Ibbenefika mill-Aħjar Edukazzjoni Disponibbli!
IL-BIBBJA tidentifika lil Alla Ġeħova bħala l-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha, inkluż tal-bnedmin. (Ġenesi 1:27; Rivelazzjoni 4:11) Bħala l-Istruttur il-Kbir, hu eduka lill-ewwel koppja umana, Adam u Eva, u ppreparahom biex jgħixu fil-ġnien sabiħ taʼ l-Għeden. L-iskop tiegħu kien li jkompli jedukahom u jieħu ħsiebhom għall-eternità. (Ġenesi 1:28, 29; 2:15-17; Isaija 30:20, 21) Aħseb ftit dwar dan il-prospett!
Madankollu, b’dispjaċir, l-ewwel koppja ħassru l-prospetti li kellhom. Il-fatt li kienu diżubbidjenti wassal għad-degradazzjoni morali u fiżika tar-razza umana. (Ġenesi 3:17-19; Rumani 5:12) Billi tirreferi għal dawk li għexu ftit ġenerazzjonijiet wara l-ħolqien taʼ l-umanità, il-Bibbja tgħid: “Il-Mulej ra li l-ħażen tal-bnedmin kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.”—Ġenesi 6:5.
Għaddew madwar 4,500 sena minn meta Ġeħova kkonkluda li l-bniedem kien miġbud kontinwament lejn il-ħażen, u issa s-sitwazzjoni tal-bniedem hija agħar minn qatt qabel. Ħafna jigdbu mingħajr mistħija taʼ xejn, jisirqu, jew jattakkaw lil oħrajn. Il-problemi jiżdiedu kuljum, filwaqt li t-tħassib għal oħrajn qiegħed jonqos. M’humiex ir-relazzjonijiet persunali, inkluż dawk tal-familji, fi kriżi? Madankollu, m’għandux jingħata t-tort lil Alla għal dawn il-kundizzjonijiet preżenti. Hu għadu jagħti kas il-problemi taʼ llum. Ġeħova dejjem kien interessat fil-qagħda tal-bniedem, u hu lest li jeduka lil dawk li jħarsu lejh għall-gwida biex ikunu jistgħu jiksbu ħajja ferħana. Madwar 2,000 sena ilu, hu bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, fuq l-art u wera li Hu interessat f’li jeduka lin-nies li jridu jkollhom suċċess f’ħajjithom. Ġesù ħalla eżempju li kien perfett f’dik li hi edukazzjoni għax hu kien ġie mgħallem mill-Istruttur il-Kbir għal ammont kbir taʼ żmien.
Il-Kristjanità Vera Teduka
Ġesù Kristu waqqaf il-Kristjanità vera, mod taʼ ħajja bbażat fuq l-imħabba. Fiha, il-ħsibijiet u l-azzjonijiet kollha huma fi qbil mar-rieda t’Alla biex iġibu unur u glorja lil ismu. (Mattew 22:37-39; Ebrej 10:7) It-tagħlim taʼ Ġesù dwar dan il-mod taʼ ħajja kien appoġġat minn Missieru, Ġeħova. Fi Ġwanni 8:29 naqraw dwar l-appoġġ li Ġesù rċieva minn Alla: “Dak li bagħatni qiegħed miegħi; hu ma telaqnix waħdi, għax dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” Iva Ġesù kellu l-appoġġ u l-gwida taʼ Missieru tul il-ministeru tiegħu. Il-qaddejja bikrin taʼ Ġesù ma setgħux jiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja mingħajr gwida. Ġeħova edukahom permezz taʼ Ibnu. Minħabba li mxew wara t-tagħlim u l-eżempju taʼ Ġesù saru nies aħjar. Dan huwa minnu għad-dixxipli tiegħu llum.—Ara l-kaxxa “L-Effett li Ħalla Ġesù u t-Tagħlim Tiegħu,” f’paġna 6.
Fattur li jispikka tal-Kristjanità vera huwa li din tinkludi edukazzjoni li teffettwa l-moħħ u l-qalb biex b’hekk tittrasforma lin-nies minn ġewwa. (Efesin 4:23, 24) Biex insemmu biss eżempju wieħed, ikkunsidra dak li għallem Ġesù rigward li tkun leali lejn is-sieħeb tiegħek: “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:27, 28) B’dan il-kliem, Ġesù kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu li l-qalb għandha tinżamm nadifa u li ħsibijiet u xewqat mhux xierqa, għalkemm ikunu għadhom ma twettqux, jistgħu jwasslu għal konsegwenzi koroh. M’huwiex tassew minnu li l-ħsibijiet ħżiena jistgħu jwasslu għal atti li joffendu lil Alla u jweġġgħu lil oħrajn?
Għalhekk, il-Bibbja tagħti dan il-parir: “Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema, imma inbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rumani 12:2) Għandek mnejn tistaqsi, ‘Huwa tassew possibbli li nġeddu moħħna permezz taʼ l-edukazzjoni?’ Li ġġedded il-moħħ jinvolvi li timmotivah f’direzzjoni differenti billi timlieh bil-prinċipji u l-istruzzjonijiet mogħtijin fil-Kelma t’Alla. Dan jistaʼ jsir billi taċċetta l-edukazzjoni li Alla jipprovdi permezz tal-Kelma tiegħu.
Immotivati biex Jinbidlu
“Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.” (Ebrej 4:12) Hi għadha teżerċita qawwa fuq l-individwi, u b’hekk turi li qatt ma hi antikwata. Tistaʼ tagħti lil persuna l-motivazzjoni biex tbiddel il-ħajja tagħha, tħaddan il-Kristjanità vera, u ssir persuna aħjar. L-eżempji li ġejjin juru l-valur taʼ l-edukazzjoni tal-Bibbja.
Emilia, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, tgħid: “Il-fatt li għamilt sforz waħdi ma kienx biżżejjed biex intejjeb is-sitwazzjoni f’dari. Meta bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, irrealizzajt li kien hemm tama u bdejt inbiddel l-attitudni tiegħi. Tgħallimt insir iktar paċenzjuża u ma nitlifx il-paċenzja meta nkun irrabjata. Maż-żmien, ir-raġel tiegħi beda jistudja wkoll. Ma kinitx faċli għalih li jieqaf jixrob, iżda rnexxielu jagħmel dan. Dan tana opportunità biex nagħtu bidu ġdid liż-żwieġ tagħna. Issa aħna Kristjani ferħanin u qegħdin indaħħlu l-prinċipji ġusti tal-Bibbja fit-tfal tagħna.”—Dewteronomju 6:7.
L-edukazzjoni li l-Kristjanità vera tipprovdi tistaʼ teħles persuna minn vizzji u minn ħajja immorali. Manuela sab li dan kien minnu. Meta kellu 13-il sena ħarab mid-dar u beda jieħu l-marijuana. Maż-żmien beda jieħu l-eroina. Hu kellu relazzjonijiet sesswali kemm maʼ rġiel u kemm maʼ nisa biex ikun jistaʼ jkollu kenn u flus. Xi drabi, Manuel mantna lilu nnifsu billi seraq lin-nies. Hu spiss kien ikun taħt l-influwenza tad-droga. Il-kondotta aggressiva tiegħu daħħlitu ħafna drabi l-ħabs. Darba minnhom dam erbaʼ snin il-ħabs, u hemmhekk beda jittraffika l-armi. Wara li żżewweġ, il-ħajja taʼ Manuel kompliet taħsad konsegwenzi koroh. Hu jgħid: “Spiċċajna ngħixu f’kamra fejn kienu jżommu t-tiġieġ. Għadni niftakar lil marti ssajjar fuq ftit briks. Iċ-ċirkustanzi tagħna tant kienu diffiċli li l-familja tiegħi stess ħeġġew lil marti biex titlaqni.”
X’biddillu ħajtu? Manuel iwieġeb: “Xi ħadd li kont naf ġie d-dar tagħna u beda jitkellem dwar il-Bibbja. Jien aċċettajt iż-żjajjar tiegħu sempliċement biex nurih li ma kienx jeżisti Alla li kien jinteressah min-nies. Jien kont inħossni prova ċara taʼ dan. Kont sorpriż li x-Xhud kien paċenzjuż u edukat, u għalhekk qbilt li mmur għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Għalkemm xi ftit li kienu hemmhekk kienu jafu dwar il-ħajja tiegħi, huma laqgħuni b’mod tajjeb. Ġagħluni nħossni qisni wieħed minnhom. Dan kien taʼ faraġ kbir. Ġejt imqanqal sal-punt li ddeċidejt li ninqataʼ għalkollox mid-dinja tad-drogi biex insib xogħol onest. Erbaʼ xhur wara li bdejt studju tal-Bibbja, ġejt kwalifikat biex nippriedka, u erbaʼ xhur wara dan, tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.”
Il-Kristjanità vera x’kienet tfisser għal Manuel u l-familja tiegħu? “Mingħajr ledukazzjoni tal-Bibbja, żgur kont inkun mejjet ħafna snin ilu. Il-mod taʼ ħajja li Ġesù għallimna tani l-familja tiegħi lura. Iż-żewġt itfal tiegħi m’għandhomx għalfejn jgħaddu minn dak li għaddejt jien meta kont żagħżugħ. Inħossni kburi u grat ħafna lejn Ġeħova għar-relazzjoni tajba li għandi issa maʼ marti. Xi wħud minn dawk li kont naf ferħuli u qaluli li l-mod taʼ ħajja li qed insegwi issa huwa l-aqwa wieħed.”
Tul il-ħajja Kristjana tagħna għandna mhux biss inkunu nodfa moralment imma wkoll nodfa fiżikament. John, li jgħix f’post fejn hemm ħafna faqar fl-inħawi taʼ l-Afrika t’Isfel, irrealizza dan. Hu jispjega: “Xi drabi t-tifla tagħna lanqas darba f’ġimgħa ma kienet tinħasel, u ħadd minna ma kien jidher li jimpurtah.” Il-mara tiegħu ammettiet li d-dar tagħhom kellha dehra terribbli. Iżda bl-edukazzjoni Kristjana l-affarijiet inbidlu. John waqaf jassoċja maʼ klikka taʼ ħallelin tal-karozzi u beda jagħti iktar attenzjoni lill-familja tiegħu. “Aħna tgħallimna li bħala Kristjani, għandna nżommu ġisimna u l-ħwejjiġna nodfa. Jogħġobni l-kliem fl-1 Pietru 1:16, li jħeġġiġna sabiex inkunu qaddisin għax Alla Ġeħova huwa qaddis. Issa nipprovaw ukoll nagħtu dehra sabiħa lid-dar sempliċi tagħna.”
Tistaʼ Ssib l-Aħjar Edukazzjoni
L-esperjenzi msemmijin hawn fuq m’humiex każijiet iżolati. B’riżultat taʼ l-edukazzjoni bbażata fuq il-Bibbja, eluf taʼ nies tgħallmu jgħixu ħajja aħjar. Billi jkunu onesti u beżlin, huma apprezzati mill-impjegati tagħhom. Huma saru ħbieb u ġirien tajbin billi jieħdu interess fil-ġid tal-bnedmin sħabhom. Huma determinati li jevitaw il-vizzji u t-tendenzi tal-ġisem, u għalhekk jieħdu ħsieb issaħħa fiżika, mentali, u emozzjonali tagħhom. Minflok ma jaħlu r-riżorsi tagħhom fuq il-vizzji, huma jużawhom għal ġid tagħhom stess u għall-ġid tal-familja tagħhom. (1 Korintin 6:9-11; Kolossin 3:18-23) Mingħajr ebda dubju, ir-riżultati taʼ li npoġġu fil-prattika dak li Ġeħova jgħidilna fil-Bibbja juru li l-aħjar mod taʼ ħajja hu li ngħixu fi qbil mal-Kristjanità vera, u dan se jipprovdi l-aħjar edukazzjoni disponibbli. Rigward persuna li tgħix fi qbil mal-liġijiet t’Alla, il-Bibbja tgħid: “Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”—Salm 1:3.
Huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova, jixtieq jedukana. Hu jgħid dwaru nnifsu: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” (Isaija 48:17) Iva, Ġeħova wriena t-triq permezz taʼ l-eżempju u t-tagħlim taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. It-tagħlim tiegħu għamel differenza fil-ħajja taʼ ħafna li kienu jafuh meta kien fuq l-art, u l-istess huwa minnu fil-każ taʼ ħafna oħrajn li jgħixu fi qbil mat-tagħlim tiegħu llum. Għaliex ma tiħux il-ħin biex titgħallem iktar dwar dan it-tagħlim? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek se jkunu ferħanin li jgħinuk biex tirċievi edukazzjoni taʼ valur bħal din.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
L-Effett li Ħalla Ġesù u t-Tagħlim Tiegħu
Billi uża l-pożizzjoni għolja tiegħu bħala kollettur ewlieni tat-taxxa, Żakkew sar sinjur billi kien jaħtaf u jisraq il-flus tan-nies komuni. Iżda hu biddel ħajtu billi applika t-tagħlim taʼ Ġesù.—Luqa 19:1-10.
Sawlu taʼ Tarsu waqaf jippersegwita lill-Kristjani, ikkonverta għall-Kristjanità u sar l-appostlu Pawlu.—Atti 22:6-21; Filippin 3:4-9.
Xi Kristjani f’Korintu kienu ‘żienja, idolatri, adulteri, omosesswali, ħallelin, rgħiba, sakranazzi, żeblieħa, u imbroljuni.’ Madankollu, meta tgħallmu dwar il-Kristjanità vera, huma ‘ġew maħsulin, ġew imqaddsin, [u] ġew dikjarati ġusti f’isem il-Mulej tagħhom Ġesù Kristu.’—1 Korintin 6:9-11.
[Stampa f’paġna 7]
Il-Bibbja tistaʼ turik kif ikollok suċċess