LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w17 Frar pp. 14-19
  • Ġeħova jmexxi l-​poplu tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova jmexxi l-​poplu tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • INGĦATAW IL-​QAWWA MILL-​ISPIRTU QADDIS
  • L-​ANĠLI GĦENUHOM
  • IL-​KELMA T’ALLA GGWIDATHOM
  • ĠEĦOVA JAĦTAR MEXXEJ PERFETT
  • “Wieħed Hu l-Mexxej Tagħkom, il-Kristu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Tmexxija Tajba Fejn Nistgħu Nsibuha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Afda fil-Mexxej attiv tagħna—Il-Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • L-Għotja taʼ Spirtu Qaddis Mingħand Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
w17 Frar pp. 14-19
Mosè u Aron jidhru quddiem il-Fargħun

Ġeħova jmexxi l-​poplu tiegħu

“Ġeħova . . . jmexxik il-​ħin kollu.”—ISAIJA 58:11.

GĦANJIET: 152, 22

TISTAʼ TISPJEGA?

Il-​mexxejja tal-​qedem tal-​poplu t’Alla u Ġesù Kristu kif ġew . . .

  • mogħtijin il-​qawwa mill-​ispirtu qaddis?

  • megħjunin mill-​anġli?

  • gwidati mill-​Kelma t’Alla?

1, 2. (a) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif inhuma differenti minn reliġjonijiet oħra? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu u li jmiss?

ĦAFNA drabi n-​nies jistaqsu lix-​Xhieda taʼ Ġeħova, “Min hu l-​mexxej tagħkom?” Huma jaħsbu dwar dan għax ħafna reliġjonijiet huma mmexxijin minn raġel jew mara. Madankollu, aħna kburin ngħidu li l-​Mexxej tagħna mhuwiex bniedem imperfett. Minflok, il-​Mexxej tagħna hu Ġesù Kristu! U hu jobdi lill-​Missier u Mexxej tiegħu, Ġeħova.—Mattew 23:10.

2 Hemm ukoll grupp taʼ rġiel, li jissejjaħ “l-​ilsir leali u għaqli,” li jieħu t-​tmexxija fost il-​poplu t’Alla fuq l-​art illum. (Mattew 24:45) Imma kif nafu li hu verament Ġeħova li qed imexxina permezz t’Ibnu? Se naraw tliet raġunijiet għala nistgħu nkunu ċerti minn dan. U għalkemm Ġeħova juża ċerti bnedmin biex imexxi lin-​nies tiegħu, se jidher ċar li Ġeħova kien u għadu l-​Mexxej veru tal-​poplu tiegħu.—Isaija 58:11.

INGĦATAW IL-​QAWWA MILL-​ISPIRTU QADDIS

3. X’kien li ta l-​qawwa lil Mosè biex imexxi lill-​Iżrael?

3 L-​ispirtu qaddis ta l-​qawwa lir-​rappreżentanti t’Alla. Alla għażel lil Mosè biex imexxi lill-​Iżraelin. X’għenu jieħu ħsieb dan l-​inkarigu tant importanti? Ġeħova ta “l-​ispirtu qaddis Tiegħu” lil Mosè. (Aqra Isaija 63:11-​14.) Mela fil-​fatt kien Ġeħova li qed imexxi lin-​nies tiegħu, għax kien l-​ispirtu tiegħu li għen lil Mosè.

4. X’juri li Mosè kellu l-​ispirtu t’Alla? (Ara l-​ewwel stampa.)

4 Setgħu n-​nies jaraw li Mosè kellu l-​ispirtu t’Alla? Iva! L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova ta lil Mosè l-​abbiltà biex jagħmel il-​mirakli u jgħarraf l-​isem t’Alla lill-​Fargħun, il-​mexxej setgħan Eġizzjan. (Eżodu 7:1-​3) L-​ispirtu qaddis għenu wkoll ikun mexxej li juri mħabba u paċenzja. Mosè kien differenti ħafna mill-​mexxejja ħorox u egoisti t’artijiet oħra! (Eżodu 5:2, 6-​9) Biċ-​ċar, Ġeħova kien għażel lil Mosè biex ikun il-​mexxej tal-​poplu Tiegħu.

5. Ġeħova lil min iktar ta l-​ispirtu qaddis biex imexxi l-​poplu tiegħu?

5 Ġeħova lil min iktar ta l-​ispirtu qaddis biex imexxi l-​poplu tiegħu? Il-​Bibbja tgħid: “Ġożwè, bin Nun, kien mimli bl-​ispirtu taʼ l-​għerf.” (Dewteronomju 34:9) “L-​ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuq Gidegħon.” (Imħallfin 6:34) U “l-​ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuq David.” (1 Samwel 16:13) Dawn l-​irġiel straħu fuq l-​ispirtu t’Alla biex jgħinhom jagħmlu affarijiet li ma setgħux jagħmluhom bil-​ħila tagħhom stess. (Ġożwè 11:16, 17; Imħallfin 7:7, 22; 1 Samwel 17:37, 50) Bla dubju, Ġeħova kien il-​wieħed li tahom il-​qawwa biex jagħmlu affarijiet kbar, allura hu biss jistħoqqlu t-​tifħir.

Meta l-​poplu t’Alla obda lil Mosè, Ġożwè, Gidegħon, u David, hu kien fil-​fatt qed isegwi lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tiegħu

6. Ġeħova għala ried lill-​poplu tiegħu jirrispetta l-​mexxejja tal-​Iżrael?

6 X’messhom għamlu l-​Iżraelin meta raw li l-​ispirtu qaddis t’Alla ta l-​qawwa lil Mosè, Ġożwè, Gidegħon, u David? Huma messhom irrispettawhom. Meta n-​nies gergru dwar Mosè, innota xi staqsa Ġeħova: “Kemm se jdumu dawn in-​nies ma jurunix rispett?” (Numri 14:2, 11) Jidher ċar li Ġeħova għażel lil dawn l-​irġiel biex imexxu l-​poplu Tiegħu. Meta n-​nies obdewhom, huma kienu fil-​fatt qed isegwu lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tagħhom.

L-​ANĠLI GĦENUHOM

7. L-​anġli kif għenu lil Mosè?

7 L-​anġli għenu lir-​rappreżentanti t’Alla. (Aqra Ebrej 1:7, 14.) Alla uża l-​anġli biex jiggwidaw lil Mosè. L-​ewwel, anġlu “deherlu fl-​għollieqa” u tah l-​inkarigu biex jeħles lill-​Iżraelin u jmexxihom. (Atti 7:35) It-​tieni, Alla uża l-​anġli biex jagħtu l-​Liġi lil Mosè sabiex jgħallem lill-​Iżraelin. (Galatin 3:19) It-​tielet, Ġeħova qallu: “Mexxi lin-​nies lejn il-​post li għedtlek dwaru. Ara! L-​anġlu tiegħi jimxi qablek.” (Eżodu 32:34) Il-​Bibbja ma tgħidx li l-​Iżraelin raw anġlu jagħmel dan. Madankollu, mill-​mod taʼ kif Mosè għallem u ggwida lill-​poplu, kien ovvju li l-​anġli għenuh.

8. L-​anġli kif għenu lil Ġożwè u Ħeżekija?

8 Lil min għenu iktar l-​anġli? Il-​Bibbja tgħid li “l-​prinċep taʼ l-​armata taʼ Ġeħova,” anġlu, għen lil Ġożwè jirbaħ battalja kontra l-​Kangħanin. (Ġożwè 5:13-​15; 6:2, 21) Iktar tard, meta s-​Sultan Ħeżekija mexxa l-​poplu t’Alla, l-​armata enormi Assirjana heddet li teqred lil Ġerusalemm. F’lejl wieħed, “l-​anġlu taʼ Ġeħova ħareġ u qatel mija u ħamsa u tmenin elf ruħ.”—2 Slaten 19:35.

9. Għalkemm dawk li rrappreżentaw lil Alla kienu imperfetti, l-​Iżraelin x’kienu mistennijin jagħmlu?

9 L-​anġli huma perfetti. Però, l-​irġiel li huma għenu ma kinux. Pereżempju, darba, Mosè ma ġabx unur lil Ġeħova. (Numri 20:12) Ġożwè ma staqsiex lil Alla x’kellu jagħmel meta l-​Gibegħonin riedu jagħmlu ftehim miegħu. (Ġożwè 9:14, 15) Għal xi żmien qasir, Ħeżekija sar kburi. (2 Kronaki 32:25, 26) Għalkemm dawn l-​irġiel kienu imperfetti, l-​Iżraelin kienu mistennijin isegwu t-​tmexxija tagħhom. L-​Iżraelin setgħu jaraw li Ġeħova kien qed juża l-​anġli biex jappoġġjaw lil dawn l-​irġiel. B’mod ċar, Ġeħova kien qed jiggwida lill-​poplu tiegħu.

IL-​KELMA T’ALLA GGWIDATHOM

10. Mosè kif kien iggwidat mil-​Liġi t’Alla?

10 Il-​Kelma t’Alla ggwidat lir-​rappreżentanti tiegħu. Il-​Bibbja tirreferi għal-​Liġi li ngħatat lill-​Iżrael bħala “l-​liġi taʼ Mosè.” (1 Slaten 2:3) Imma l-​Bibbja tagħmilha ċara li Ġeħova kien il-​wieħed li ta l-​Liġi lill-​Iżrael. U Mosè kellu jobdiha wkoll. (2 Kronaki 34:14) Pereżempju, wara li Ġeħova qallu kif jibni t-​tabernaklu, “Mosè għamel skond kulma kien ikkmandah Ġeħova. Għamel preċiż hekk.”—Eżodu 40:1-​16.

11, 12. (a) X’kienu mitluba jagħmlu Ġożwè u s-​slaten li mexxew il-​poplu t’Alla? (b) Il-​Kelma t’Alla kif iggwidat lill-​irġiel li kellhom it-​tmexxija?

11 Ġożwè kellu biss parti mill-​Kelma t’Alla meta sar mexxej, u Ġeħova qallu: “[Il-​ktieb tal-​liġi] trid taqrah u timmedita fuqu lejl u nhar, sabiex tkun tistaʼ tieħu ħsieb tagħmel skond kulma hemm miktub fih.” (Ġożwè 1:8) Is-​slaten li iktar tard mexxew il-​poplu t’Alla wkoll kellhom jaqraw il-​Liġi kuljum, jiktbu kopja tagħha, u jobdu ‘l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi u dawn ir-​regolamenti billi jagħmluhom.’—Aqra Dewteronomju 17:18-​20.

12 Il-​Kelma t’Alla kif iggwidat lill-​irġiel li kellhom it-​tmexxija? Aħseb dwar l-​eżempju tas-​Sultan Ġosija. Wara li nstabet il-​Liġi taʼ Mosè, is-​segretarju taʼ Ġosija beda jaqrahielu.a (Ara n-​nota taʼ taħt.) “U ġara li, malli semaʼ l-​kliem tal-​liġi, is-​sultan minnufih ċarrat ħwejġu.” Il-​Kelma t’Alla mbagħad qanqlet lil Ġosija biex jeqred l-​idoli kollha f’dik l-​art u biex jipprepara għall-​akbar festa tal-​Qbiż li qatt kien hemm. (2 Slaten 22:11; 23:1-​23) Minħabba li Ġosija u mexxejja leali oħra segwew il-​Kelma t’Alla, huma kienu lesti jaġġustaw id-​direzzjoni li kienu jagħtu lin-​nies t’Alla. Dawn il-​bidliet għenu l-​poplu t’Alla jobdi Lilu.

13. Il-​mexxejja tal-​poplu t’Alla kif kienu differenti mill-​mexxejja taʼ nazzjonijiet oħra?

13 Il-​mexxejja taʼ nazzjonijiet oħra kienu gwidati mill-​għerf limitat tal-​bniedem. Pereżempju, il-​mexxejja Kangħanin u l-​poplu tagħhom għamlu affarijiet terribbli, li inkludew l-​inċest, l-​omosesswalità, il-​bestjalità, l-​issagrifikar tat-​tfal, u l-​idolatrija. (Levitiku 18:6, 21-​25) Ukoll, il-​mexxejja Babiloniżi u Eġizzjani ma kellhomx l-​istess liġijiet taʼ ndafa li kellhom in-​nies t’Alla. (Numri 19:13) Madankollu, in-​nies t’Alla setgħu jaraw kif il-​mexxejja leali tagħhom inkuraġġewhom biex iżommu l-​qima tagħhom nadifa, ikunu nodfa fiżikament, u jevitaw nuqqas taʼ ndafa sesswali. Biċ-​ċar, Ġeħova kien qed imexxihom.

14. Ġeħova għala ddixxiplina xi wħud mill-​mexxejja tal-​poplu tiegħu?

14 Mhux is-​slaten kollha li mexxew il-​poplu t’Alla segwew l-​istruzzjonijiet tiegħu. Dawn is-​slaten żleali rrifjutaw li jsegwu l-​gwida tal-​ispirtu qaddis t’Alla, tal-​anġli, u tal-​Kelma tiegħu. F’xi każi, Ġeħova ddixxiplina jew biddel lil dawn il-​mexxejja. (1 Samwel 13:13, 14) Iktar tard, Ġeħova ħatar lil xi ħadd li kien se jkun mexxej perfett.

ĠEĦOVA JAĦTAR MEXXEJ PERFETT

15. (a) Il-​profeti kif urew li kien ġej mexxej perfett? (b) Min kien il-​mexxej perfett?

15 Għal mijiet taʼ snin, Ġeħova wiegħed li kien se jaħtar mexxej perfett għan-​nies tiegħu. Pereżempju, Mosè qal lill-​Iżraelin: “Profeta minn ġo nofsok, minn ħutek, bħali, għad iqajjimlek Ġeħova Alla tiegħek—minnu għandkom tisimgħu.” (Dewteronomju 18:15) Isaija qal li dan il-​Wieħed kien se jsir “mexxej u kmandant.” (Isaija 55:4) U Danjel kiteb dwar il-​Messija, li kien se jsir “il-​Mexxej.” (Danjel 9:25) Fl-​aħħar, Ġesù Kristu identifika lilu nnifsu bħala “l-​Mexxej” tal-​poplu t’Alla. (Aqra Mattew 23:10.) Id-​dixxipli taʼ Ġesù segwewh minn jeddhom, u huma emmnu li kien magħżul minn Ġeħova. (Ġwanni 6:68, 69) Xi kkonvinċiehom li Ġesù Kristu kien il-​wieħed li Ġeħova kien se juża biex imexxi lil niesu?

Ġeħova ħatar lil Ġesù biex ikun mexxej perfett

16. X’ta prova li Ġesù ngħata l-​qawwa mill-​ispirtu qaddis?

16 L-​ispirtu qaddis ta l-​qawwa lil Ġesù. Meta Ġesù tgħammed, Ġwanni ra “s-​smewwiet jinfetħu, u l-​ispirtu nieżel fuqu nnifsu bħal ħamiema.” Ftit wara dan, “l-​ispirtu ġiegħlu jmur fix-​xagħri.” (Marku 1:10-​12) Matul il-​ministeru taʼ Ġesù, l-​ispirtu qaddis t’Alla tah il-​qawwa biex jgħallem u biex iwettaq il-​mirakli. (Atti 10:38) Flimkien maʼ dan, l-​ispirtu qaddis għen lil Ġesù juri kwalitajiet bħal imħabba, ferħ, u fidi soda. (Ġwanni 15:9; Ebrej 12:2) L-​ebda mexxej ieħor ma kellu prova bħal din taʼ li jkollu l-​ispirtu qaddis t’Alla. Bla dubju, Ġeħova kien għażel lil Ġesù bħala l-​Mexxej.

L-anġli jidhru lil Ġesù u jsaħħuh

L-anġli kif għenu lil Ġesù wara li tgħammed? (Ara paragrafu 17)

17. X’għamlu l-​anġli biex jgħinu lil Ġesù?

17 L-​anġli għenu lil Ġesù. Ftit wara li Ġesù tgħammed, “ġew l-​anġli u bdew jaqduh.” (Mattew 4:11) Sigħat qabel mewtu, “deherlu anġlu mis-​sema jqawwilu qalbu.” (Luqa 22:43) Ġesù kien jaf li Ġeħova kien se jibgħat l-​anġli biex jgħinuh kull meta kellu bżonn.—Mattew 26:53.

18, 19. Il-​Kelma t’Alla kif iggwidat il-​ħajja u t-​tagħlim taʼ Ġesù?

18 Il-​Kelma t’Alla ggwidat lil Ġesù. Mill-​bidu tal-​ministeru tiegħu sa mewtu fuq iz-​zokk tat-​tortura, Ġesù ħalla l-​Iskrittura tidderiġih. Anki meta kien qed imut, hu semma l-​profeziji dwar il-​Messija. (Mattew 4:4; 27:46; Luqa 23:46) Madankollu, il-​mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-​żmien kienu ferm differenti minn Ġesù. Huma għażlu li jinjoraw il-​Kelma t’Alla kull meta ma kinitx taqbel mat-​tagħlim tagħhom. Ġesù kkwota mill-​Kelma t’Alla meta dwarhom qal: “Dan il-​poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni. Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-​kmandi tal-​bnedmin.” (Mattew 15:7-​9) Ġeħova qatt ma setaʼ jagħżel irġiel li ma segwewx il-​Kelma tiegħu biex imexxu lin-​nies tiegħu.

19 Ġesù uża wkoll il-​Kelma t’Alla meta għallem lil oħrajn. Meta mexxejja reliġjużi sfidawh, hu m’użax l-​għerf tiegħu stess jew l-​esperjenza taʼ ħajtu biex iwiġibhom. Minflok, hu għallem lin-​nies mill-​Iskrittura. (Mattew 22:33-​40) Ukoll, Ġesù setaʼ impressjona oħrajn b’ħafna stejjer dwar il-​ħajja tiegħu fis-​sema jew dwar il-​ħolqien tal-​univers. Minflok, peress li ħabb il-​Kelma t’Alla, hu kien ħerqan li jaqsamha m’oħrajn, u “fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-​Iskrittura.”—Luqa 24:32, 45.

20. (a) Ġesù kif onora lil Ġeħova? (b) X’differenza kien hemm bejn l-​attitudni taʼ Ġesù u dik t’Erodi Agrippa I?

20 Għalkemm is-​semmiegħa taʼ Ġesù kienu affaxxinati bil-​mod taʼ kif tkellem, hu dejjem ta l-​unur lill-​Għalliem tiegħu, Ġeħova. (Luqa 4:22) Meta raġel sinjur ipprova jonora lil Ġesù bit-​titlu “Għalliem Tajjeb,” Ġesù kien umli u qal: “Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.” (Marku 10:17, 18) Madankollu, Erodi Agrippa I, li sar il-​mexxej tal-​Lhudija madwar tmien snin wara, kellu attitudni ferm differenti minn dik taʼ Ġesù. Darba, f’laqgħa speċjali, Erodi libes ilbies irjali impressjonanti ferm u li jiswa ħafna flus. Meta n-​nies rawh u semgħuh, huma għajtu: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!” Erodi kien iħobb it-​tifħir. Imma mbagħad x’ġara? “Minnufih l-​anġlu taʼ Ġeħova ħabat għalih, għax ma tax il-​glorja lil Alla; u ttiekel mid-​dud u miet.” (Atti 12:21-​23) Ovvjament, Ġeħova ma kienx għażel lil Erodi biex ikun mexxej. Madankollu, Ġesù ta prova li Alla kien għażlu, u hu kontinwament onora lil Ġeħova bħala l-​Mexxej Suprem tal-​poplu Tiegħu.

21. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Ġeħova ried li Ġesù jkun Mexxej għal iktar minn ftit snin biss. Wara li rxoxta, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.” Hu żied: “U, ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mattew 28:18-​20) Imma kif jistaʼ Ġesù jmexxi l-​poplu t’Alla fuq l-​art meta hu persuna inviżibbli fis-​sema? Lil min kien se juża Ġeħova biex jirrappreżenta lil Ġesù fuq l-​art? U l-​Kristjani kif kienu se jagħrfu lil dawk li jirrappreżentaw lil Alla? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet.

a Dan setaʼ kien id-​dokument oriġinali miktub minn Mosè.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Meta l-​mexxejja tal-​poplu t’Alla ngħataw il-​qawwa permezz tal-​ispirtu qaddis, huma rċivew qawwa mingħand Alla biex jagħmlu affarijiet li ma setgħux jagħmluhom bis-​saħħa tagħhom stess. Anki l-​Mexxej perfett, Ġesù, kellu bżonn l-​ispirtu qaddis

  • Ir-​rappreżentanti t’Alla huma dawk li Alla jagħżel biex jieħdu t-​tmexxija fost il-​poplu tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja