Se Jkun Hemm Irxoxt tat-Twajbin
“Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt taʼ kemm it-twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin.”—ATTI 24:15.
1. Liema sitwazzjoni ffaċċjat lill-bnedmin kollha mill-waqgħa t’Adam u Eva ’l hawn?
“KULMA idek issib x’tagħmel, agħmlu bl-istess qawwa tiegħek, għax la hemm xogħol la ppjanar la għarfien u lanqas għerf f’Xeol, il-post li lejh int sejjer.” (Ekkleżjasti 9:10) B’dan il-ftit kliem magħżul tajjeb, l-għaref Sultan Salamun jiddeskrivi sitwazzjoni li ffaċċjat lil kull ġenerazzjoni taʼ l-umanità minn mindu l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, waqgħu fid-dnub. Mingħajr eċċezzjoni, il-mewt eventwalment belgħet lil kulħadd—sinjur u fqir, sultan u bniedem komuni, leali u taʼ mingħajr fidi. Verament, il-mewt “ħakmet bħala sultan.”—Rumani 5:17.
2. Xi wħud leali għala għandhom imnejn ġew iddiżappuntati matul dan iż-żmien tat-tmiem?
2 Minkejja l-aħħar avanzi tax-xjenza medika, il-mewt għadha taħkem bħala sultan saħansitra llum. Waqt li din m’hijiex xi sorpriża, xi wħud forsi kienu kemmxejn diżappuntati meta finalment ġew wiċċ imb’wiċċ maʼ dan l-għadu antik. Għala? Sewwa, lura fis-snin 20, il-Watch Tower Society ipproklamat il-messaġġ “Miljuni issa ħajjin ma se jmutu qatt.” Min kellhom ikunu dawn il-miljuni? In-“ngħaġ” li ssemmew fir-rimarki li Ġesù għamel dwar in-ngħaġ u l-mogħoż. (Mattew 25:31-46) Dawn l-uħud bħal ngħaġ kienu pprofetizzati li kellhom jidhru matul iż-żmien tat-tmiem, u t-tama tagħhom kellha tkun ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Hekk kif għadda ż-żmien, in-nies t’Alla kisbu fehma aħjar tal-pożizzjoni taʼ dawn in-“ngħaġ” fl-iskopijiet taʼ Jehovah. Ġie rrealizzat li dawn l-uħud ubbidjenti kellhom jintgħarfu mill-“mogħoż” stinati, u wara l-qerda taʼ dawn taʼ l-aħħar, in-ngħaġ kellhom jirtu l-qasam taʼ l-art tas-Saltna li kien ġie mħejji għalihom.
Ġbir Taʼ Wħud Bħal Ngħaġ
3. In-nies t’Alla fuq liema xogħol ikkonċentraw mis-sena 1935 ’l hawn?
3 Billi beda fl-1935, l-‘irsir leali’ kkonċentra fuq li jsib uħud bħal ngħaġ bħal dawn u fuq li jdaħħalhom fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Mattew 24:45; Ġwann 10:16) Dawn il-Kristjani li lesti li jitgħallmu bdew jirrealizzaw li Ġesù qiegħed issa jsaltan fis-Saltna tas-sema u li ż-żmien riesaq bil-għaġla għat-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar u d-dħul taʼ dinja ġdida li fiha se tgħammar it-tjieba. (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 12:10) F’dik id-dinja ġdida, il-kliem taʼ Isaija li jqawwi l-qalb se jitwettaq: “Hu attwalment se jiblaʼ l-mewt għal dejjem.”—Isaija 25:8.
4. Għalkemm ittamaw bil-ħerqa li jaraw is-sovranità taʼ Jehovah ivvindikata f’Armageddon, xi ġralhom ħafna min-ngħaġ l-oħra?
4 Ladarba t-tmiem tad-dinja taʼ Satana huwa tant qrib, il-Kristjani bħal ngħaġ se jgawdu bis-sħiħ il-ħajja sakemm is-sovranità taʼ Jehovah tiġi vvindikata matul it-tribulazzjoni li ġejja fuq Babilonja l-Kbira u l-bqija tad-dinja taʼ Satana. (Rivelazzjoni 19:1-3, 19-21) Għal numru mdaqqas, dan ma seħħx b’dak il-mod. Ħafna li ttamaw li jkunu fost il-“miljuni” li ma kellhom qatt imutu tabilħaqq mietu. Xi wħud ġew maqtulin bħala martri għall-verità f’ħabsijiet u kampijiet taʼ konċentrament jew taħt idejn fanatiċi reliġjużi. Oħrajn mietu f’inċidenti jew minn l-hekk imsejħin kawżi naturali—mard u xjuħija. (Salm 90:9, 10; Ekkleżjasti 9:11) B’mod ċar, iktar se jmutu qabel ma jiġi t-tmiem. Uħud bħal dawn kif se jaraw it-twettieq tal-wegħda taʼ dinja ġdida li fiha se tgħammar it-tjieba?
It-Tama Taʼ L-Irxoxt
5, 6. Liema futur jeżisti għal dawk b’tama għall-art li jmutu qabel Armageddon?
5 L-appostlu Pawlu ta t-tweġiba meta kien qiegħed jitkellem quddiem il-gvernatur Ruman Feliċ. Kif insibu f’Atti 24:15, Pawlu ddikjara bi qlubija: “Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt taʼ kemm it-twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin.” It-tama taʼ l-irxoxt tagħtina l-kuraġġ meta niffaċċjaw l-agħar avversitajiet. Minħabba f’dik it-tama, il-ħbieb għeżież tagħna li jimirdu u jħossu li se jmutu ma jaqtgħux qalbhom b’mod eċċessiv. Jiġri x’jiġri, huma jafu li se jaħsdu l-premju tal-fedeltà. Minħabba t-tama taʼ l-irxoxt, ħutna rġiel u nisa kuraġġużi li jiffaċċjaw il-mewt taħt idejn il-persekuturi jafu li m’hemmx ċans li l-persekuturi tagħhom jistgħu jiksbu r-rebħa. (Mattew 10:28) Meta xi ħadd fil-kongregazzjoni jmut, aħna nsewdu qalbna li tlifna lil dik il-persuna. Fl-istess waqt, jekk hu jew hi hu wieħed min-ngħaġ l-oħra, aħna nithennew li seħibna fit-twemmin ta prova li kien leali sat-tmiem u issa qiegħed jistrieħ, żgurat minn futur fid-dinja l-ġdida t’Alla.—1 Tessalonkin 4:13.
6 Iva, it-tama taʼ l-irxoxt hija karatteristika vitali tal-fidi tagħna. Għala, iżda, huwa t-twemmin tagħna fl-irxoxt daqshekk qawwi, u min huma dawk li għandhom sehem minn dik it-tama?
7. X’inhuwa l-irxoxt, u x’inhuma xi skritturi li jesprimu ċ-ċertezza tiegħu?
7 Il-kelma Griega għal “irxoxt” hija a·naʹsta·sis, li litteralment tfisser “toqgħod bil-wieqfa.” Tirreferi bażikament għal qawma mill-imwiet. Huwa interessanti li l-istess kelma “rxoxt” ma tidhirx fl-Iskrittura Ebrajka, imma t-tama taʼ l-irxoxt hija espressa b’mod ċar hemmhekk. Narawha, per eżempju, fil-kliem imlissen minn Ġob f’nofs is-sofferenza tiegħu: “O li f’Xeol int kont taħbini, . . . li kont taħtar limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija!” (Ġob 14:13) Bl-istess mod, f’Ħosea 13:14, naqraw: “Minn id Xeol se nifdihom; mill-mewt se nġibhom lura. Fejn huma l-ingiegeż tiegħek, O Mewt? Fejn hija l-qawwa qerrieda tiegħek, O Xeol?” Fl-1 Korintin 15:55, l-appostlu Pawlu kkwota dan il-kliem u wera li r-rebħa pprofetizzata fuq il-mewt tiġi mwettqa permezz taʼ l-irxoxt. (M’għandniex xi ngħidu, f’dik l-iskrittura, Pawlu kien qiegħed jitkellem dwar l-irxoxt għas-sema.)
Uħud Li Jemmnu “Ddikjarati Twajbin”
8, 9. (a) Bnedmin imperfetti kif jistgħu jkollhom sehem fl-irxoxt tat-twajbin? (b) X’inhija l-bażi tat-tama tagħna f’ħajja li m’hijiex se tispiċċa bil-mewt?
8 Fl-istqarrija tiegħu lil Feliċ, li hija kkwotata f’paragrafu 5, Pawlu qal li kellu jkun hemm irxoxt tat-twajbin u dawk li m’humiex twajbin. Min huma t-twajbin li se jiġu mqajmin? Sewwa, ebda bniedem m’hu twajjeb di natura. Aħna lkoll midinbin mit-twelid, u nikkommettu dnubiet matul ħajjitna—li jagħmilna nistħoqqu l-mewt id-doppju. (Rumani 5:12; 6:23) Madankollu, fil-Bibbja nsibu t-terminu “ddikjarati twajbin.” (Rumani 3:28) Dan jirreferi għal bnedmin li, għalkemm imperfetti, għandhom dnubiethom maħfurin minn Jehovah.
9 L-espressjoni hija wżata bl-iktar mod prominenti rigward il-Kristjani midlukin, li għandhom tama għas-sema. F’Rumani 5:1, l-appostlu Pawlu jgħid: “Issa li ġejna ddikjarati twajbin bħala riżultat tal-fidi, ejjew ingawdu l-paċi m’Alla permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” Il-Kristjani midlukin kollha huma ddikjarati twajbin minħabba l-fidi. Fidi f’liema ħaġa? Bħalma jispjega Pawlu fit-tul fil-ktieb taʼ Rumani, hija fidi f’Ġesù Kristu. (Rumani 10:4, 9, 10) Ġesù miet bniedem perfett u wara dan ġie rxoxtat mill-imwiet u telaʼ lejn is-sema biex joffri l-valur tal-ħajja umana tiegħu għan-nom tagħna. (Ebrej 7:26, 27; 9:11, 12) Meta Jehovah aċċetta dak is-sagrifiċċju, Ġesù, fil-fatt, xtara lir-razza umana mill-iskjavitù għad-dnub u l-mewt. Dawk li jeżerċitaw fidi f’dan l-arranġament jibbenefikaw ferm minnu. (1 Korintin 15:45) Fuq il-bażi tiegħu rġiel u nisa leali għandhom it-tama li jirtu ħajja li m’hijiex se tiġi mitmuma mill-għadu kiefer, il-mewt.—Ġwann 3:16.
10, 11. (a) Liema rxoxt jistenna lil Kristjani midlukin leali? (b) Liema xorta taʼ rxoxt kien ittamat minn adoraturi taʼ qabel il-Kristjanità?
10 Grazzi għas-sagrifiċċju tar-rahan taʼ Ġesù, uħud midlukin leali, billi ġew iddikjarati twajbin, għandhom it-tama ċerta li jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti mmortali, bħal Ġesù. (Rivelazzjoni 2:10) L-irxoxt tagħhom huwa msemmi f’Rivelazzjoni 20:6, li jgħid: “Hieni u qaddis hu kulmin għandu parti fl-ewwel irxoxt; fuq dawn it-tieni mewt m’għandha ebda awtorità, imma se jkunu qassisin t’Alla u tal-Kristu, u se jaħkmu bħala slaten miegħu għall-elf sena.” Dan huwa l-irxoxt għas-sema. Innota, iżda, li l-Bibbja ssejjaħlu “l-ewwel irxoxt,” li jimplika li hemm iktar x’jiġi.
11 F’Ebrej kapitlu 11, Pawlu rrefera għal lista twila taʼ qaddejja t’Alla taʼ qabel il-Kristjanità li kienu wrew fidi qawwija f’Alla Jehovah. Dawn ukoll kellhom fidi f’irxoxt. Fil-vers 35 taʼ dak il-kapitlu, Pawlu jitkellem dwar irxoxtijiet mirakolużi li seħħew matul l-istorja taʼ Iżrael, billi jgħid: “Nisa rċevew lill-mejtin tagħhom bl-irxoxt; imma rġiel oħrajn kienu ttorturati għaliex ma ridux jaċċettaw ħelsien b’xi rahan, sabiex ikunu jistgħu jiksbu rxoxt aħjar.” Dawk ix-xhieda leali tal-qedem setgħu jħarsu ’l quddiem lejn irxoxt aħjar minn dawk li jinvolvu, per eżempju, lil Elija u lil Eliżew. (1 Slaten 17:17-22; 2 Slaten 4:32-37; 13:20, 21) It-tama tagħhom kienet irxoxt għal ġo dinja fejn il-qaddejja t’Alla ma kellhomx ikunu ttorturati għall-fidi tagħhom, dinja fejn in-nisa ma kellhomx jitilfu l-maħbubin tagħhom fil-mewt. Iva, huma ħarsu ’l quddiem lejn qawmien mill-imwiet fl-istess dinja ġdida li aħna nittamaw għaliha. (Isaija 65:17-25) Jehovah ma rrivelalhomx daqskemm irrivela lilna dwar din id-dinja ġdida. Minkejja dan, kienu jafu li din kienet ġejja, u riedu jkunu fiha.
L-Irxoxt Għall-Art
12. Kienu wħud leali taʼ qabel il-Kristjanità ddikjarati twajbin? Spjega.
12 Għandna aħna naħsbu dwar il-qawmien taʼ dawn l-irġiel u nisa leali taʼ qabel il-Kristjanità għal ġo dik id-dinja l-ġdida bħala parti mill-irxoxt tat-twajbin? B’mod evidenti iva, għaliex il-Bibbja tirreferi għalihom bħala twajbin. Per eżempju, id-dixxiplu Ġakbu jsemmi lil raġel u mara tal-qedem li ġew iddikjarati twajbin. Ir-raġel kien Abraham, il-proġenitur tar-razza Ebrajka. Dwaru naqraw: “‘Abraham poġġa fidi f’Jehovah, u kien magħdud lilu bħala tjieba,’ u ġie li jissejjaħ ‘il-ħabib taʼ Jehovah.’” Il-mara kienet Raħab, li ma kenitx Iżraelita u li eżerċitat fidi f’Jehovah. Kienet “[i]ddikjarata twajba” u ġiet li tkun parti mill-ġens Ebrajk. (Ġakbu 2:23-25) B’hekk, irġiel u nisa tal-qedem li eżerċitaw fidi qawwija f’Jehovah u fil-wegħdi tiegħu u baqgħu leali sal-mewt kienu ddikjarati twajbin minn Jehovah fuq il-bażi tal-fidi tagħhom, u bla dubju se jkollhom sehem mill-“irxoxt . . . tat-twajbin.”
13, 14. (a) Kif nafu li Kristjani b’tama għall-art jistgħu jkunu ddikjarati twajbin? (b) Dan xi jfisser għalihom?
13 Madankollu, xi ngħidu dwar individwi bħal ngħaġ illum, dawk bit-tama għall-art li jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah u li jmutu leali matul dan iż-żmien tat-tmiem? Se jieħdu huma sehem mill-irxoxt tat-twajbin? Hekk jidher. Folla kbira taʼ wħud leali bħal dawn dehret ġo viżjoni mill-appostlu Ġwanni. Innota kif jiddeskrivihom: “Rajt, u, ħares! folla kbira, li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila jgħodd, mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha, bil-wieqfa quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi bojod; u kien hemm friegħi tal-palm f’idejhom. U jibqgħu jgħajtu b’leħen qawwi, jgħidu: ‘Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf.’”—Rivelazzjoni 7:9, 10.
14 Innota li dawn l-uħud ġwejdin huma konvinti b’mod sod mis-salvazzjoni tagħhom, u jattribwixxu dan lil Jehovah u lil Ġesù, “il-Ħaruf.” Barra minn hekk, qegħdin bil-wieqfa quddiem Jehovah u l-Ħaruf, kollha lebsin l-abjad. Għala bl-abjad? Ħlejqa tas-sema tgħid lil Ġwanni: “Ħaslu lbieshom, u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 7:14) Fil-Bibbja, l-abjad huwa simbolu taʼ safa, taʼ tjieba. (Salm 51:7; Danjel 12:10; Rivelazzjoni 19:8) Il-fatt li l-folla l-kbira jidhru lebsin ilbiesi bojod ifisser li Jehovah iqishom bħala twajbin. Dak kif inhu possibbli? Għaliex huma, bħal li kieku, ħaslu l-ilbiesi tagħhom fid-demm tal-Ħaruf. Jeżerċitaw fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù Kristu u għalhekk huma ddikjarati bħala l-ħbieb t’Alla bil-prospett li jgħaddu ħajjin mit-tribulazzjoni l-kbira. Għalhekk, kwalunkwe Kristjan iddedikat u leali li issa hu parti mill-“folla kbira” u li jmut qabel it-tribulazzjoni l-kbira jistaʼ jkun ċert li se jkollu sehem mill-irxoxt tat-twajbin għal fuq l-art.
15. Ladarba kemm it-twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin se jkunu rxoxtati, x’inhuwa l-vantaġġ taʼ l-irxoxt tat-twajbin?
15 Dak l-irxoxt huwa deskritt f’Rivelazzjoni kapitlu 20, vers 13, b’dan il-kliem: “Il-baħar radd lil dawk mejtin fih, u l-mewt u Ħades raddew lil dawk mejtin fihom, u ġew iġġudikati individwalment skond l-għemejjel tagħhom.” B’hekk, matul il-Jum il-kbir taʼ Ġudizzju t’elf sena taʼ Jehovah, dawk kollha fil-memorja t’Alla se jiġu rxoxtati—kemm it-twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin. (Atti 17:31) Kemm se jkun aħjar, iżda, għat-twajbin! Huma diġà għexu ħajjiet taʼ fidi. Diġà għandhom relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah u fiduċja fit-twettieq taʼ l-iskopijiet tiegħu. Xhieda twajbin minn taʼ qabel l-Era Kristjana se jistenbħu mill-mewt ħerqanin biex isiru jafu kif il-wegħdi taʼ Jehovah rigward iż-Żerriegħa kienu twettqu. (1 Pietru 1:10-12) Dawk min-ngħaġ l-oħra li lilhom Jehovah iqis bħala twajbin fi żmienna se joħorġu mill-qabar ħerqanin biex jilmħu l-art magħmula Ġenna li huma tkellmu dwarha meta ddikjaraw l-aħbar tajba f’din is-sistema t’affarijiet. Xi żmien mimli ferħ se jkun dak!
16. X’nistgħu ngħidu dwar l-irxoxt taʼ Jum il-Ġudizzju taʼ dawk li jmutu fi żmienna?
16 Matul dak il-Jum taʼ Ġudizzju t’elf sena, dawk li mietu leali f’dawn is-snin finali tas-sistema t’affarijiet taʼ Satana meta eżattament se jiġu rxoxtati? Il-Bibbja ma tgħidx. Madankollu, ma jkunx raġonevoli li taħseb li dawk magħdudin bħala twajbin li jmutu fi żmienna se jkollhom irxoxt bikri u b’hekk jistgħu jieħdu sehem mal-folla l-kbira taʼ dawk li se jkunu salvaw minn Armageddon fix-xogħol taʼ li jilqgħu ġenerazzjonijiet iktar bikrin lura mill-imwiet? Iva, tabilħaqq!
Tama Li Tagħti Faraġ
17, 18. (a) It-tama taʼ l-irxoxt liema faraġ tipprovdi? (b) X’aħna mqanqlin biex niddikjaraw dwar Jehovah?
17 It-tama taʼ l-irxoxt tagħti saħħa u faraġ lill-Kristjani kollha llum. Jekk nibqgħu leali, ebda ġrajja mhix mistennija u ebda għadu ma jistaʼ jċaħħadna mill-premju tagħna! Per eżempju, fin-1992 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, f’paġna 177, jidhru ritratti taʼ Kristjani kuraġġużi fl-Etjopja li għażlu li jmutu biex ma jikkompromettux il-fidi tagħhom. Nota żgħira tgħid: “Uċuħ li nistennew li naraw fl-irxoxt.” Xi privileġġ se jkun li ssir taf lil dawn l-uħud u oħrajn bla għadd li wrew fedeltà simili meta ffaċċjati mill-mewt!
18 Xi ngħidu dwar il-maħbubin tagħna stess u l-ħbieb li minħabba x-xjuħija jew in-nuqqas taʼ saħħa ma jirnexxilhomx jgħaddu ħajjin minn ġot-tribulazzjoni l-kbira? Fi qbil mat-tama taʼ l-irxoxt, għandhom futur taʼ l-għaġeb jekk jibqgħu leali. U jekk aħna wkoll bil-kuraġġ neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù, għandna futur taʼ l-għaġeb. Għala? Għaliex, bħal Pawlu, aħna nittamaw fl-“irxoxt taʼ kemm it-twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin.” Bi qlubna kollha, niżżuħajr lil Jehovah għal din it-tama. Ċertament, dan iqanqalna biex nidwu l-kliem tas-salmista: “Iddikjaraw fost il-ġnus il-glorja [t’Alla], fost il-popli kollha x-xogħlijiet taʼ l-għaġeb tiegħu. Għax Jehovah hu kbir u ferm taʼ min ifaħħru.”—Salm 96:3, 4.
(w95 2/15)
Tistaʼ Tispjega?
◻ Liema skritturi jgħinu biex jikkonfermaw it-tama tagħna f’irxoxt fuq l-art?
◻ Fuq liema bażi huma l-Kristjani issa ddikjarati twajbin?
◻ It-tama taʼ l-irxoxt kif tagħtina kuraġġ u determinazzjoni?
[Stampa f’paġna 9]
Bħal Pawlu, Kristjani midlukin jittamaw fl-irxoxt tas-sema