LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/15 pp. 8-11
  • Xi Ħaġa Akbar mit-Teżori taʼ l-Eġittu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xi Ħaġa Akbar mit-Teżori taʼ l-Eġittu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Jasar fl-​Eġittu
  • Moħbi, Misjub, u Adottat
  • Trobbija u Edukazzjoni
  • Deċiżjoni Kruċjali
  • Mosè għażel li jqim lil Ġeħova
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Tgħallem it-Triqat taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Għala Mosè Ħarab
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Imita l-fidi taʼ Mosè
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/15 pp. 8-11

Xi Ħaġa Akbar mit-​Teżori taʼ l-​Eġittu

MOSÈ hu wieħed mill-​iktar persunaġġi magħrufin fl-​istorja. Erbaʼ kotba tal-​Bibbja—mill-​Eżodu sad-​Dewteronomju—jirrakkontaw kważi b’mod esklużiv dwar kif Alla ttratta maʼ Iżrael li kellu bħala mexxej lil Mosè. Hu dderieġa l-​Eżodu tagħhom mill-​Eġittu, qeda bħala medjatur tal-​patt tal-​Liġi, u ggwida lil Iżrael sal-​konfini taʼ l-​Art Imwiegħda. Mosè kien trabba fid-​dar taʼ Fargħun, imma sar il-​kmandant awtorizzat tal-​poplu t’Alla, kif ukoll profeta, imħallef, u kittieb imnebbaħ minn Alla. Madankollu, hu kien “l-​aktar umli fost il-​bnedmin.”—Numri 12:3.

Ħafna minn dak li tgħid il-​Bibbja dwar Mosè jinvolvi l-​aħħar 40 sena taʼ ħajtu. Dan ikopri l-​perijodu minn meta Iżrael inħeles mill-​jasar sal-​mewt taʼ Mosè fl-​età taʼ 120 sena. Mill-​età taʼ 40 sa 80 sena, hu kien ragħaj f’Midjan. Imma, enċiklopedija tgħid li forsi l-​iktar perijodu affaxxinanti taʼ ħajtu, iżda l-​inqas wieħed li nafu fuqu, huwa dak taʼ l-​ewwel 40 sena, mindu twieled sakemm ħarab mill-​Eġittu. X’nistgħu nsiru nafu dwar dan il-​perijodu? Kif setgħu effettwawh iċ-​ċirkustanzi tat-​trobbija lil Mosè biex sar il-​bniedem li sar? Liema affarijiet setgħu influwenzawlu ħajtu? Liema sfidi kellu jiffaċċja? U dan kollu x’jistaʼ jgħallimna?

Il-​Jasar fl-​Eġittu

Il-​ktieb taʼ l-​Eżodu jitkellem dwar Fargħun li beda jibżaʼ mill-​Iżraelin li kienu marru joqogħdu l-​Eġittu għaliex dawn bdew joktru bil-​ħeffa. Billi mingħalih kien qed jaġixxi “bil-​għaqal,” hu pprova jnaqqas in-​numru tagħhom billi qabbad l-​argużini biex, bil-​frosta f’idhom, jgħakksuhom b’xogħol iebes—iġorru tagħbijiet, jagħmlu t-​taħlita tat-​tafal, u jilħqu l-​kwota taʼ briks li kellhom jagħmlu kuljum.—Eżodu 1:​8-14; 5:​6-18, NW.

Din id-​deskrizzjoni taʼ kif kien l-​Eġittu fi żmien it-​twelid taʼ Mosè taqbel eżatt maʼ l-​evidenza storika. Xi papiri antiki u minn taʼ l-​inqas waħda mit-​tpinġijiet f’qabar jiddeskrivu kif kienu jsiru l-​briks tat-​tajn mill-​ilsiera fit-​tieni millennju Q.E.K. jew qabel. L-​uffiċjali li kienu responsabbli biex jissupplixxu l-​briks organizzaw mijiet taʼ lsiera miġburin fi gruppi taʼ minn 6 sa 18 li fuqhom kellhom foreman jew mgħallem biex imexxihom. Huma kellhom iħaffru għat-​tafal biex jagħmlu l-​briks u mbagħad kellhom iġorru t-​tiben lejn il-​post fejn kienu jinħadmu l-​briks. Ħaddiema taʼ nazzjonalitajiet differenti kienu jtellgħu l-​ilma, waqt li biz-​zappuna kienu jħalltuh mat-​tafal u t-​tiben. Permezz taʼ forom rettangolari huma pproduċew filliera fuq filliera taʼ briks. Il-​ħaddiema mbagħad, permezz taʼ madmad, kienu jġorru tagħbija taʼ briks imnixxfin fix-​xemx u jiħduhom lejn il-​post fejn ikun qed isir il-​bini. Xi drabi kien ikollhom jitilgħu xi rampa biex jaslu ħdejh. Għassiesa Eġizzjani, bil-​vireg f’idhom, kienu joqogħdu bil-​qiegħda jew jippassiġġaw waqt li jaraw li x-​xogħol isir.

Paġna antika, li fuqha hemm miżmumin xi rekords, tirreferi għal 39,118-il briksa magħmulin minn 602 ħaddiema, li bejn wieħed u ieħor jammonta għal 65 briksa kull raġel f’kull xift. U dokument li jmur lura sat-​13-il seklu Q.E.K. jgħid: “L-​irġiel qed jagħmlu . . . l-​kwota tagħhom taʼ briks kuljum.” Dan kollu jfakkarna ħafna fix-​xogħol li kienu mġagħlin jagħmlu l-​Iżraelin bħalma hu deskritt fil-​ktieb taʼ l-​Eżodu.

Il-moħqrija ma rnexxilhiex tnaqqas il-​popolazzjoni Ebrajka. Għall-​kuntrarju, “aktar ma kienu jgħakksuhom, aktar kienu joktru . . . ; u l-​Eġizzjani bdew jitbeżżgħu minn ulied Iżrael.” (Eżodu 1:​10, 12) Minħabba f’hekk, Fargħun l-​ewwel ordna lill-​qwiebel Ebrej u mbagħad lin-​nies kollha tiegħu biex joqtlu lis-​subien Iżraelin kollha li kienu għadhom kif twieldu. Kien f’dawn iċ-​ċirkustanzi tal-​biżaʼ li lil Ġokebed u lil Għamram twildilhom tifel il-​ġmiel tiegħu, li semmewh Mosè.—Eżodu 1:​15-22; 6:20; Atti 7:20.

Moħbi, Misjub, u Adottat

Il-​ġenituri taʼ Mosè sfidaw il-​kmand qattiel taʼ Fargħun u ħbew liċ-​ċkejken tagħhom. Għamluh dan minkejja li kien hemm xi spiji u rġiel iħufu biex ifittxu lit-​trabi? Ma nistgħux inkunu ċerti. Li nafu hu li wara tliet xhur il-​ġenituri taʼ Mosè ma setgħux ikomplu jaħbuh. Għalhekk, ommu, li ma kinitx taf fejn se tagħti rasha, għamlet basket tal-​papiru miksi bil-​qatran u ż-​żift biex ma jidħolx ilma fih, u poġġiet lit-​tarbija tagħha fih. Sa ċertu punt, Ġokebed obdiet l-​ittra, iktar milli l-​ispirtu, taʼ l-​ordni tal-​Fargħun biex jitfgħu fin-​Nil lit-​trabi Ebrej li jkunu għadhom kif twieldu. Mirjam, oħt Mosè l-​kbira, imbagħad qagħdet fil-​qrib biex toqgħod għassa tiegħu.—Eżodu 1:22–2:4.

Ma nafux eżatt jekk Ġokebed ħallietx lil Mosè hemmhekk apposta biex issibu bint Fargħun meta din kienet tinżel tgħum fix-​xmara, imma hekk ġara. Il-​prinċipessa rrealizzat li din it-​tarbija kienet taʼ l-​Ebrej. X’taqbad tagħmel? Kienet hi se tobdi l-​kmand taʼ missierha u tordna li jinqatel? Le, hi rreaġixxiet kif ħafna nisa normalment jirreaġixxu f’sitwazzjoni bħal din. Uriet il-​mogħdrija.

F’ħakka t’għajn Mirjam kienet ħdejha. ‘Tridx immur insejjaħ waħda min-​nisa Ebrej biex treddagħlek it-​tarbija?’ staqsietha. Xi wħud jaraw ironija kbira f’din is-​silta. Oħt Mosè qiegħda f’kuntrast maʼ Fargħun, li kkonfoffa mal-​kunsillieri tiegħu biex jimxu “bil-​għaqal” maʼ l-​Ebrej. M’għandniex xi ngħidu, kien biss meta l-​prinċipessa aċċettat il-​pjan t’oħtu li Mosè nħeles mill-​periklu. “Mur!” wieġbet bint Fargħun, u Mirjam f’ħakka t’għajn sejħet lil ommha. F’dan il-​ftehim straordinarju, Ġokebed ġiet mikrija biex trabbi lil binha stess bil-​protezzjoni rjali.—Eżodu 2:​5-9.

Ċertament li kien hemm kuntrast kbir bejn il-​mogħdrija tal-​prinċipessa u l-​krudeltà taʼ missierha. Hi la kienet fl-​għama u lanqas imqarrqa dwar min kien dan it-​tifel. Tant tħassritu li qalbha qanqlitha biex tadottah, u l-​fatt li aċċettat l-​idea li kellha tikri mara Ebrea biex treddgħu juri li ma kinitx preġudikata bħal missierha.

Trobbija u Edukazzjoni

Ġokebed “ħadet it-​tarbija u reddgħetha. Meta t-​tifel kiber, ħaditu għand bint il-​Fargħun, li kienet tqisu tagħha.” (Eżodu 2:​9, 10) Il-​Bibbja ma tgħidx kemm Mosè dam jgħix mal-​ġenituri naturali tiegħu. Xi wħud jaħsbu li dan setaʼ kien minn taʼ l-​inqas sakemm infatam—sentejn jew tlieta—imma jistaʼ jkun li dam iktar. Il-​ktieb taʼ l-​Eżodu sempliċement jgħid li baqaʼ mal-​ġenituri tiegħu sakemm “kiber,” li jistaʼ jfisser sa kwalunkwe età. Dam kemm dam jgħix magħhom, Għamram u Ġokebed bla dubju użaw dak iż-​żmien biex jgħinu lil binhom ikun konxju li l-​oriġini tiegħu kienet Ebrajka u biex jgħallmuh dwar Jehovah. Iż-​żmien biss setaʼ juri jekk kienx irnexxielhom inaqqxu f’qalb Mosè fidi u mħabba għas-​sewwa u l-​ġustizzja.

Malli Mosè ngħata lura lil bint Fargħun, beda jiġi istruwit “fl-​għerf kollu taʼ l-​Eġizzjani.” (Atti 7:22) Dan jindika taħriġ li kien se jħejji lil Mosè għal kariga fit-​tmexxija tal-​pajjiż. It-​tagħlim estensiv li kien isir fl-​Eġittu inkluda l-​matematika, il-​ġeometrija, l-​arkitettura, il-​kostruzzjoni, u arti u xjenzi oħrajn. X’aktarx li l-​familja rjali kienet tkun tridu jitgħallem ukoll ir-​reliġjon Eġizzjana.

Mosè setaʼ rċieva l-​edukazzjoni privileġġata tiegħu flimkien maʼ tfal oħra li kienu werrieta rjali. Fost dawk li bbenefikaw minn din l-​edukazzjoni privileġġata kien hemm “ulied ħakkiema barranin li ntbagħtu lejn l-​Eġittu jew inqabdu bħala ostaġġi biex jiġu ‘ċivilizzati’ u mbagħad jintbagħtu lura biex jaħkmu bħala vassalli” leali lejn il-​Fargħun. (The Reign of Thutmose IV, minn Betsy M. Bryan) Kmamar apposta għat-​taħriġ taʼ dawn it-​tfal (nurseries) konnessi mal-​palazzi rjali milli jidher kienu jintużaw biex jippreparaw liż-​żgħażagħ biex jaqdu bħala uffiċjali fil-​palazz.a Iskrizzjonijiet li jmorru lura għall-​perijodi tas-​Saltna Eġizzjana tan-​Nofs u dik Ġdida jirrivelaw li bosta qaddejja persunali tal-​Fargħun u uffiċjali governattivi għolja baqgħu jissejħu bit-​titlu onorabbli taʼ “Child of the Nursery” (tfal li tħarrġu fil-​palazz) anki bħala adulti.

Il-​ħajja fil-​palazz kienet se tkun taʼ prova għal Mosè. Din kienet toffri għana, lussu, u setgħa. Kellha wkoll perikli morali. Mosè kif kien se jġib ruħu? Lejn min kien se juri lealtà? Kien hu fil-​fond taʼ qalbu adoratur taʼ Jehovah, iqis lilu nnifsu ħu dawk l-​Ebrej maħqurin, jew kien jippreferi jikseb kulma setaʼ mill-​Eġittu pagan?

Deċiżjoni Kruċjali

Meta kellu 40 sena, Mosè, li sa dak iż-​żmien setaʼ sar kompletament Eġizzjan, “mar ħdejn ħutu u ra x-​xogħol iebes tagħhom.” Dak li għamel wara juri li din ma kinitx xi sempliċi kurżità; hu xtaq ferm li jgħinhom. X’ħin ra Eġizzjan isawwat lil wieħed Ebrew, indaħal bejniethom, u qatel lil dak li kien qed jaħqar lil Ebrew. Dan l-​att wera li Mosè kien iħobb lil ħutu. Ir-​raġel li nqatel x’aktarx li kien uffiċjal, maqtul waqt li kien qed jaqdi dmiru. F’għajnejn l-​Eġizzjani, Mosè kellu verament għalxiex ikun leali lejn il-​Fargħun. Iżda, Mosè tqanqal mill-​imħabba għall-​ġustizzja, kwalità li hu reġaʼ wera l-​għada meta ħadha kontra wieħed Ebrew li beda jsawwat inġustament lil sieħbu stess. Mosè xtaq jeħles lill-​Ebrej mill-​jasar kiefer, imma meta l-​Fargħun sar jaf bit-​tradiment tiegħu u pprova joqtlu, Mosè kellu bilfors jaħrab lejn Midjan.—Eżodu 2:​11-15; Atti 7:​23-29.b

Mosè ħaseb li kien il-​waqt li jeħles lill-​poplu t’Alla, imma dan ma kienx għadu l-​waqt taʼ Jehovah. Xorta waħda, l-​għemejjel tiegħu wrew il-​fidi li kellu. Lhud 11:​24-26 jgħid: “Permezz tal-​fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin it-​tifla tal-​Fargħun; u għażel li aħjar ikun imkasbar flimkien mal-​poplu taʼ Alla milli jgawdi l-​hena tad-​dnub, hena li jgħaddi f’qasir żmien.” Għala? Għaliex “deherlu li t-​tmaqdir taʼ Kristu huwa għana akbar mit-​teżori taʼ l-​Eġittu, għax ħares ’il quddiem lejn il-​ħlas.” Dan l-​użu eċċezzjonali taʼ l-​espressjoni “taʼ Kristu,” li tfisser “wieħed midluk,” joqgħod ukoll għal Mosè fis-​sens li hu iktar tard irċieva inkarigu speċjali direttament mingħand Jehovah.

Aħseb ftit! Mosè kellu trobbija li setaʼ jkollu biss xi nobbli Eġizzjan. Il-​pożizzjoni tiegħu offrietlu karriera eċċellenti u kull tgawdija li tistaʼ timmaġina, u madankollu hu rrifjuta kollox. Kien impossibbli li jgħix fil-​palazz tal-​Fargħun, l-​oppressur, u fl-​istess ħin iħobb lil Jehovah u l-​ġustizzja. Minħabba li kiseb għarfien u mmedita dwar il-​wegħdi li Alla ta lil missirijietu Abraham, Iżakk, u Ġakobb, Mosè beda jippreferi li jkollu l-​approvazzjoni divina. Minħabba f’hekk, Jehovah setaʼ juża lil Mosè fl-​iktar irwol privileġġat għat-​twettiq taʼ l-​iskopijiet Tiegħu.

Ilkoll kemm aħna jkollna għażliet x’nagħmlu dwar x’inhu l-​iktar importanti. Bħal Mosè, forsi int għandek xi deċiżjoni diffiċli x’tieħu. Għandek int tneħħi ċerti drawwiet jew vantaġġi ovvji anki jekk dan ikun jirrikjedi sagrifiċċji kbar? Jekk din hi l-​għażla li għandek quddiemek, ftakar li Mosè kien iqis il-​ħbiberija maʼ Jehovah bħala li hi iktar prezzjuża mit-​teżori kollha taʼ l-​Eġittu, u ma ddispjaċiehx.

[Noti taʼ taħt]

a Din l-​edukazzjoni għandha mnejn kienet bħal dik li Danjel u sħabu ħadu biex jaqdu bħala uffiċjali taʼ l-​istat f’Babilonja. (Danjel 1:​3-7) Qabbel Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!, kapitlu 3, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Li Mosè kellu żelu għall-​ġustizzja nistgħu narawh ukoll meta ddefenda lil xi tfajliet li kienu jieħdu ħsieb in-​nagħaġ meta dawn ġew trattati ħażin f’Midjan, il-​post fejn mar meta ħarab.—Eżodu 2:​16, 17.

[Kaxxa f’paġna 11]

Kuntratti għal Dawk li Jreddgħu

L-​ommijiet ġeneralment kienu jreddgħu lil uliedhom stess. Madankollu, jgħid l-​istudjuż Brevard Childs fil-​Journal of Biblical Literature, “f’ċerti każi fost il-​familji nobbli [fil-Lvant qarib] kienu jikru mara biex treddgħalhom it-​tarbija. Din id-​drawwa kienet komuni wkoll meta l-​omm ma kinitx tkun tistaʼ treddaʼ lit-​tarbija tagħha jew inkella meta ma kinux ikunu jafu min hi l-​omm. Dik li tinkera biex treddaʼ lit-​tarbija kienet tieħu r-​responsabbiltà li trabbi lit-​tarbija kif ukoll li treddagħha matul il-​perijodu stipulat.” Mill-​antikitajiet tal-​Lvant Qarib għadhom jeżistu diversi kuntratti fuq il-​papiru taʼ dawn in-​nisa li jreddgħu. Dawn id-​dokumenti huma xiehda taʼ dik li kienet drawwa komuni mill-​perijodu Sumerjan sa l-​aħħar perijodu Ellenistiku fl-​Eġittu. Xi karatteristiċi komuni f’dawn id-​dokumenti huma stqarrija taʼ l-​individwi li kienu jkunu involuti, iż-​żmien kopert mill-​kuntratt, il-​kundizzjonijiet tax-​xogħol, speċifikazzjonijiet dwar in-​nutriment, multi jekk jinkiser il-​kuntratt, il-​pagi, u l-​mod kif kienu jitħallsu dawn il-​pagi. Normalment, “iż-​żmien li fih tarbija kienet tiġi mreddaʼ kien perijodu minn sentejn sa tlieta,” jispjega Childs. “Dik mikrija biex treddaʼ lit-​tarbija kienet tiħodha magħha biex trabbiha f’darha, imma kultant kien mitlub li t-​tarbija tittieħed għand sidha biex tiġi spezzjonata.”

[Stampi f’paġna 9]

Il-​mod kif isiru l-​briks fl-​Eġittu ftit li xejn inbidel minn żmien Mosè ’l hawn, kif jidher f’pittura antika

[Sorsi]

Fuq: Pictorial Archive (L-Istorja tal-​Lvant Qarib) Est.; taħt: Erich Lessing/Art Resource, NY

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja