kienx hemm dubju li hu kien iktar b’saħħtu minn Satana jew Adam u Eva. Imma billi jeqridhom ma kienx ikun issetilja l-kwistjonijiet bl-aħjar mod. Per eżempju, ma kienx iwieġeb il-mistoqsija dwar jekk il-bnedmin setgħux jaħkmu lilhom infushom b’suċċess mingħajr l-għajnuna t’Alla. Għalhekk Jehovah ippermetta ż-żmien biex jissetilja l-kwistjoni importanti li ġiet imqajma.
L-ISSETILJAR TAL-KWISTJONI
9, 10. X’kienu r-riżultati taʼ li l-bnedmin ipprovaw jiggvernaw lilhom infushom mingħajr il-gwida t’Alla?
9 Issa li għadda ż-żmien, x’kien ir-riżultat? Sewwa, int x’tgħid? Urew dawn l-aħħar 6,000 sena taʼ storja tad-dinja li l-bnedmin irnexxielhom jiggvernaw lilhom infushom b’suċċess mingħajr il-gwida t’Alla? Ipprovdew il-bnedmin gvern tajjeb għall-barka u l-hena taʼ kulħadd? Jew ir-rekord taʼ l-istorja wera kemm huwa korrett il-kliem tal-profeta Ġeremija: “Ma jappartjenix lill-bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-pass tiegħu”?—Ġeremija 10:23.
10 Matul l-istorja kull xorta taʼ gvern ġie pprovat, imma l-ebda wieħed ma ġab is-sigurtà u l-hena vera lil dawk kollha li qegħdin jgħixu taħt il-ħakma tagħhom. Xi persuni jistgħu jippontaw lejn is-sinjali tal-progress. Imma jistaʼ wieħed jitkellem dwar progress veru meta l-bomba atomika ħadet post il-qaws u l-vleġġa, u meta d-dinja issa qiegħda f’biżaʼ kbir taʼ gwerra dinjija oħra? Liema xorta taʼ progress huwa dak meta l-bnedmin jistgħu jimxu fuq il-qamar imma ma jistgħux jgħixu flimkien fil-paċi fuq l-art? X’jiswa li n-nies jibnu djar mgħammrin b’kull xorta taʼ kumditajiet moderni meta l-familji li jgħixu fihom huma mifrudin minħabba l-inkwiet? Huma l-irvellijiet fit-toroq, il-qerda taʼ propjetà u taʼ ħajja u l-illegalità li naraw maʼ kullimkien, affarijiet li tiftaħar bihom? Xejn affattu! Imma dawn huma r-riżultati tal-bnedmin li jipprovaw jaħkmu lilhom infushom mingħajr Alla.—Proverbji 19:3.
11. Mela, b’mod evidenti, x’għandhom bżonn il-bnedmin?
11 L-evidenza għandha tkun ċara għal kulħadd. L-isforzi tal-bniedem li jiggverna lilu nnifsu indipendentement minn Alla fallew għalkollox. Irriżultaw f’sofferenza umana kbira. “Bniedem iddomina lil bniedem bi ħsara għalih,” tispjega l-Bibbja. (Ekkleżjasti 8:9) Huwa ċar li l-bnedmin għandhom bżonn il-gwida t’Alla biex jiggvernaw lilhom infushom. Sewwa sew bħalma Alla ħalaq il-bniedem bil-bżonn li jiekol l-ikel u jixrob l-ilma, bl-istess mod il-bniedem ġie magħmul bil-bżonn li jobdi l-liġijiet t’Alla. Jekk il-bniedem jinjora l-liġijiet t’Alla, se jiġi f’diffikultà, bħalma żgur li jsofri jekk jinjora l-bżonn taʼ ġismu għall-ikel u x-xorb.—Proverbji 3:5, 6.
GĦALA DAQSHEKK FIT-TUL?
12. Alla għala ppermetta daqshekk żmien biex jissetilja l-kwistjoni?
12 Madankollu, wieħed jistaʼ jistaqsi, ‘Alla għala ppermetta daqshekk żmien, madwar 6,000 sena issa, biex jissetilja din il-kwistjoni? Ma setgħetx ġiet issetiljata b’mod sodisfaċenti ħafna qabel?’ Le. Kieku Alla ndaħal żmien ilu, setgħet issir l-akkuża li l-bnedmin ma ġewx mogħtijin żmien biżżejjed biex jesperimentaw. Imma bħalma ġara, il-bnedmin kellhom ħafna żmien biex jiżviluppaw xi gvern li jissodisfa l-ħtiġijiet tas-sudditi tiegħu kollha, kif ukoll jagħmlu skoperti xjentifiċi li setgħu jikkontribwixxu għar-riżq taʼ kulħadd. Matul is-sekli l-bnedmin ipprovaw kważi kull xorta taʼ gvern. U l-progress tagħhom fil-qasam tax-xjenza kien taʼ l-għaġeb. Ġabu l-atomu taħt il-kontroll tagħhom u vvjaġġaw lejn il-qamar. Imma x’kien ir-riżultat? Ġab dan sistema ġdida u grandjuża għall-barka taʼ l-umanità?
13. (a) Minkejja l-progress xjentifiku kollu tal-bniedem, x’inhi s-sitwazzjoni llum? (b) Dan taʼ liema ħaġa jagħti prova b’mod ċar?
13 ’Il bogħod minn hekk! Minflok, hawn iżjed dwejjaq u inkwiet fuq l-art minn qatt qabel. Fil-fatt, il-kriminalità, it-tniġġis, il-gwerer, il-kollass tal-familji u problemi oħrajn laħqu punt tant perikoluż li xi xjenzati jaħsbu li l-istess eżistenza tal-bniedem hija mhedda. Iva, wara madwar 6,000 sena t’esperjenza f’li jaħkmu lilhom infushom, u wara li ntlaħqet quċċata taʼ “progress” xjentifiku, il-bnedmin issa qegħdin jiffaċċjaw il-qerda tagħhom infushom! Kemm hija ħaġa ċara li l-bnedmin ma jistgħux jiggvernaw lilhom infushom b’suċċess mingħajr Alla! Lanqas jistaʼ xi ħadd issa jilmenta li Alla ma ħalliex żmien biżżejjed biex jissetilja din il-kwistjoni.
14. Għala għandna niġu inkuraġġiti biex neżaminaw il-kwistjoni importanti l-oħra mqajma minn Satana?
14 Ċertament Alla kellu raġuni soda biex jippermetti lill-bnedmin taħt il-ħakma taʼ Satana jikkaġunaw il-ħażen li ilu jeżisti għal tant żmien. Bl-irvell tiegħu Satana qajjem kwistjoni oħra li wkoll riedet iż-żmien biex tiġi ssetiljata. Jekk neżaminaw din il-kwistjoni jkollna iktar għajnuna biex nifhmu għala Alla ppermetta l-ħażen. Int għandek tinteressa ruħek b’mod speċjali f’din il-kwistjoni għaliex int involut personalment.
[Stampa f’paġna 100]
Għal raġuni tajba, xi ġenituri jippermettu lill-maħbubin uliedhom jgħaddu minn xi operazzjoni taʼ wġigħ. Alla wkoll għandu raġunijiet tajbin għala jippermetti temporanjament lill-bnedmin isofru
[Stampa f’paġna 101]
Adam u Eva, billi kielu l-frotta pprojbita, abbandunaw il-ħakma t’Alla. Bdew jiddeċiedu huma dwar dak li kien tajjeb jew ħażin
[Stampi f’paġna 103]
Bħalma l-bniedem ġie maħluq bil-bżonn li jiekol l-ikel u jixrob l-ilma, hu wkoll ġie maħluq bil-bżonn tal-gwida t’Alla