LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w17 Frar pp. 20-26
  • Min qed imexxi l-​poplu t’Alla llum?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min qed imexxi l-​poplu t’Alla llum?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠESÙ JMEXXI L-​ĠEMGĦA LI TIGGVERNA
  • “DAN MHUX XOGĦOL IL-​BNIEDEM”
  • “MIN HU TASSEW L-​ILSIR LEALI U GĦAQLI?”
  • “FTAKRU F’DAWK LI QED IMEXXU”
  • Nikkoperaw mal-Ġemgha li Tiggverna Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Min Hu “l-Ilsir Leali u Għaqli” u X’Jagħmel?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kif Taħdem il-Ġemgħa li Tiggverna Llum?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • ‘L-Irsir Fidil’ u l-Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
w17 Frar pp. 20-26
Il-ġemgħa li tiggverna fl-ewwel seklu

Min qed imexxi l-poplu t’Alla llum?

“Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom.”—EBREJ 13:7.

GĦANJIET: 125, 43

TISTAʼ TISPJEGA?

Dawk li kellhom it-​tmexxija fi żmien l-​appostli u dawk li għandhom it-​tmexxija fost il-​poplu t’Alla llum, kif . . .

  • ingħataw il-​qawwa permezz tal-​ispirtu qaddis?

  • ġew megħjunin mill-​anġli?

  • ġew iggwidati mill-​Kelma t’Alla?

1, 2. Wara li Ġesù mar is-​sema, l-​appostli dwar xiex setgħu tħassbu?

L-​APPOSTLI taʼ Ġesù kienu fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ u kienu qed iħarsu lejn is-​sid u l-​ħabib tagħhom, Ġesù, waqt li ntrefaʼ ’l fuq lejn is-​sema u għattietu sħaba. (Atti 1:9, 10) Għal madwar sentejn, Ġesù kien għallimhom, inkuraġġiehom, u mexxiehom. Imma issa ma kienx għadu hemm. X’kienu se jagħmlu?

2 Qabel ma mar is-​sema, Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Kif qatt setgħu jagħmlu dax-​xogħol? Ġesù kien wiegħed li l-​ispirtu qaddis t’Alla kien se jgħinhom. (Atti 1:5) Imma min kien se jidderiġihom u jorganizza x-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja? L-​appostli kienu jafu li Ġeħova kien uża rġiel biex imexxu l-​Iżraelin fil-​passat. Allura setgħu tħassbu jekk Ġeħova issa kienx se jagħżel mexxej ġdid.

3. (a) Wara li Ġesù mar is-​sema, x’deċiżjoni importanti ħadu l-​appostli leali? (b) X’mistoqsijiet se jitwieġbu f’dan l-​artiklu?

3 Ftit wara li Ġesù mar is-​sema, id-​dixxipli tiegħu raw x’tgħid l-​Iskrittura, talbu lil Alla għall-​għajnuna, u għażlu lil Mattija biex jieħu post Ġuda l-​Iskarjota bħala t-​12-​il wieħed mill-​appostli. (Atti 1:15-​26) Din l-​għażla għala kienet tant importanti għalihom u għal Ġeħova? Id-​dixxipli rrealizzaw li kellu jkun hemm 12-​il appostlu.a (Ara n-​nota taʼ taħt.) Ġesù kien għażel l-​appostli u ħarriġhom għal irwol importanti ħafna fost il-​poplu t’Alla. X’kien dan l-​irwol, u Ġeħova u Ġesù kif ippreparawhom għalih? X’arranġament simili jeżisti llum? U kif nistgħu ‘niftakru f’dawk li qed imexxu’ fostna, speċjalment “l-​ilsir leali u għaqli”?—Ebrej 13:7; Mattew 24:45.

ĠESÙ JMEXXI L-​ĠEMGĦA LI TIGGVERNA

4. Xi rwol kellhom l-​appostli u anzjani oħrajn f’Ġerusalemm?

4 L-​appostli bdew imexxu fil-​kongregazzjoni Kristjana f’Pentekoste tas-​sena 33. Il-​Bibbja tgħid li “Pietru, flimkien mal-​ħdax, qam bil-​wieqfa” u għallem veritajiet li jsalvaw il-​ħajja lil folla kbira. (Atti 2:14, 15) Ħafna nies minn din il-​folla saru Kristjani. Wara dan, dawn il-​Kristjani ġodda “baqgħu jingħataw għat-​tagħlim taʼ l-​appostli.” (Atti 2:42) L-​appostli kienu responsabbli għal li jieħdu ħsieb il-​flus tal-​kongregazzjoni. (Atti 4:34, 35) Ukoll, huma għallmu lin-​nies t’Alla u talbu għalihom, u qalu: “Aħna ningħataw għat-​talb u għall-​ministeru tal-​kelma.” (Atti 6:4) U bagħtu Kristjani tal-​esperjenza jippritkaw f’territorji ġodda. (Atti 8:14, 15) Iktar tard, anzjani midlukin oħra ngħaqdu mal-​appostli f’li jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni. Bħala ġemgħa li tiggverna, huma taw direzzjoni lill-​kongregazzjonijiet kollha.—Atti 15:2.

Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu kienu jafu li Ġeħova kien qed jidderieġi l-​ġemgħa li tiggverna permezz taʼ Ġesù

5, 6. (a) L-​ispirtu qaddis kif ta l-​qawwa lill-​ġemgħa li tiggverna? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) L-​anġli kif għenu lill-​ġemgħa li tiggverna? (ċ) Il-​Kelma t’Alla kif iggwidat lill-​ġemgħa li tiggverna?

5 Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu kienu jafu li Ġeħova kien qed jidderieġi l-​ġemgħa li tiggverna permezz taʼ Ġesù. Kif setgħu jkunu ċerti? L-​ewwel, l-​ispirtu qaddis ta l-​qawwa lill-​ġemgħa li tiggverna. (Ġwanni 16:13) Il-​Kristjani midlukin kollha rċivew l-​ispirtu qaddis, imma dan ta l-​qawwa speċifikament lill-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm biex iwettqu l-​irwol tagħhom bħala indokraturi. Pereżempju, fis-​sena 49, l-​ispirtu qaddis iggwida l-​ġemgħa li tiggverna biex tieħu deċiżjoni dwar iċ-​ċirkonċiżjoni. Il-​kongregazzjonijiet segwew din id-​direzzjoni. B’hekk, huma “komplew jissodaw fil-​fidi u jiżdiedu fl-​għadd minn jum għall-​ieħor.” (Atti 16:4, 5) Mill-​ittra lill-​kongregazzjonijiet dwar iċ-​ċirkonċiżjoni, nistgħu naraw li l-​ġemgħa li tiggverna kellha l-​ispirtu t’Alla u wriet kwalitajiet bħall-​imħabba u l-​fidi.—Atti 15:11, 25-​29; Galatin 5:22, 23.

6 It-​tieni, l-​anġli għenu lill-​ġemgħa li tiggverna. Pereżempju, anġlu qal lil Kornelju biex isib lill-​appostlu Pietru. Wara li Pietru pprietka lil Kornelju u lil qrabatu, huma rċivew l-​ispirtu qaddis, allavolja l-​irġiel ma kinux għadhom ġew ċirkonċiżi. B’hekk, Kornelju sar l-​ewwel Ġentil mhux ċirkonċiż li sar Kristjan. Meta l-​appostli u aħwa oħrajn semgħu dwar dan, huma aċċettaw ir-​rieda t’Alla u laqgħu lill-​Ġentili mhux ċirkonċiżi fil-​kongregazzjoni Kristjana. (Atti 11:13-​18) Minn dan, nistgħu naraw li l-​anġli b’mod attiv appoġġjaw ix-​xogħol tal-​ippritkar li l-​ġemgħa li tiggverna kienet qed tidderieġi. (Atti 5:19, 20) It-​tielet, il-​Kelma t’Alla ggwidat lill-​ġemgħa li tiggverna. Dawn l-​irġiel użaw l-​Iskrittura biex tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet importanti dwar twemmin Kristjan u biex jidderieġu l-​kongregazzjonijiet.—Atti 1:20-​22; 15:15-​20.

7. Għala nistgħu ngħidu li Ġesù mexxa l-​Kristjani tal-​bidu?

7 Għalkemm il-​ġemgħa li tiggverna kellha awtorità, il-​membri tagħha fehmu li Ġesù Kristu kien il-​Mexxej tagħhom. Dan kif nafuh? L-​appostlu Pawlu qal li Kristu kien li għażel “xi wħud bħala appostli.” Hu qal ukoll li Kristu kien “il-​kap,” jew il-​Mexxej, tal-​kongregazzjoni. (Efesin 4:11, 15) U minflok ma semmew lilhom infushom għal xi appostlu, “id-​dixxipli, bid-​direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.” (Atti 11:26) Pawlu kien jaf li kien importanti li jsegwi t-​tagħlim ibbażat fuq il-​Bibbja mogħti mill-​appostli u rġiel oħra li kellhom it-​tmexxija. Xorta waħda, Pawlu qal: “Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu.” Din l-​istqarrija inkludiet lil kull membru tal-​ġemgħa li tiggverna. Imbagħad Pawlu żied jgħid: “Il-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:2, 3) Biċ-​ċar, Ġeħova kien ħatar lil Ibnu, Kristu Ġesù, biex imexxi l-​kongregazzjoni.

“DAN MHUX XOGĦOL IL-​BNIEDEM”

8, 9. Xi rwol importanti kellu Ħuna Russell?

8 B’seħħ mill-​1870, Charles Taze Russell u xi ħbieb tiegħu bdew jipprovaw iqimu lil Alla skont il-​Bibbja u jgħinu lil oħrajn jagħmlu dan. Dan inkluda li jgħinu nies li tkellmu b’lingwi differenti. Allura, Zion’s Watch Tower Tract Society fformat legalment fl-​1884, u Ħuna Russell sar il-​president.b (Ara n-​nota taʼ taħt.) Hu studja l-​Bibbja b’attenzjoni kbira u ma beżax jgħid lil oħrajn li t-​tagħlim tal-​knisja bħat-​Trinità u l-​immortalità tar-​ruħ ma kienx fil-​Bibbja. Hu tgħallem li meta Kristu jerġaʼ jiġi kien se jkun inviżibbli u li “ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus” kienu se jispiċċaw fl-​1914. (Luqa 21:24) Ħuna Russell uża l-​ħin, l-​enerġija, u l-​flus tiegħu biex jgħallem dawn il-​veritajiet lil oħrajn. Huwa ċar li Ġeħova u Ġesù użaw lil Ħuna Russell biex jieħu t-​tmexxija fi żmien importanti tal-​istorja.

9 Ħuna Russell ma riedx xi attenzjoni speċjali m’għand in-​nies. Fl-​1896, kiteb li hu u rġiel responsabbli oħra ma riedu li jiġu onorati bl-​ebda mod. Huma ma riedu li jingħataw ebda titlu speċjali, u ma ridux li xi grupp jiġi msejjaħ b’isimhom. Iktar tard hu qal: “Dan mhux xogħol il-​bniedem.”

“L-​ilsir leali u għaqli” hu grupp żgħir t’aħwa rġiel midlukin li jifformaw il-​Ġemgħa li Tiggverna

10. (a) Ġesù meta ħatar “l-​ilsir leali u għaqli”? (b) Spjega kif intgħamlet ċara li l-​Ġemgħa li Tiggverna kienet differenti mill-​Watch Tower Society.

10 Fl-​1919, tliet snin wara l-​mewt taʼ Ħuna Russell, Ġesù ħatar “l-​ilsir leali u għaqli.” Għal liema skop? Biex jagħti lis-​segwaċi tiegħu “l-​ikel fiż-​żmien xieraq.” (Mattew 24:45) Anki matul dawn is-​snin tal-​bidu, grupp żgħir t’aħwa midlukin mill-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York, ipprovdew ikel spiritwali għas-​segwaċi taʼ Ġesù. L-​espressjoni “ġemgħa li tiggverna” bdiet tidher fil-​pubblikazzjonijiet tagħna wara l-​1940. Dak iż-​żmien, il-​ġemgħa li tiggverna kellha konnessjoni mill-​qrib maʼ diretturi tal-​Watch Tower Bible and Tract Society. Madankollu, fl-​1971, intgħamlet ċara li l-​Ġemgħa li Tiggverna kienet differenti mill-​Watch Tower Society, li kienet responsabbli għal kwistjonijiet legali biss. Minn dakinhar ’il quddiem, aħwa midlukin setgħu jsiru parti mill-​Ġemgħa li Tiggverna mingħajr ma jkunu diretturi tas-​Soċjetà. Iktar reċenti, aħwa responsabbli tan-​“nagħaġ oħrajn” qdew bħala diretturi tas-​Soċjetà u taʼ korporazzjonijiet oħra użati mill-​poplu t’Alla. B’hekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna tistaʼ tiffoka fuq li tipprovdi istruzzjoni u direzzjoni Biblika. (Ġwanni 10:16; Atti 6:4) It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013 spjega li “l-​ilsir leali u għaqli” hu grupp żgħir t’aħwa midlukin li jifformaw il-​Ġemgħa li Tiggverna.

Il-ġemgħa li tiggverna fis-snin 50

Il-ġemgħa li tiggverna fis-snin 50

11. Il-​Ġemgħa li Tiggverna kif tieħu deċiżjonijiet?

11 Il-​Ġemgħa li Tiggverna tieħu deċiżjonijiet importanti bħala grupp meta l-​membri jiltaqgħu flimkien kull ġimgħa. Li jiltaqgħu b’dal-​mod jgħinhom ikollhom komunikazzjoni mill-​qrib u jibqgħu magħqudin. (Proverbji 20:18) L-​ebda membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna mhu importanti iktar mill-​membri l-​oħra, allura kull sena ħu differenti jieħu t-​tmexxija f’dawn il-​laqgħat. (1 Pietru 5:1) Dan hu l-​każ ukoll f’kull wieħed mis-​sitt kumitati tal-​Ġemgħa li Tiggverna. L-​ebda membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna ma jħossu li hu l-​mexxej taʼ ħutu. Kull wieħed minnhom hu wkoll wieħed mill-​qaddejja tad-​dar u jirċievi ikel spiritwali mill-​ilsir leali u jsegwi d-​direzzjoni tiegħu.

It-Torri tal-Għassa mill-1800 s’issa; il-Ġemgħa li Tiggverna llum

Minn mindu nħatar l-​ilsir leali fl-​1919, hu pprepara ikel spiritwali għan-​nies t’Alla (Ara paragrafi 10, 11)

“MIN HU TASSEW L-​ILSIR LEALI U GĦAQLI?”

12. Issa x’mistoqsijiet se nwieġbu?

12 Il-​Ġemgħa li Tiggverna la hi ispirata u lanqas perfetta. Hi tistaʼ tieħu żbalji meta tispjega l-​Bibbja jew tidderieġi l-​organizzazzjoni. Pereżempju, il-​Watch Tower Publications Index jinkludi s-​suġġett “Beliefs Clarified,” li jagħti lista t’aġġustamenti fil-​fehma tagħna tal-​Bibbja sa mill-​1870. Ġesù ma qalilniex li l-​ilsir leali tiegħu kien se jipproduċi ikel spiritwali perfett. Mela kif nistgħu nwieġbu l-​mistoqsija taʼ Ġesù: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli?” (Mattew 24:45) X’evidenza hemm li l-​Ġemgħa li Tiggverna hi l-​ilsir leali? Ejja nikkunsidraw l-​istess tliet affarijiet li għenu lill-​ġemgħa li tiggverna fi żmien l-​appostli.

13. L-​ispirtu qaddis kif għen lill-​Ġemgħ a li Tiggverna?

13 L-​ispirtu qaddis jgħin lill-​Ġemgħa li Tiggverna. L-​ispirtu qaddis għen lill-​Ġemgħa li Tiggverna tifhem veritajiet Bibliċi li ma kinux mifhumin qabel. Pereżempju, ikkunsidra l-​lista taʼ twemmin iċċarat li diġà ssemmiet. L-​ebda bniedem ma setaʼ jifhem u jispjega waħdu dawn “l-​affarijiet profondi t’Alla”! (Aqra l-​1 Korintin 2:10.) Il-​Ġemgħa li Tiggverna tħossha bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu, li kiteb: “U bl-​istess mod dan ma nitkellmuhx bi kliem mgħallem mill-​għerf tal-​bniedem, imma bi kliem mgħallem mill-​ispirtu.” (1 Korintin 2:13) Wara mijiet taʼ snin taʼ tagħlim falz u mingħajr direzzjoni ċara, għala kien hawn żieda bħal din fil-​fehma tal-​Bibbja mill-​1919 ’l hawn? Ir-​raġuni tistaʼ biss tkun li Alla kien qed jgħin bl-​ispirtu qaddis tiegħu!

14. Skont Rivelazzjoni 14:6, 7, l-​anġli kif jgħinu lill-​Ġemgħa li Tiggverna u lin-​nies t’Alla llum?

14 L-​anġli jgħinu lill-​Ġemgħa li Tiggverna. Il-​Ġemgħa li Tiggverna għandha r-​responsabbiltà enormi taʼ li tidderieġi ’l fuq minn tmien miljun pubblikatur fix-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja. Dan ix-​xogħol għala kien taʼ tant suċċess? Raġuni waħda hi l-​appoġġ tal-​anġli. (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) F’ħafna każi, l-​anġli dderiġew pubblikaturi lejn persuna li kienet għadha kif talbet lil Alla għall-​għajnuna!c (Ara n-​nota taʼ taħt.) Ix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim jibqaʼ jikber saħansitra fejn hemm oppożizzjoni ħarxa. Dan hu wkoll possibbli biss bl-​għajnuna mill-​anġli.

15. Il-​Ġemgħa li Tiggverna kif inhi differenti mill-​mexxejja tal-​Kristjaneżmu? Agħti eżempju.

15 Il-​Kelma t’Alla tiggwida lill-​Ġemgħa li Tiggverna. (Aqra Ġwanni 17:17.) Ikkunsidra x’ġara fl-​1973. Il-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Ġunju bl-​Ingliż staqsiet jekk “persuni li għadhom ma qatgħux il-​vizzju tat-​tabakk jikkwalifikawx għall-​magħmudija.” It-​tweġiba li tat għal din il-​mistoqsija kienet ibbażata fuq prinċipji Bibliċi, u kienet le! It-​Torri tal-​Għassa kkwota diversi skritturi u spjega għala persuna li ma kinitx se tieqaf tpejjep għandha tiġi maqtugħa mis-​sħubija. (1 Korintin 5:7; 2 Korintin 7:1) Qal li dan il-​livell strett ma jiġix mill-​bniedem imma “minn Alla, li esprima ruħu permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu.” L-​ebda organizzazzjoni reliġjuża oħra ma kienet lesta li tistrieħ daqshekk fuq il-​Kelma t’Alla saħansitra meta dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna għal xi membri tagħha. Ktieb reċenti dwar ir-​reliġjon fl-​Istati Uniti jgħid: “Mexxejja Kristjani rrivedew regolarment it-​tagħlim tagħhom biex jaraw li jaqbel mat-​twemmin u opinjonijiet, biex b’hekk jiksbu appoġġ minn fost il-​membri tagħhom u mill-​maġġoranza tan-​nies.” Madankollu, il-​Ġemgħa li Tiggverna mhix gwidata minn dak li l-​iktar jogħġob lin-​nies. Minflok, il-​membri tagħha huma ggwidati mill-​Kelma t’Alla, li juri li Ġeħova hu l-​wieħed li qed jiggwida verament lin-​nies tiegħu llum.

“FTAKRU F’DAWK LI QED IMEXXU”

16. X’inhu mod wieħed kif niftakru fil-​Ġemgħa li Tiggverna?

16 Aqra Ebrej 13:7. Il-​Bibbja tgħid biex ‘niftakru f’dawk li qed imexxu.’ Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi nsemmu l-​Ġemgħa li Tiggverna fit-​talb tagħna. (Efesin 6:18) Huma għandhom ħafna responsabbiltajiet, fosthom li jipprovdu l-​ikel spiritwali, jidderieġu x-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja, u jieħdu ħsieb id-​donazzjonijiet li jintgħamlu lill-​organizzazzjoni. Mela verament għandhom bżonn it-​talb regolari tagħna!

17, 18. (a) Kif insegwu d-​direzzjoni tal-​Ġemgħa li Tiggverna? (b) L-​ippritkar tagħna kif jappoġġja lill-​Ġemgħa li Tiggverna u lil Ġesù?

17 Nistgħu wkoll niftakru fil-​Ġemgħa li Tiggverna billi nsegwu l-​istruzzjonijiet u d-​direzzjoni tagħha. Il-​Ġemgħa li Tiggverna tagħtina direzzjoni permezz tal-​pubblikazzjonijiet, laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet tagħna. Ukoll, taħtar indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet, li mbagħad jaħtru anzjani. Billi b’attenzjoni jsegwu d-​direzzjonijiet li jingħatawlhom, l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet u l-​anzjani juru li jiftakru fil-​Ġemgħa li Tiggverna. U lkoll kemm aħna nuru rispett lejn il-​Mexxej tagħna, Ġesù, billi nobdu lill-​irġiel li qed juża llum.—Ebrej 13:17.

18 Mod ieħor taʼ kif nistgħu niftakru fil-​Ġemgħa li Tiggverna hu billi nagħmlu l-​almu tagħna fix-​xogħol tal-​ippritkar. Ebrej 13:7 jħeġġeġ lill-​Kristjani biex jimitaw il-​fidi taʼ dawk li qed imexxu. Il-​Ġemgħa li Tiggverna wriet fidi kbira billi b’żelu tipprietka u tippromwovi l-​aħbar tajba. Qegħdin aħna nappoġġjaw lil dawn l-​aħwa f’dan ix-​xogħol importanti? Jekk iva, se nħossuna ferħanin meta nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Kulmeta għamiltu dan maʼ wieħed mill-​iżgħar minn dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”—Mattew 25:34-40.

19. Għaliex int determinat li ssegwi l-​Mexxej tagħna, Ġesù?

19 Meta Ġesù reġaʼ lura s-​sema, hu m’abbandunax lis-​segwaċi tiegħu. (Mattew 28:20) Kien jaf li l-​ispirtu qaddis, l-​anġli, u l-​Kelma t’Alla għenuh jieħu t-​tmexxija meta kien fuq l-​art. Hu jagħti l-​istess għajnuna lill-​ilsir leali llum. Il-​Ġemgħa li Tiggverna tibqaʼ ‘miexja wara l-​Ħaruf,’ Ġesù, “kulfejn imur.” (Rivelazzjoni 14:4) Mela meta nsegwu d-​direzzjoni tal-​Ġemgħa li Tiggverna, inkunu qed insegwu l-​Mexxej tagħna, Ġesù. Hu dalwaqt se jiggwidana lejn il-​ħajja taʼ dejjem. (Rivelazzjoni 7:14-​17) U l-​ebda mexxej uman ma jistaʼ jwiegħed dan!

a Jidher li Ġeħova ried li jkollu 12-​il appostlu biex jifformaw it-​“tnax-​il ġebla tal-​pedament” taʼ Ġerusalemm il-​Ġdida fil-​futur. (Rivelazzjoni 21:14) Dan hu għala ma kienx hemm bżonn li xi ħadd jieħu post xi appostlu leali li iktar tard miet.

b Mill-​1955 ’l hawn, din il-​korporazzjoni kienet magħrufa bħala Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania.

c Ara l-​ktieb Nagħtu Xhieda bir-​Reqqa Dwar is-​Saltna t’Alla, paġni 58-​59.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Il-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova li jirċievu l-​ikel spiritwali, kemm jekk huma midlukin jew min-​nagħaġ oħrajn, huma msejħin bħala ‘l-​qaddejja tad-​dar’ f’​Mattew 24:45

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja