Kapitlu 5
Il-Qima taʼ Min Jaċċetta Alla?
1. Mara Samaritana x’riedet tkun taf dwar il-qima?
QATT ħsibt dwar, ‘Il-qima taʼ min jaċċetta Alla?’ Waħda mara setgħet ħasbet dwar mistoqsija bħal din meta tkellmet maʼ Ġesù Kristu ħdejn il-Muntanja Geriżim fis-Samarija. Billi ġibdet l-attenzjoni lejn id-differenza bejn il-qima tas-Samaritani u dik tal-Lhud, hi qalet: “Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.” (Ġwann 4:20) Qalilha Ġesù lill-mara Samaritana li Alla jaċċetta kull qima? Jew qalilha li affarijiet speċifiċi huma meħtiġin biex wieħed jogħġob lil Alla?
2. Fit-tweġiba lill-mara Samaritana, Ġesù x’qal?
2 It-tweġiba li taħsdek taʼ Ġesù kienet: “Jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm.” (Ġwann 4:21) Is-Samaritani kienu ilhom jibżgħu minn Jehovah u kienu qiemu allat oħrajn fuq il-Muntanja Geriżim. (2 Slaten 17:33) Issa Ġesù Kristu qal li la dak il-post u lanqas Ġerusalemm ma kellhom ikunu importanti fil-qima vera.
QIM BL-ISPIRTU U L-VERITÀ
3. (a) Is-Samaritani għala ma kinux jafuh tassew lil Alla? (b) Kif setgħu Lhud leali u oħrajn isiru jafu lil Alla?
3 Ġesù kompla jgħid lill-mara Samaritana: “Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mill-Lhud.” (Ġwann 4:22) Is-Samaritani kellhom ideat reliġjużi foloz u aċċettaw biss l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja bħala li kienu mnebbħin—u dawn unikament fir-reviżjoni mimlija kritika tagħhom stess magħrufa bħala l-Pentatewku Samaritan. Għalhekk, ma kinux jafuh tassew lil Alla. Madankollu l-Lhud kienu ġew fdati b’għarfien Skritturali. (Rumani 3:1, 2) L-Iskrittura tat lil Lhud leali u lil kulmin ried jagħti widen dak li kellhom bżonn sabiex isiru jafu lil Alla.
4. Skond Ġesù, x’kellhom bżonn jagħmlu kemm il-Lhud u kemm is-Samaritani jekk il-qima tagħhom kellha tkun aċċettabbli għal Alla?
4 Fil-fatt, Ġesù wera li kemm il-Lhud u kemm is-Samaritani kellhom jaġġustaw il-mod tagħhom taʼ qima sabiex jogħġbu lil Alla. Hu qal: “Tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:23, 24) Biex inqimu lil Alla “fl-ispirtu,” irid ikollna l-ispirtu tiegħu u niġu gwidati minn dan l-ispirtu. Huwa possibbli li tqim lil Alla ‘bil-verità’ billi tistudja l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u billi tqimu skond il-verità rrivelata tiegħu. Ħerqan int li tagħmlu dak?
5. (a) Il-“qima” xi tfisser? (b) X’irridu nagħmlu aħna jekk irridu li Alla jaċċetta l-qima tagħna?
5 Ġesù enfasizza li Alla jrid il-qima vera. Dan juri li hemm forom taʼ qima li m’humiex aċċettabbli għal Jehovah. Li tqim lil Alla jfisser li tagħtih unur reverenti u li tagħti servizz sagru lilu. Li kieku ridt turi unur lil ħakkiem potenti, x’aktarx li kont tkun ħerqan li taqdih u tagħmel dak li jkun jogħġob lilu. Żgur, allura, li aħna rridu nogħġbu lil Alla. Minflok ma sempliċement ngħidu, ‘Ir-reliġjon tiegħi togħġobni,’ aħna għalhekk għandna bżonn naċċertaw erwieħna li l-qima tagħna tilħaq il-ħtiġijiet t’Alla.
NAGĦMLU R-RIEDA TAL-MISSIER
6, 7. Ġesù għala ma jirrikonoxxix lil xi wħud li jsostnu li huma dixxipli tiegħu?
6 Ejjew naqraw Mattew 7:21-23 u naraw jekk nistgħux niżolaw fattur kruċjali li jiddetermina jekk kull qima hijiex aċċettabbli għal Alla. Ġesù qal: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet! F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna? u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten [ħlejjaq spirti mill-agħar] u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Imbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’”
7 Li nirrikonoxxu lil Ġesù Kristu bħala Mulej huwa essenzjali fil-qima vera. Imma xi ħaġa kellha tkun nieqsa fil-qima taʼ ħafna minn dawk li qegħdin isostnu li huma dixxipli taʼ Ġesù. Hu qal li xi wħud kellhom iwettqu “mirakli,” bħalma huwa t-taparsi fejqan mirakoluż. Madankollu, kellhom jonqsu li jagħmlu dak li Ġesù qal li huwa vitali. Ma kellhomx ikunu qegħdin ‘jagħmlu r-rieda taʼ Missieru.’ Jekk irridu nogħġbu lil Alla, irridu nitgħallmu x’inhi r-rieda tal-Missier u mbagħad nagħmluha.
GĦARFIEN EŻATT—PROTEZZJONI
8. Jekk aħna se nagħmlu r-rieda t’Alla, x’inhu meħtieġ, u liema opinjonijiet żbaljati rridu nevitaw?
8 Li nagħmlu r-rieda t’Alla jirrikjedi għarfien eżatt kemm dwar Jehovah u kemm dwar Ġesù Kristu. Għarfien bħal dan iwassal għall-ħajja taʼ dejjem. Żgur, allura, li lkoll kemm aħna nkunu rridu nieħdu bis-serjetà l-kwistjoni taʼ li niksbu għarfien eżatt mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Xi wħud jgħidu li m’hemmx bżonn għal tħassib sakemm inkunu sinċieri u żelużi fil-qima tagħna. Oħrajn isostnu, ‘Inqas ma taf, inqas huwa mistenni minnek.’ Madankollu, il-Bibbja tinkuraġġina biex inżidu fl-għarfien dwar Alla u dwar l-iskopijiet tiegħu.—Efesin 4:13; Filippin 1:9; Kolossin 1:9.
9. L-għarfien eżatt kif jipproteġina, u għala għandna bżonn protezzjoni bħal din?
9 Għarfien bħal dan huwa protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni tal-qima tagħna. L-appostlu Pawlu tkellem dwar ċertu ħlejqa spirtu li jagħmel taʼ bir-ruħu li huwa “anġlu tad-dawl.” (2 Korintin 11:14) Taħt travestiment bħal dan, dan il-ħlejqa spirtu—Satana—jipprova jiżvijana f’li nagħmlu affarijiet kuntrarji għar-rieda t’Alla. Ħlejjaq spirti oħrajn assoċjati maʼ Satana wkoll kienu u għadhom iniġġsu l-qima tan-nies, għax Pawlu qal: “[I]s-sagrifiċċji li joffru l-pagani, lid-demonji joffruhom u mhux lil Alla.” (1 Korintin 10:20) X’aktarx, ħafna ħasbu li kienu qegħdin iqimu bil-mod xieraq, għalkemm ma kinux qegħdin jagħmlu dak li ried Alla. Kienu qegħdin jiġu żvijati għal ġo qima falza mhix nadifa. Aħna se nitgħallmu iktar dwar Satana u d-demonji iktar ’il quddiem, imma dawn l-għedewwa t’Alla definittivament kienu u għadhom iniġġsu l-qima taʼ l-umanità.
10. X’kont tagħmel int li kieku xi ħadd ivvalenalek apposta l-provista taʼ l-ilma tiegħek, u l-għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla x’se jarmana biex nagħmlu?
10 Li kieku kont taf li xi ħadd ivvalenalek apposta l-provista taʼ l-ilma tiegħek, kont int tkompli tixrob minnu? Żgur li kont tieħu azzjoni immedjata biex issib sors taʼ ilma bla periklu u pur. Sewwa, għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla jarmana biex nidentifikaw il-vera reliġjon u biex nirrifjutaw impuritajiet li jagħmlu l-qima mhix aċċettabbli għal Alla.
KMANDI TAL-BNEDMIN BĦALA DUTTRINI
11. X’kien hemm ħażin fil-qima taʼ bosta Lhud?
11 Meta Ġesù kien fuq l-art, ħafna Lhud m’aġixxewx fi qbil maʼ l-għarfien eżatt dwar Alla. Huma għalhekk tilfu l-opportunità li jkollhom waqfa nadifa quddiem Jehovah. Dwarhom, Pawlu kiteb: “Jien xhud għalihom li huma għandhom iż-żelu għal Alla, iżda dan iż-żelu mhux mibni fuq il-għerf veru [“għarfien eżatt,” NW].” (Rumani 10:2) Huma ddeċidew għalihom infushom kif iqimu lil Alla minflok ma taw widen għal dak li qal.
12. X’ikkontamina l-qima taʼ Iżrael, u b’liema riżultat?
12 L-Iżraeliti oriġinalment ipprattikaw reliġjon pura mogħtija minn Alla, imma din saret ikkontaminata bit-tagħlim u l-filosofiji tal-bnedmin. (Ġeremija 8:8, 9; Malakija 2:8, 9; Luqa 11:52) Għalkemm il-mexxejja reliġjużi Lhud magħrufin bħala Fariżej ħasbu li l-qima tagħhom kienet aċċettabbli għal Alla, Ġesù qalilhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies taʼ wiċċ b’ieħor, bħal ma hu miktub, ‘Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieh, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; igħallmu dottrina li m’hiex għajr preċetti tal-bnedmin.’”—Mark 7:6, 7.
13. Kif nistgħu nagħmlu bħalma għamlu l-Fariżej?
13 Huwa possibbli li aħna nistgħu nagħmlu bħalma għamlu l-Fariżej? Dan jistaʼ jiġri jekk insegwu tradizzjonijiet reliġjużi mgħoddijin lilna minflok ma neżaminaw dak li Alla qal dwar il-qima. Billi wissa dwar dan l-istess periklu reali, Pawlu kiteb: “L-Ispirtu jgħidha ċar li fl-aħħar taż-żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten.” (1 Timotju 4:1) Mela m’huwiex biżżejjed sempliċement li nassumu li l-qima tagħna togħġob lil Alla. Bħall-mara Samaritana li ltaqgħet maʼ Ġesù, nistgħu nkunu writna l-mod tagħna taʼ qima mingħand il-ġenituri tagħna. Imma għandna bżonn inkunu ċerti li qegħdin nagħmlu affarijiet li għandhom l-approvazzjoni t’Alla.
OQGĦOD GĦASSA LI MA TOFFENDIX LIL ALLA
14, 15. Saħansitra jekk għandna xi għarfien dwar ir-rieda t’Alla, għala għandna bżonn noqogħdu attenti?
14 Jekk ma nkunux attenti, nistgħu nagħmlu xi ħaġa li mhix aċċettabbli għal Alla. Per eżempju, l-appostlu Ġwanni nxteħet f’riġlejn anġlu ‘biex jagħtih qima.’ Imma l-anġlu wissa: “Hekk le! Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek li għandhom ix-xhieda taʼ Ġesù. Il-qima lil Alla tagħtiha.” (Apokalissi 19:10) Tara int għalhekk il-bżonn li taċċerta ruħek li l-qima tiegħek m’hijiex ikkontaminata minn kwalunkwe xorta taʼ idolatrija?—1 Korintin 10:14.
15 Meta xi Kristjani bdew jipprattikaw drawwiet reliġjużi li ma kinux jogħġbu lil Alla, Pawlu staqsa: “Kif erġajtu lura lejn l-elementi bla saħħa u bla siwi, u tridu terġgħu taqduhom biex tħarsu l-jiem, ix-xhur, l-istaġuni u s-snin? Qiegħed nibżaʼ li t-taħbit li tħabatt għalikom kien kollu taʼ xejn.” (Galatin 4:8-11) Dawk l-individwi kienu kisbu għarfien dwar Alla imma iktar tard żbaljaw billi osservaw drawwiet reliġjużi u ġranet taʼ festa li ma kinux aċċettabbli għal Jehovah. Bħalma qal Pawlu, għandna bżonn li ‘[‘nibqgħu,’ NW] infittxu li naraw dak li jogħġob lill-Mulej.’—Efesin 5:10.
16. Ġwann 17:16 u 1 Pietru 4:3 kif jgħinuna niddeċiedu jekk xi btajjel u drawwiet jogħġbux lil Alla?
16 Irridu nkunu ċerti li nevitaw btajjel reliġjużi u drawwiet oħrajn li jmorru kontra l-prinċipji t’Alla. (1 Tessalonkin 5:21) Per eżempju, Ġesù qal dwar is-segwaċi tiegħu: “Huma m’humiex tad-dinja, bħalma jiena m’iniex tad-dinja.” (Ġwann 17:16) Hija r-reliġjon tiegħek involuta f’ċerimonji u btajjel li jmorru kontra l-prinċipju taʼ newtralità mill-affarijiet taʼ din id-dinja? Jew dawk li jħaddnu r-reliġjon tiegħek xi kultant jieħdu sehem fi drawwiet u festi li jistgħu jinvolvu kondotta bħal dik deskritta mill-appostlu Pietru? Hu kiteb: “Biżżejjed li fl-imgħoddi kontu tagħmlu r-rieda tal-pagani u tgħixu ħajja żienja f’passjoni bla lġiem, f’sokor, fi tbahrid sfrenat, f’xorb żejjed u fl-idolatrija moqżieża taʼ l-allat.”—1 Pietru 4:3.
17. Għala għandna nevitaw kwalunkwe ħaġa li tirrifletti l-ispirtu tad-dinja?
17 L-appostlu Ġwanni enfasizza l-ħtieġa li nevitaw kwalunkwe prattiċi li jirriflettu l-ispirtu tad-dinja taʼ mingħajr Alla taʼ madwarna. Ġwanni kiteb: “Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġi[s]em u l-ġibda tal-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan m’huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:15-17) Innotajt int li dawk li ‘jagħmlu r-rieda t’Alla’ se jibqgħu għal dejjem? Iva, jekk nagħmlu r-rieda t’Alla u nevitaw attivitajiet li jirriflettu l-ispirtu taʼ din id-dinja, nistgħu jkollna t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem!
ŻOMM IL-LIVELLI GĦOLJIN T’ALLA
18. Xi Korintin kif kienu żbaljati dwar il-kondotta, u x’għandna nitgħallmu minn dan?
18 Alla jrid bħala adoraturi tiegħu lil dawk li jimxu mal-livelli morali għoljin tiegħu. Xi wħud f’Korintu tal-qedem ħasbu b’mod żbaljat li Alla kien se jittollera mġiba immorali. Nistgħu naraw kemm kienu żbaljati billi naqraw 1 Korintin 6:9, 10. Jekk irridu li nqimu lil Alla b’mod aċċettabbli, irridu nogħġbuh bil-kliem u bil-għemil. Qiegħda l-forma taʼ qima tiegħek tgħinek biex tagħmel dak?—Mattew 15:8; 23:1-3.
19. Il-qima vera kif teffettwa l-mod kif nittrattaw lil oħrajn?
19 L-aġir tagħna maʼ nies oħrajn għandu wkoll jirrifletti l-livelli t’Alla. Ġesù Kristu inkuraġġiena biex nittrattaw lil oħrajn bħalma kieku nixtiquhom jittrattaw lilna, għax dan huwa parti mill-qima vera. (Mattew 7:12) Innota x’qal ukoll dwar li nuru l-imħabba taʼ l-aħwa: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Id-dixxipli taʼ Ġesù jridu jħobbu lil xulxin u jagħmlu l-ġid lil adoraturi sħabhom u lil oħrajn.—Galatin 6:10.
QIMA B’RUĦNA KOLLHA
20, 21. (a) Alla liema xorta taʼ qima jirrikjedi? (b) Jehovah għala rrifjuta l-qima taʼ Iżrael fi żmien Malakija?
20 F’qalbek, tistaʼ tkun trid li tqim lil Alla b’mod aċċettabbli. Jekk inhu hekk, irid ikollok il-ħarsa taʼ Jehovah dwar il-qima. Id-dixxiplu Ġakbu enfasizza li hija l-opinjoni t’Alla li hija importanti, mhux tagħna. Ġakbu qal: “Quddiem Alla u Missierna t-tjieba [‘l-forma taʼ qima,’ NW] safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fil-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.” (Ġakbu 1:27) B’xewqa biex nogħġbu lil Alla, kull wieħed minna jeħtieġ li jeżamina l-qima tagħna biex ikun żgur li m’hijiex ikkontaminata bi prattiċi m’humiex qaddisin jew li m’aħniex inħallu barra xi ħaġa li hu jikkunsidra vitali.—Ġakbu 1:26.
21 Qima nadifa b’ruħna kollha biss togħġob lil Jehovah. (Mattew 22:37; Kolossin 3:23) Meta l-ġens taʼ Iżrael ta lil Alla inqas minn dak, hu qal: “L-iben iweġġaħ lil missieru, u l-qaddej lil sidu. Jekk mela jiena missier, fejn hu t-tweġġiħ tiegħi? U jekk jiena sid, fejn hu l-biżaʼ minni?” Huma kienu qegħdin joffendu lil Alla billi joffrulu annimali għomja, zopop, u morda bħala sagrifiċċju, u hu rrifjuta atti bħal dawn taʼ qima. (Malakija 1:6-8) Jehovah jixraqlu l-forma l-iktar pura taʼ qima u ma jaċċetta xejn inqas minn devozzjoni esklussiva.—Eżodu 20:5; Proverbji 3:9; Apokalissi 4:11.
22. Jekk irridu li Alla jaċċetta l-qima tagħna, x’se nevitaw, u x’se nagħmlu?
22 Il-mara Samaritana li tkellmet maʼ Ġesù kienet tidher interessata f’li tqim lil Alla bil-mod approvat b’mod divin. Jekk dik hija x-xewqa tagħna, se nevitaw it-tagħlim u l-prattiċi kkontaminati kollha. (2 Korintin 6:14-18) Minflok, se nitħabtu biex nieħdu għarfien eżatt dwar Alla u nagħmlu r-rieda tiegħu. Se nżommu qrib mal-ħtiġijiet tiegħu għal qima aċċettabbli. (1 Timotju 2:3, 4) Ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jistinkaw biex jagħmlu preċiżament dak, u kordjalment iħeġġuk li taqsam magħhom f’li tqim lil Alla “fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:24) Ġesù qal: “Il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh.” (Ġwann 4:23) Huwa ttamat li int persuna bħal din. Bħal dik il-mara Samaritana, int bla dubju tixtieq li jkollok ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 4:13-15) Imma int tara nies jixjieħu u jmutu. Il-kapitlu li jmiss jispjega għala.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
Bħalma huwa muri fi Ġwann 4:23, 24, Alla liema qima jaċċetta?
Kif nistgħu niddeterminaw jekk Alla hux jieħu gost b’ċerti drawwiet u festi?
Liema huma xi ħtiġijiet għal qima aċċettabbli?
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 44]