Ġeħova Żgur Mhux se Jitilqek
IL-KRISTJANI fil-Lhudija kienu qegħdin jesperjenzaw oppożizzjoni kiefra, u kellhom iħabbtu wiċċhom mal-ħarsa materjalistika tan-nies taʼ madwarhom. Biex jinkuraġġihom, l-appostlu Pawlu kkwota l-kliem taʼ Ġeħova lill-Iżraelin hekk kif kienu deħlin fl-Art Imwiegħda. Pawlu kiteb: “Żgur ma nitilqikx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5; Dewteronomju 31:6) Bla dubju, din il-wegħda saħħet lill-Ebrej Kristjani taʼ l-ewwel seklu.
L-istess wegħda għandha ssaħħaħna biex inkampaw maʼ l-ansjetajiet li jiġu milli ngħixu fiż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Jekk nafdaw f’Ġeħova u naġixxu fi qbil maʼ dan, hu se jsostnina anki fl-iktar ċirkustanzi diffiċli. Biex naraw kif Ġeħova jistaʼ jaġixxi fi qbil maʼ din il-wegħda, ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ meta wieħed jitlef il-mezz t’għajxien bla mistenni.
Niffaċċjaw Bidla fiċ-Ċirkustanzi Mhux Mistennija
In-numru taʼ nies bla xogħol qed jiżdied mad-dinja kollha. Skond rivista Pollakka, in-nuqqas taʼ xogħol huwa kunsidrat bħala “wieħed mill-iktar problemi soċjo-ekonomiċi.” In-nazzjonijiet industrijalizzati m’humiex eċċezzjoni. Per eżempju, anki fost il-membri taʼ l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u taʼ l-Iżvilupp, sas-sena 2004 n-nuqqas taʼ xogħol kien “żdied għal iktar minn 32 miljun ruħ, u laħaq livell iktar għoli minn dak tul id-Dipressjoni l-Kbira fis-snin 30.” Fil-Polonja, l-Uffiċċju Ċentrali taʼ l-Istatistika niżżel tliet miljun persuna bla xogħol minn Diċembru tas-sena 2003, li “18 fil-mija minnhom kienu wħud li għandhom l-età li jistgħu jaħdmu.” Sors wieħed qal li r-rata taʼ dawk li ma jaħdmux fost il-popolazzjoni Afrikana fl-Afrika t’Isfel laħqet 47.8 fil-mija fis-sena 2002!
Ħafna huma f’riskju li ma jsibux xogħol jew jitilfu l-impjieg bla mistenni, inkluż il-qaddejja taʼ Ġeħova. “Iż-żmien u ċ-ċirkustanzi” jolqtu lil kulħadd. (Koħèlet 9:11) Nistgħu nsibu lilna nfusna ngħidu kliem bħalma qal is-salmista David: “Id-dwejjaq taʼ qalbi żdiedu.” (Salm 25:17, Karm Żammit) Se tkun tistaʼ tkampa maʼ ċirkustanzi mhux favorevoli bħal dawn? Dawn jistgħu jeffettwaw il-benesseri emozzjonali, spiritwali u materjali tiegħek. Jekk tinsab bla xogħol, jistaʼ jirnexxilek tirkupra?
Inkampaw maʼ Problemi Emozzjonali
“It-telf tax-xogħol jeffettwa iktar lill-irġiel,” ladarba spiss huma meqjusin bħala dawk li jipprovdu l-ikel għall-familja tagħhom, jispjega l-psikologu Janusz Wietrzyński. Hu qal li jistaʼ jġiegħel lir-raġel jgħaddi minn ħafna emozzjonijiet imħawdin, bħal, per eżempju, minn rabja għal sens taʼ rassenjazzjoni. Missier li jitlef ix-xogħol jistaʼ jitlef l-istima tiegħu nnifsu u jibda “jiġġieled mal-familja tiegħu.”
Adam, missier Kristjan taʼ żewġt itfal, jispjega kif ħassu meta tilef l-impjieg tiegħu: “Bdejt insir nervuż malajr; kollox beda jirritani. Anki bil-lejl, il-ħolm tiegħi kien kollu dwar ix-xogħol u kif kont se nipprovdi għat-tfal u għal marti, li hi wkoll kienet tilfet l-impjieg tagħha bla mistenni.” Meta Ryszard u Mariola, koppja miżżewġa b’tifla waħda, tilfu x-xogħol tagħhom, kellhom dejn kbir mal-bank. Il-mara tirrakkonta: “Kont il-ħin kollu inkwetata, u l-kuxjenza tiegħi kienet tgħidli li kien żball li ssellifna l-flus mill-bank. Bdejt naħseb il-ħin kollu li kien it-tort tiegħi.” Iffaċċjati minn sitwazzjonijiet bħal dawn, għandna mnejn inħossuna rrabjati, ansjużi, u inkwetati, u l-emozzjonijiet tagħna jistgħu jaħkmuna. Għalhekk, kif nistgħu nikkontrollaw dawn l-emozzjonijiet li jistgħu jinbtu fina?
Il-Bibbja tagħti parir li jaħdem dwar kif iżżomm attitudni pożittiva. “Tkunu ansjużi fuq xejn,” wissa l-appostlu Pawlu, “imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Meta navviċinaw lil Ġeħova bit-talb se ngawdu “l-paċi t’Alla,” paċi tal-moħħ ibbażata fuq il-fidi tagħna fih. Il-mara taʼ Adam, Irena, tgħid: “Fit-talb tagħna konna ngħidu lil Ġeħova dwar is-sitwazzjoni tagħna u kif konna se nissimplifikaw ħajjitna saħansitra iktar. Żewġi, li s-soltu jinkwieta malajr, beda jħoss li kien hemm xi tip taʼ soluzzjoni.”
Jekk int titlef ix-xogħol tiegħek bla mistenni, għandek l-opportunità li tapplika t-twissija li ta Ġesù Kristu fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. . . . Ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:25, 33) Ryszard u Mariola applikaw dan il-parir biex ikunu jistgħu jkampaw maʼ l-emozzjonijiet tagħhom. “Żewġi dejjem kien ifarraġni u kien jenfasizza li Ġeħova ma kienx se jabbandunana,” tgħid Mariola. Żewġha jżid: “It-talb kontinwu li tlabna flimkien ressaqna iktar qrib lejn Alla u lejn xulxin, u dan ipprovdielna l-faraġ li kellna bżonn.”
L-ispirtu qaddis t’Alla wkoll se jgħinna nkampaw. Ir-rażna, li l-ispirtu jistaʼ jipproduċi fina, jistaʼ jgħinna nibqgħu kalmi. (Galatin 5:22, 23) Forsi ma jkunx faċli, iżda huwa possibbli, għax Ġesù wegħedna li “l-Missier li hu fis-sema [se] jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.”—Luqa 11:13; 1 Ġwanni 5:14, 15.
Tittraskurax il-Bżonnijiet Spiritwali Tiegħek
Meta bla mistenni tispiċċa bla xogħol, għall-ewwel dan jistaʼ jkun taʼ skuraġġiment anki għall-Kristjan bilanċjat, iżda m’għandniex nittraskuraw il-bżonnijiet spiritwali tagħna. Per eżempju, Mosè, li kellu 40 sena, spiċċa biex biddel kompletament ħajtu meta tilef il-pożizzjoni tiegħu fl-aristokrazija u kellu jsir ragħaj, xogħol li l-Eġizzjani kienu jiddisprezzaw. (Ġenesi 46:34) Mosè kellu jadatta għaċ-ċirkustanzi ġodda tiegħu. Għal 40 sena, hu ppermetta lil Ġeħova biex jagħġnu u jippreparah għax-xogħlijiet ġodda li kellu quddiemu. (Eżodu 2:11-22; Atti 7:29, 30; Ebrej 11:24-26) Għalkemm iffaċċja d-diffikultajiet, Mosè ffoka fuq l-affarijiet spiritwali, u kien lest li jaċċetta t-taħriġ li kien se jagħtih Ġeħova. Jalla qatt ma nħallu ċerti ċirkustanzi jgħattulna l-valuri spiritwali tagħna!
Għalkemm it-telf taʼ impjieg bla mistenni jistaʼ jkun trawmatiku, dan ikun żmien tajjeb li nsaħħu r-rabtiet tagħna m’Alla Ġeħova u mal-poplu tiegħu. Adam, li ssemma iktar kmieni, ħassu b’dan il-mod. Hu jgħid: “Meta jien u marti t-tnejn tlifna l-impjieg tagħna, lanqas darba m’għaddielna minn moħħna li ma mmorrux il-laqgħat Kristjani jew li nnaqqsu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Din il-ħarsa pproteġietna milli ninkwetaw iżżejjed dwar dak li se jiġri għada.” Ryszard iħossu bl-istess mod: “Kieku ma kinux il-laqgħat u l-ministeru, qatt ma konna se nkampaw; żgur li konna niġu maħkumin mill-ansjetà. Konversazzjonijiet spiritwali m’oħrajn huma taʼ inkuraġġiment, għax konversazzjonijiet bħal dawn jitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq il-bżonnijiet t’oħrajn minflok fuq tagħna.”—Filippin 2:4.
Iva, minflok toqgħod tinkwieta dwar ix-xogħol, ipprova uża dak il-ħin għall-attivitajiet spiritwali, billi tagħmel studju persunali, tieħu sehem f’attivitajiet tal-kongregazzjoni, jew iżżid fil-ministeru tiegħek. Minflok ma tgħix ħajja bħal dik taʼ xi ħadd bla xogħol, int se jkollok ‘ħafna x’tagħmel fix-xogħol tal-Mulej’—u dan se jġib kemm hena lilek u kemm lil dawk l-uħud sinċieri li jwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna li tippridkalhom.—1 Korintin 15:58.
Ipprovdi għall-Familja Tiegħek b’Mod Materjali
Madankollu, l-ikel spiritwali m’huwiex se jimla stonku vojt. Ikun tajjeb li nżommu f’moħħna l-prinċipju li ġej: “Ċertament li jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-membri taʼ daru, ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) “Avolja l-aħwa fil-kongregazzjoni jkunu lesti li jgħinuna fil-bżonnijiet fiżiċi tagħna,” jammetti Adam, “bħala Kristjani, aħna għandna l-obbligu li naħdmu biex infittxu xogħol.” Nistgħu nkunu ċerti mill-appoġġ taʼ Ġeħova u dak tal-poplu tiegħu, iżda qatt m’għandna ninsew li aħna għandna nieħdu l-inizjattiva biex infittxu impjieg.
X’inizjattiva? “Toqgħodx idek fuq żaqqek tistenna biex Alla jaġixxi forsi jsir xi miraklu,” jispjega Adam. “Meta tkun qed tfittex impjieg, toqgħodx taħsibha biex tgħid li int Xhud taʼ Ġeħova. L-imgħallmin spiss iqisu dan taʼ valur.” Ryszard jagħti dan il-parir: “Staqsi lil kulmin taf dwar opportunitajiet għal xogħol, ibqaʼ iċċekkja għand l-aġenzija tax-xogħol, aqra l-avviżi, bħal: ‘Tinħtieġ mara li tieħu ħsieb persuna b’diżabilità’; jew, ‘Xogħol temporanju: Ġbir tal-frawli.’ Ibqaʼ fittex! Tkunx selettiv iżżejjed, anki jekk ikollok tagħmel xi ħaġa insinifikanti jew xi ħaġa li ma togħġbokx daqshekk.”
Iva, ‘Ġeħova hu dak li jgħinek.’ Hu ‘żgur ma jitilqikx u żgur ma jabbandunakx.’ (Ebrej 13:5, 6) M’għandekx għalfejn tkun ansjuż iżżejjed. Is-salmista David kiteb: “Erħi f’idejn il-Mulej it-triq tiegħek; afda wkoll fih, u jagħmel hu.” (Salm 37:5, KŻ) Li ‘nerħu t-triq tagħna f’idejn Ġeħova’ jfisser li nafdaw fih u nagħmlu l-affarijiet kif jixtieqna hu, anki meta ċ-ċirkustanzi ma jidhrux favorevoli.
Adam u Irena rnexxielhom imantnu lilhom infushom billi kienu jaħslu l-ħġieġ u t-taraġ u billi qagħdu attenti kemm kienu jonfqu flus meta jmorru jixtru. Huma regolarment kienu wkoll iżuru l-aġenzija tax-xogħol. “L-għajnuna dejjem kienet tasal eżatt meta kien ikollna bżonnha,” tgħid Irena. Żewġha jżid: “Iż-żmien wera li l-affarijiet li semmejna fit-talb tagħna ma kinux neċessarjament fi qbil mar-rieda t’Alla. Dan għenna biex nafdaw fuq l-għerf taʼ Ġeħova u biex ma naġixxux skond dak li naħsbu aħna. Ikun aħjar li bil-kalma tistenna għas-soluzzjoni li jipprovdi Alla.”—Ġakbu 1:4.
Minn żmien għal żmien, Ryszard u Mariola ħadmu xogħlijiet differenti iżda fl-istess ħin ħadu sehem fl-ippridkar f’territorji fejn il-bżonn huwa akbar. “Konna nsibu xogħol eżatt f’dawk il-mumenti meta ma kien ikollna xejn x’nieklu,” jgħid Ryszard. “Aħna rrifjutajna xogħlijiet li kellhom paga tajba iżda li kienu jfixklu r-responsabbiltajiet teokratiċi. Ippreferejna nistrieħu fuq Ġeħova.” Huma jemmnu li Ġeħova mexxa l-affarijiet biex b’hekk setgħu jikru appartament irħis u fl-aħħar Ryszard sab xogħol.
Meta xi ħadd jitlef ix-xogħol tiegħu, dan iġib dwejjaq kbar. Iżda għala ma tiħux lopportunità biex tara għalik stess li Ġeħova qatt ma se jitilqek? Ġeħova jieħu ħsiebek. (1 Pietru 5:6, 7) Hu wiegħed permezz tal-profeta Isaija: “La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek.” (Isaija 41:10) Qatt tħalli aċċident li ma tkunx qed tistenna li se jinqalaʼ, inkluż it-telf tax-xogħol, jipparalizzak. Agħmel dak kollu li tistaʼ, imbagħad ħalli l-kumplament f’idejn Ġeħova. Stenna lil Ġeħova “fis-skiet.” (Lamentazzjonijiet 3:26) Se tgawdi barkiet kbar.—Ġeremija 17:7.
[Stampa f’paġna 9]
Uża l-ħin għall-attivitajiet spiritwali
[Stampi f’paġna 10]
Tgħallem kun attent, u tkunx selettiv ħafna meta tkun qed tfittex impjieg