Liema Tip t’Edukazzjoni Jistaʼ Jagħmillek Ħajtek taʼ Suċċess?
QATT ħassejt li tant kellek problemi li qisek kont qed tegħreq f’baħar imqalleb? Immaġina ftit kemm tistaʼ tirriżulta sofferenza kieku kellek tagħmel żball fil-mod kif tkampa maʼ waħda jew iktar minn dawn il-problemi! Ħadd ma jitwieled bl-abbiltà li jsolvi l-problemi kollha b’suċċess, billi jieħu deċiżjonijiet tajbin kull darba. Għalhekk, l-edukazzjoni tajba hija importanti. Minfejn tistaʼ tikseb edukazzjoni li tistaʼ tgħinek tkampa mal-problemi tal-ħajja?
Ħafna, kemm kbar u kemm żgħar, jgħidu li l-edukazzjoni akkademika hija verament importanti. Xi esperti jgħidu wkoll li huma ‘jemmnu li qatt ma se tkun tistaʼ ssib impjieg [deċenti] mingħajr ma jkollok edukazzjoni iktar għolja.’ Madankollu, bosta mill-bżonnijiet tal-bniedem ma jistgħux jiġu sodisfati sempliċement minn dak li għandna materjalment. Per eżempju, tistaʼ l-edukazzjoni iktar għolja tgħinek tkun ġenitur, sieħeb, jew ħabib tajjeb? Tabilħaqq, nies li huma ammirati għal dak li kisbu minħabba l-intelliġenza tagħhom jistgħu jiżviluppaw tendenzi koroh fil-personalità tagħhom, ifallu fil-ħajja tal-familja, jew saħansitra jispiċċaw jikkommettu suwiċidju.
Xi wħud iduru lejn ir-reliġjon għal gwida, bħala sors t’edukazzjoni, iżda jispiċċaw diżappuntati għax ma jirċivux għajnuna prattika biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet tal-ħajja. Per eżempju, Emilia,a li tgħix il-Messiku, tispjega: “Ħmistax-il sena ilu ħassejt li jien u r-raġel tiegħi ma stajniex nibqgħu flimkien. Konna niġġieldu l-ħin kollu. Ma stajtx nikkonvinċih biex jieqaf jixrob. Spiss kelli nħalli lit-tfal iż-żgħar tagħna waħedhom filwaqt li jien kont immur infittex lil żewġi. Kont eżawrita emozzjonalment! Spiss kont immur il-knisja biex infittex xi ħaġa li setgħet tgħinni nsib soluzzjoni. Għalkemm xi drabi kienet tintuża l-Bibbja, qatt ma smajt xi parir li kien jittratta direttament mas-sitwazzjoni tiegħi; u lanqas ħadd ma ġie fuqi biex jgħidli x’għandi nagħmel. Il-fatt li kont immur il-knisja għal ftit tal-ħin u noqgħod nirripeti t-talb, ma tantx kien t’għajnuna.” Għandu mnejn li oħrajn joħorġu diżappuntati meta jaraw li l-mexxejja spiritwali tagħhom stess ma tantx jgħixu ħajja eżemplari. B’riżultat taʼ dan, ħafna ma jibqgħux fiduċjużi li r-reliġjon tistaʼ tagħti dak it-taħriġ jew l-edukazzjoni sabiex ikollhom ħajja taʼ suċċess.
Għalhekk, għandu mnejn tistaqsi lilek innifsek, ‘Liema tip t’edukazzjoni għandi nikseb biex b’hekk ikolli ħajja taʼ suċċess?’ Għandha l-Kristjanità vera t-tweġiba għal din il-mistoqsija importanti? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem inbidel.