LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 5/1 pp. 7-11
  • L-Għotja taʼ Spirtu Qaddis Mingħand Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Għotja taʼ Spirtu Qaddis Mingħand Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Qawwa tal-​Ispirtu Qaddis
  • Xogħlijiet Mirakolużi
  • Kitbiet Imnebbħin
  • Serħan fuq Spirtu Qaddis
  • L-​Ispirtu t’Alla fl-​Ewwel Seklu
  • Ibbenefika mill-​Ispirtu Qaddis t’Alla
  • ‘Fl-Isem tal-Ispirtu Qaddis’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Gwidati bl-Ispirtu t’Alla fl-Ewwel Seklu u Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Nidentifikaw l-Ispirtu Qaddis
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Imxi bl-Ispirtu u Għix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 5/1 pp. 7-11

L-​Għotja taʼ Spirtu Qaddis Mingħand Jehovah

“Kemm iktar il-​Missier fis-​sema se jagħti spirtu qaddis lil dawk li qegħdin jistaqsuh!”−LUQA 11:13.

1, 2. (a) Liema wegħda għamel Ġesù dwar spirtu qaddis, u dan għala hu verament taʼ faraġ? (b) X’inhu l-​ispirtu qaddis?

FIL-​ĦARIFA tas-​sena 32 E.K. waqt li Ġesù kien qed jippriedka l-​aħbar tajba fil-​Ġudea, hu kellem lid-​dixxipli tiegħu dwar il-​ġenerożità taʼ Jehovah. Huwa uża xi tixbihat qawwijin u mbagħad għamel wegħda tal-​għaġeb, billi qal: “Jekk intom, għalkemm intom mill-​agħar, tafu kif tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier fis-​sema se jagħti spirtu qaddis lil dawk li qegħdin jistaqsuh!”−Luqa 11:13.

2 Kemm huma taʼ faraġ dawk il-​kelmiet! Hekk kif nissaportu t-​taqlib tal-​aħħar jiem taʼ did-dinja, niffaċċjaw il-​għadwa taʼ Satana u d-​demonji tiegħu, u niġġieldu kontra l-​inklinazzjonijiet imwaqqgħin tagħna nfusna, huwa verament inkuraġġanti li tkun taf li Alla se jsaħħaħna bl-​ispirtu tiegħu. Tabilħaqq, huwa impossibbli li wieħed jissaporti lealment mingħajr dak l-​appoġġ. Ġarrabt int il-​qawwa taʼ dan l-​ispirtu, li hu l-​forza attiva t’Alla nnifsu? Tifhem int eżattament kemm jistaʼ jgħinek? Tużah int bis-​sħiħ?

Il-​Qawwa tal-​Ispirtu Qaddis

3, 4. Uri l-​qawwa tal-​ispirtu qaddis.

3 Ikkunsidra l-​ewwel il-​qawwa tal-​ispirtu qaddis. Aħseb lura fis-​sena 1954. Dak kien meta bomba idroġena ġiet sploduta fuq il-​gżejjer Bikini fin-​naħa t’Isfel tal-​Paċifiku. F’mument wara li splodiet il-​bomba, dik il-​gżira sabiħa nbelgħet f’ballun immens taʼ nar u tfarrket minn splużjoni li l-​forza tal-​qawwa tagħha kienet ugwali għall-​isplużjoni taʼ 15-il miljun tunnellata taʼ ġelatina. Minn fejn ġiet dik il-​qawwa qerrieda kollha? Kienet biss ir-​riżultat tal-​bdil f’enerġija taʼ parti żgħira taʼ uranju u idroġenu li kienu jifformaw il-​qalba tal-​bomba. Xi ngħidu, iżda, li kieku x-​xjenzati setgħu jagħmlu l-​oppost taʼ dak li wettqu f’Bikini? Nassumu li setgħu jaqbdu dik l-​enerġija taqbad kollha u jbiddluha fi ftit libbri taʼ uranju u idroġenu. Xi bravura tkun dik! Madankollu, Jehovah għamel xi ħaġa simili għal dan imma fuq skala bil-​wisq akbar meta “fil-​bidu [hu] ħalaq is-​smewwiet u l-​art.”−Ġenesi 1:1.

4 Jehovah għandu riżervi kbar taʼ enerġija dinamika. (Isaija 40:26) Fil-​ħolqien, hu ċertament li utilizza xi ftit minn din l-​enerġija meta fforma l-​materjal kollu li minnu jikkonsisti l-​univers. X’uża f’din l-​attività kreattiva? Spirtu qaddis. Naqraw: “Bil-​kelma taʼ Jehovah is-​smewwiet infushom kienu magħmulin, u bl-​ispirtu taʼ fommu l-​armata kollha tagħhom.” (Salm 33:6) U r-​rakkont taʼ Ġenesi dwar il-​ħolqien jaqra: “[I]l-forza attiva [l-ispirtu qaddis] t’Alla kienet qiegħda titħarrek lil hawn u lil hinn fuq wiċċ l-​ilmijiet.” (Ġenesi 1:2) X’forza setgħana hu l-​ispirtu qaddis!

Xogħlijiet Mirakolużi

5. B’liema modi sublimi jopera l-​ispirtu qaddis?

5 Spirtu qaddis għadu jopera f’modi wisq sublimi. Huwa jiggwida u jidderieġi lill-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah. (Eżekjel 1:20, 21) Bħall-​enerġija mitfugħa mill-​bomba idroġena, jistaʼ jintuża b’mod distruttiv biex jesegwixxi ġudizzju fuq il-​għedewwa taʼ Jehovah, imma hu opera wkoll f’modi oħrajn li jġagħluna nistgħaġbu.—Isaija 11:15; 30:27, 28; 40:7, 8; 2 Tessalonkin 2:8.

6. L-​ispirtu qaddis kif wieżen lil Mosè u lil ulied Iżrael fil-​kuntatti tagħhom mal-​Eġittu?

6 Per eżempju, madwar is-​sena 1513 Q.E.K., Jehovah bagħat lil Mosè biex jidher quddiem Farawni tal-​Eġittu biex jesiġi l-​ħelsien għal ulied Iżrael. Matul l-​40 sena taʼ qabel, Mosè kien jaħdem bħala ragħaj f’Midjan, għalhekk għala kellu Farawni jobdi minn ragħaj? Għaliex Mosè mar f’isem l-​uniku veru Alla, Jehovah. Biex jagħti prova taʼ dan, Jehovah tah is-​setgħa li jwettaq il-​mirakli. Dawn tant kienu impressjonanti li saħansitra l-​qassisin Eġizzjani ġew imġegħlin jammettu: “Huwa s-​sabaʼ t’Alla!”a (Eżodu 8:19) Jehovah ġab għaxar kastigi fuq l-​Eġittu, u l-​aħħar wieħed minnhom ġagħal lil Farawni jħalli lill-​poplu t’Alla jitlaq mill-​Eġittu. Meta Farawni b’ras iebsa ġera warajhom bl-​armata tiegħu, l-​Iżraeliti ħarbu x’ħin triq infetħet b’mod mirakoluż minn ġol-​Baħar l-​Aħmar. L-​armata Eġizzjana segwiethom u għerqet fil-​baħar.—Isaija 63:11-14; Ħaggaj 2:4, 5.

7. (a) X’kienu xi raġunijiet għala l-​ispirtu qaddis għamel il-​mirakli? (b) Għalkemm il-​mirakli mwettqin mill-​ispirtu qaddis m’għadhomx iseħħu, għala huwa taʼ faraġ ir-​rakkont tagħhom fil-​Bibbja?

7 Iva, Jehovah permezz tal-​ispirtu tiegħu għamel mirakli setgħana għan-​nom tal-​Iżraeliti fi żmien Mosè, u fi żminijiet oħrajn ukoll. X’kien l-​iskop taʼ dawk il-​mirakli? Huma avvanzaw il-​għanijiet taʼ Jehovah, ikkaġunaw li ismu jsir magħruf, u wrew il-​qawwa tiegħu. U xi drabi, bħal fil-​każ taʼ Mosè, huma wrew b’mod konklussiv li xi individwu kellu l-​appoġġ taʼ Jehovah.b (Eżodu 4:1-9; 9:14-16) Madankollu, il-​mirakli mwettqin bl-​ispirtu qaddis kienu rari matul l-​istorja.# Wisq probabbli, il-​biċċa l-​kbira tal-​individwi li kienu jgħixu fi żminijiet Bibliċi qatt ma raw wieħed b’għajnejhom, u llum m’għadhomx iseħħu. Madankollu, hekk kif aħna llum nissaraw maʼ problemi li jistgħu jidhru bla tarf, m’huwiex taʼ faraġ li tkun taf li jekk nistaqsu lil Jehovah bil-​fidi, hu se jagħtina l-​istess spirtu li wieżen lil Mosè quddiem Farawni u li fetaħ triq biex l-​Iżraeliti jgħaddu mill-​Baħar l-​Aħmar?—Mattew 17:20.

Kitbiet Imnebbħin

8. X’kien l-​irwol tal-​ispirtu qaddis fil-​għoti tal-​Għaxar Kmandamenti?

8 Wara l-​ħelsien tagħhom mill-​Eġittu, Mosè ggwida lill-​Iżraeliti lejn il-​Muntanja Sinaj, fejn Jehovah ikkonkluda patt magħhom u tahom il-​Liġi tiegħu. Parti ċentrali taʼ dik il-​Liġi mogħtija permezz taʼ Mosè kienet il-​Għaxar Kmandamenti, u l-​kopji oriġinali taʼ dawn kienu minquxin fuq twavel tal-​ġebel. Kif? Bl-​ispirtu qaddis. Il-​Bibbja tgħid: “Issa malli [Jehovah] kien temm jitkellem miegħu fuq il-​Muntanja Sinaj hu ssokta jagħti lil Mosè żewġ twavel tat-​Testimonjanza, twavel tal-​ġebel minquxin bis-​sabaʼ t’Alla.”−Eżodu 31:18; 34:1.

9, 10. Kif kien attiv l-​ispirtu qaddis fil-​kitba tal-​Iskrittura Ebrajka, u dan kif inhu evidenti mill-​espressjonijiet użati mid-​dixxipli taʼ Ġesù?

9 Minbarra l-​Għaxar Kmandamenti, Jehovah permezz tal-​ispirtu tiegħu ta lil Iżrael mijiet taʼ liġijiet u regolamenti biex jiggwidaw il-​ħajjiet taʼ rġiel u nisa leali. U iktar kellu jiġri. Sekli wara żmien Mosè, xi Leviti taw xiehda f’talba pubblika lil Jehovah: “Int kont tolleranti ma[l-Iżraeliti] għal bosta snin u bqajt tagħti xiehda kontra tagħhom bl-​ispirtu tiegħek permezz tal-​profeti tiegħek.” (Neħemija 9:5, 30) Ħafna profeziji mnebbħin imlissnin minn dawk il-​profeti ġew miktubin. Jerġaʼ, spirtu qaddis qanqal irġiel leali biex jiktbu stejjer sagri u għanjiet taʼ tifħir mill-​qalb.

10 Pawlu kien qed jitkellem dwar dawn il-​kitbiet kollha meta qal: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” (2 Timotew 3:16; 2 Samwel 23:2; 2 Pietru 1:20, 21) Tabilħaqq, meta kienu jikkwotaw dawn l-​iskritturi, id-​dixxipli taʼ Ġesù tal-​ewwel seklu taʼ spiss użaw espressjonijiet bħalma huma “spirtu qaddis tkellem . . . b’fomm David,” ‘spirtu qaddis tkellem b’mod xieraq permezz taʼ Isaija,’ jew sempliċement “l-​ispirtu qaddis igħid.” (Atti 1:16; 4:25; 28:25, 26; Ebrej 3:7) X’barka hi li l-​istess spirtu qaddis li influwenza l-​kitba tal-​Iskrittura Mqaddsa setaʼ jippreservaha sabiex tkun tistaʼ tiggwidana u tfarraġna llum!—1 Pietru 1:25.

Serħan fuq Spirtu Qaddis

11. Liema attività tal-​ispirtu kienet tidher rigward il-​bini tat-​tabernaklu?

11 Waqt li l-​Iżraeliti kienu kkampjati maʼ ġenb il-​Muntanja Sinaj, Jehovah ikkmandahom li jibnu tabernaklu bħala ċentru għall-​qima vera. Kif setgħu jwettqu dan? “Imbagħad Mosè qal lil ulied Iżrael: ‘Ara, Jehovah sejjaħ b’ismu lil Beżalel bin Uri bin Ħur tat-​tribù taʼ Ġuda. U hu ssokta jimlieh bl-​ispirtu t’Alla fil-​għerf, fil-​fehma u fil-​għarfien u f’kull xorta taʼ sengħa.’” (Eżodu 35:30, 31) L-​ispirtu qaddis saħħaħ kwalunkwe abbiltà naturali li kien jippossjedi Beżalel, u dan setaʼ b’suċċess jindokra t-​twaqqif taʼ dik l-​istruttura rimarkabbli.

12. L-​ispirtu kif saħħaħ individwi b’modi mhux tas-​soltu wara żmien Mosè?

12 Wara xi żmien, l-​ispirtu taʼ Jehovah beda jopera fuq Sansun, billi tah saħħa superumana biex tgħinu jeħles lil Iżrael mill-​Filistej. (Imħallfin 14:5-7, 9; 15:14-16; 16:28-30) Jerġaʼ iktar tard, Salamun ingħata għerf speċjali bħala sultan tal-​poplu magħżul t’Alla. (2 Kronaki 1:12, 13) Taħtu, Iżrael kellu prosperità daqs qatt qabel, u l-​qagħda hienja tiegħu saret mudell għall-​barkiet li l-​poplu t’Alla se jgawdi taħt ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu Ġesù, Salamun il-​Kbir.—1 Slaten 4:20, 25, 29-34; Isaija 2:3, 4; 11:1, 2; Mattew 12:42.

13. Il-​kitba dwar kif l-​ispirtu saħħaħ lil Beżalel, lil Sansun, u lil Salamun kif tinkuraġġina llum?

13 X’barka hi li Jehovah jagħmel dak l-​istess spirtu disponibbli għalina! Meta nħossuna mhux kapaċi biex inwettqu xi inkarigu jew biex nieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippridkar, nistgħu nitolbu lil Jehovah biex jagħtina l-​istess spirtu li hu ta lil Beżalel. Meta nġarrbu mard jew nissaportu persekuzzjoni, l-​istess spirtu li ta lil Sansun saħħa straordinarja se jqawwina—għalkemm mhux, m’għandniex xi ngħidu, b’mod mirakoluż. U meta niffaċċjaw problemi diffiċli jew irridu nieħdu deċiżjonijiet importanti, nistgħu nitolbu lil Jehovah, li ta lil Salamun għerf straordinarju, biex igħinna naġixxu bil-​għaqal. Imbagħad, bħal Pawlu, se ngħidu: “Għall-​affarijiet kollha għandi s-​saħħa bis-​saħħa taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Filippin 4:13) U l-​wegħda taʼ Ġakbu se tapplika għalina: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, ħa jibqaʼ jistaqsi ’l Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż lil kulħadd u mingħajr ma jċanfar; u sejjer jingħatalu.”−Ġakbu 1:5.

14. Min, fil-​qedem u llum, ġie mwieżen bl-​ispirtu qaddis?

14 L-​ispirtu taʼ Jehovah kien ukoll fuq Mosè fix-​xogħol tiegħu bħala mħallef fuq il-​ġens. Meta oħrajn ġew maħturin biex igħinu lil Mosè, Jehovah qal: “Se jkolli nieħu ftit mill-​ispirtu li qiegħed fuqek u npoġġih fuqhom, u huma se jkollhom igħinuk f’li ġġorr it-​tagħbija tal-​poplu biex tistaʼ ma ġġorrhiex, int waħdek biss.” (Numri 11:17) B’hekk, dawk l-​irġiel ma kellhomx jaġixxu fis-​saħħa tagħhom stess. Spirtu qaddis wiżinhom. Naqraw li f’okkażjonijiet iktar tard l-​ispirtu taʼ Jehovah kien fuq individwi oħrajn. (Imħallfin 3:10, 11; 11:29) Meta Samwel dilek lil David bħala sultan futur taʼ Iżrael, il-​kitba tgħid: “Samwel ħa l-​qarn taż-​żejt u dilku f’nofs ħutu subien. U l-​ispirtu taʼ Jehovah beda jopera fuq David minn dak il-​jum ’il quddiem.” (1 Samwel 16:13) Dawk illum b’responsabbiltajiet tqal—tal-​familja, tal-​kongregazzjoni, jew tal-​organizzazzjoni—jistgħu jiġu mfarrġin billi jkunu jafu li l-​ispirtu t’Alla għadu jwieżen lill-​qaddejja tiegħu hekk kif huma jieħdu ħsieb tal-​obbligi tagħhom.

15. L-​ispirtu qaddis b’liema mod saħħaħ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah (a) fi żmien Ħaggaj u Żakkarija? u (b) illum?

15 Xi elf sena wara żmien Mosè, uħud leali minn fost ulied Iżrael irritornaw lejn Ġerusalemm mill-​Babilonja bil-​ħatra li jibnu mill-​ġdid it-​tempju. (Eżra 1:1-4; Ġeremija 25:12; 29:14) Madankollu, qamu ostakoli diffiċli, u ġew skuraġġiti għal ħafna snin. Fl-​aħħar, Jehovah qajjem lill-​profeti Ħaggaj u Żakkarija biex jinkuraġġixxu lil-​Lhud ħalli ma jistriħux fuq is-​saħħa tagħhom stess. Imma kif kien se jitwettaq ix-​xogħol? “‘Mhux b’forza militari, lanqas bil-​qawwa, imma bl-​ispirtu tiegħi,’ Jehovah tal-​armati qal.” (Żakkarija 4:6) U bl-​appoġġ tal-​ispirtu t’Alla, it-​tempju nbena. In-​nies t’Alla llum b’mod simili wettqu ħafna xogħol. L-​ippridkar tal-​aħbar tajba espanda mal-​art kollha. Miljuni taʼ individwi qegħdin jiġu edukati fil-​verità u fit-​tjieba. Jiġu organizzati konvenzjonijiet. Jinbnew Swali tas-​Saltna u uffiċċji tal-​fergħat. Ħafna minn dan ix-​xogħol sar minkejja oppożizzjoni ħarxa. Imma x-​Xhieda taʼ Jehovah ma ġewx skuraġġiti, billi jafu li kull ħaġa li wettqu seħħet, mhux b’forza militari, lanqas bil-​qawwa umana, imma bl-​ispirtu t’Alla.

L-​Ispirtu t’Alla fl-​Ewwel Seklu

16. X’esperjenza kellhom il-​qaddejja taʼ Jehovah taʼ qabel il-​Kristjanità mal-​attività tal-​ispirtu t’Alla?

16 Kif rajna, qaddejja t’Alla taʼ qabel il-​Kristjanità kienu konxji għall-​aħħar dwar il-​qawwa tal-​ispirtu t’Alla. Huma straħu fuqu biex igħinhom iwettqu obbligi tqal u biex iwettqu r-​rieda t’Alla. Kienu jafu li l-​Liġi u l-​kitbiet sagri l-​oħrajn kienu mnebbħin, miktubin taħt l-​influwenza tal-​ispirtu taʼ Jehovah, u b’hekk kienu ‘l-​Kelma t’Alla.’ (Salm 119:105) Xi ngħidu, iżda, dwar l-​era Kristjana?

17, 18. X’kienu xi ftit manifestazzjonijiet tal-​ispirtu fl-​era Kristjana, u liema għan qdew?

17 L-​ewwel seklu tal-​Era Komuni tagħna wkoll ra attivitajiet tal-​għaġeb tal-​ispirtu t’Alla. Kien hemm profetizzar imnebbaħ mill-​ispirtu. (1 Korintin 14:1, 3) Bi twettieq tal-​wegħda taʼ Ġesù li l-​ispirtu qaddis kien se jfakkar lid-​dixxipli tiegħu l-​affarijiet kollha li kien qalilhom u kien se jgħallimhom aspetti oħrajn tal-​verità, għadd taʼ kotba ġew miktubin taħt l-​influwenza tal-​ispirtu qaddis. (Ġwann 14:26; 15:26, 27; 16:12, 13) U kien hemm mirakli, kif se jiġi diskuss iktar fid-​dettall fl-​artiklu li jmiss. Tabilħaqq, l-​ewwel seklu ġie introdott b’miraklu tal-​għaġeb. Madwar is-​sena 2 Q.E.K., tarbija tifel speċjali kellu jitwieled, u bħala sinjal, l-​omm żagħżugħa tiegħu kellha tkun verġni. Dak kif setaʼ jiġri? Permezz taʼ spirtu qaddis. Il-​kitba tgħid: “[I]t-twelid taʼ Ġesù Kristu kien b’dan il-​mod. Matul iż-​żmien li ommu Marija kienet imwiegħda fiż-​żwieġ lil Ġużeppi, instabet tqila mill-​ispirtu qaddis qabel ingħaqdu.”−Mattew 1:18; Luqa 1:35, 36.

18 Meta Ġesù kiber, hu keċċa d-​demonji, fejjaq il-​morda, saħansitra qajjem il-​mejtin bil-​qawwa tal-​ispirtu qaddis. Xi ftit mis-​segwaċi tiegħu wkoll għamlu mirakli u xogħlijiet setgħana. Dawn l-​abbiltajiet speċjali kienu għotjiet tal-​ispirtu. X’kien il-​għan tagħhom? L-​istess bħalma mirakli taʼ qabel kienu wettqu, huma avvanzaw il-​għanijiet t’Alla u kixfu l-​qawwa tiegħu. Barra minn dan, urew il-​ġenwinità tal-​istqarrija taʼ Ġesù li hu kien mibgħut minn Alla; u iktar tard, taw prova li l-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu kienet il-​ġens magħżul t’Alla.—Mattew 11:2-6; Ġwann 16:8; Atti 2:22; 1 Korintin 12:4-11; Ebrej 2:4; 1 Pietru 2:9.

19. Il-​fidi tagħna kif inhi msaħħa bir-​rakkont tal-​Bibbja dwar il-​mirakli taʼ Ġesù u tal-​appostli?

19 L-​appostlu Pawlu, madankollu, qal li dawn il-​manifestazzjonijiet mirakolużi tal-​ispirtu kienu jappartjenu lill-​infanzja tal-​kongregazzjoni u li kellhom jispiċċaw, għalhekk aħna llum ma narawx mirakli bħal dawn jitwettqu bl-​ispirtu qaddis. (1 Korintin 13:8-11) Xorta waħda, il-​mirakli li wettqu Ġesù u l-​appostli tiegħu għandhom iktar minn interess storiku. Huma jsaħħu l-​fidi tagħna fil-​wegħda t’Alla li l-​mard u l-​mewt mhux se jkollhom post taħt it-​tmexxija taʼ Ġesù fid-​dinja l-​ġdida.—Isaija 25:6-8; 33:24; 65:20-24.

Ibbenefika mill-​Ispirtu Qaddis t’Alla

20, 21. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​provvediment tal-​ispirtu qaddis?

20 X’forza qawwija hu dan l-​ispirtu! Imma kif jistgħu l-​Kristjani llum jibbenefikaw minnu? L-​ewwel, Ġesù qal li għandna nitolbu għalih; mela għala ma tagħmilx preċiż hekk? Itlob lil Jehovah biex jagħtik dan ir-​rigal tal-​għaġeb mhux biss fi żminijiet taʼ stress imma f’kull okkażjoni. Barra minn hekk, aqra l-​Bibbja sabiex spirtu qaddis jistaʼ jitkellem miegħek. (Qabbel Ebrej 3:7.) Immedita fuq dak li taqra u applikah sabiex spirtu qaddis jistaʼ jinfluwenzalek ħajtek. (Salm 1:1-3) Jerġaʼ, assoċja—individwalment, fil-​kongregazzjonijiet, u f’assembleat—maʼ oħrajn li jistrieħu fuq l-​ispirtu t’Alla. Kemm isaħħaħ b’mod għani l-​ispirtu qaddis lil dawk li jbierku lil Alla tagħhom “fil-​qtajja kkongregati”!—Salm 68:26.

21 M’huwiex Jehovah Alla ġeneruż? Hu jgħid li għandna biss nitolbuh għall-​ispirtu qaddis u hu jagħtihulna. Xi bluha li nistrieħu fuq il-​għerf u s-​saħħa tagħna stess meta għajnuna setgħana bħal din tinsab għad-​dispożizzjoni tagħna! Hemm, madankollu, affarijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-​ispirtu t’Alla li jeffettwawna bħala Kristjani, u dawn se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a L-espressjoni “sabaʼ t’Alla” normalment tirreferi għall-​ispirtu qaddis t’Alla.—Qabbel Luqa 11:20 u Mattew 12:28.

b Il-maġġoranza tal-​mirakli miktubin fil-​Bibbja seħħew matul iż-​żmien taʼ Mosè u Ġożwè, Elija u Eliżew, u Ġesù u l-​appostli tiegħu.

Tistaʼ Twieġeb il-​Mistoqsijiet li Ġejjin?

◻ Jehovah kif ħalaq il-​materjal kollu fl-​univers?

◻ Liema kienu xi modi kif l-​ispirtu qaddis opera fi żminijiet taʼ qabel il-​Kristjanità?

◻ Kif inhu taʼ faraġ għalina li nkunu nafu x’wettaq l-​ispirtu qaddis fiż-​żminijiet tal-​qedem?

◻ Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​provvediment tal-​ispirtu qaddis?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja