LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be p. 66-p. 70 para. 3
  • Kun Af Kif Għandek Twieġeb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Af Kif Għandek Twieġeb
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Agħraf X’Inhi l-​Ħarsa taʼ Dak li Jistaqsi
  • Il-​Ħarsa taʼ Min Jistaqsi Lejn l-​Iskrittura
  • “Dejjem Kollu Ħlewwa”
  • Deċiżjonijiet Persunali u Kwistjonijiet taʼ Kuxjenza
  • Il-​Kummenti fil-​Laqgħat tal-​Kongregazzjoni
  • Kif tagħmel kummenti tajbin
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
  • Int Kif Se Twieġeb?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2009
  • Ninkuraġġixxu lil Xulxin fil-Laqgħat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Faħħar lil Ġeħova fil-kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be p. 66-p. 70 para. 3

Kun Af Kif Għandek Twieġeb

XI MISTOQSIJIET tistaʼ tqabbilhom maʼ ajsberg, jew blokka silġ fil-​baħar. L-​akbar parti tagħha tinsab moħbija taħt il-​wiċċ. Il-​kwistjoni li tkun moħbija wara l-​mistoqsija spiss tkun iktar importanti mill-​mistoqsija nfisha.

Anki meta l-​wieħed li jistaqsi jkun ħerqan għat-​tweġiba, li tkun taf kif għandek twieġeb jistaʼ jinvolvi li tagħraf kemm għandek tgħid u minn liema angolu se titkellem dwar is-​suġġett. (Ġw. 16:12) Xi drabi, bħalma indika Ġesù lill-​appostli tiegħu, individwu forsi jistaqsi għal informazzjoni li m’għandux dritt ikun jafha jew li fir-​realtà ma tkunx taʼ benefiċċju għalih.—Atti 1:6, 7.

L-​Iskrittura tagħtina l-​parir: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kol. 4:6) Għalhekk, qabel inwieġbu, għandna bżonn nikkunsidraw kemm dak li se ngħidu kif ukoll kif se ngħiduh.

Agħraf X’Inhi l-​Ħarsa taʼ Dak li Jistaqsi

Is-​Sadduċej ipprovaw jonsbu lil Ġesù b’mistoqsija dwar l-​irxoxt taʼ mara li kienet iżżewġet diversi drabi. Madankollu, Ġesù kien jaf li huma fil-​fatt ma kinux jemmnu fl-​irxoxt. Allura fit-​tweġiba tiegħu, hu wieġeb il-​mistoqsija tagħhom b’tali mod li ttratta l-​ħarsa żbaljata li kienet ir-​raġuni vera għal dik il-​mistoqsija. Ġesù rraġuna bis-​sengħa u uża rakkont Skritturali familjari biex jipponta lejn xi ħaġa li qatt ma kienu kkunsidrawha qabel—evidenza ċara li Alla tassew se jirxoxta lill-​mejtin. It-​tweġiba tiegħu tant għaġġbet lill-​opponenti tiegħu li beżgħu jkomplu jistaqsuh.—Lq. 20:27-​40.

Int ukoll trid tifhem x’inhi l-​ħarsa taʼ dawk li jistaqsuk u x’jinkwetahom jekk trid tkun taf kif għandek twiġibhom. Pereżempju, sieħbek tal-​klassi jew tax-​xogħol jistaʼ jistaqsik għala ma tiċċelebrax il-​Milied. Għala qed jistaqsik? Hu tassew jimpurtah mir-​raġuni, jew sempliċement qed jaħseb dwar jekk tistax tiddeverti? Biex tiskopri, tistaʼ tistaqsi għala staqsa dik il-​mistoqsija. Imbagħad wieġbu skont dak li jgħidlek. Tistaʼ wkoll tuża l-​opportunità biex turi li meta nsegwu d-​direzzjoni Biblika nkunu protetti mill-​aspetti tal-​festa li saru taʼ piż u frustrazzjoni għan-​nies.

Ejja ngħidu li ġejt mistieden titkellem dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova quddiem grupp taʼ studenti. Wara l-​preżentazzjoni tiegħek, għandhom mnejn jistaqsuk xi mistoqsijiet. Jekk il-​mistoqsijiet jidhru sinċieri u diretti, tweġibiet li huma sempliċi u diretti jistgħu jkunu l-​aħjar. Jekk il-​mistoqsijiet jirriflettu l-​preġudizzji tan-​nies, tistaʼ tagħmel iktar ġid jekk qabel twieġeb tikkummenta fil-​qosor dwar għala n-​nies jistaʼ jkollhom ċerta ħarsa popolari fuq kwistjonijiet bħal dawn u għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħżlu li jħallu l-​Bibbja tiggwidahom. Spiss, ikun taʼ benefiċċju li tħares lejn dawn il-​mistoqsijiet bħala suġġetti li jinkwetaw lill-​udjenza, mhux bħala li huma xi sfida—avolja jistgħu jinstemgħu hekk. Imbagħad, it-​tweġiba tiegħek tagħtik iċ-​ċans tgħin lill-​udjenza tħares minn lat ieħor, tipprovdilhom informazzjoni eżatta, u tispjega l-​bażi Skritturali għat-​twemmin tagħna.

Kif se twieġeb lill-​imgħallem tax-​xogħol li ma jridx jagħtik leave biex tattendi konvenzjoni? L-​ewwel, ikkunsidra l-​affarijiet mill-​ħarsa tiegħu. Taħseb li ssolvi l-​kwistjoni jekk toffri li taħdem overtime darb’oħra? Jekk tispjegalu li l-​istruzzjoni li tingħata fil-​konvenzjonijiet tagħna tgħinna nkunu ħaddiema onesti u taʼ min jafdana, taħseb li jibdel fehmtu? Jekk turih li qed tagħti kas l-​interessi tiegħu, forsi hu se juri konsiderazzjoni favorevoli lejn dak li qed jara li hu importanti f’ħajtek. Imma xi ngħidu jekk ikun iridek tagħmel xi ħaġa diżonesta? Tistaʼ turih il-​waqfa tiegħek billi tiċħad b’mod ċar u turih ħsieb Skritturali. Imma jistaʼ jkun iktar taʼ ġid jekk l-​ewwel tirraġuna miegħu li min ikun lest li jigdeb jew jisraq għalih jistaʼ wkoll ikun lest li jigdeb lilu u jisraq mingħandu.

Min-​naħa l-​oħra, forsi int student li ma tridx tieħu sehem f’ċerti attivitajiet mhux Skritturali fl-​iskola. Ftakar li probabbli l-​għalliem m’għandux l-​istess ħarsa tiegħek, u hija r-​responsabbiltà tiegħu li jżomm id-​dixxiplina fil-​klassi. L-​isfidi li tiffaċċja huma (1) li turi konsiderazzjoni lejn dak li jinkwetah, (2) li tispjegalu l-​waqfa tiegħek bir-​rispett, u (3) li tkun sod għal dak li taf li se jogħġob lil Ġeħova. Għall-​aqwa riżultat, jistaʼ jkun hemm bżonn iktar minn stqarrija sempliċi u diretta dwar dak li temmen. (Prov. 15:28) Jekk għadek żgħir, żgur li missierek jew ommok se tgħinek tipprepara xi ħaġa x’tgħid.

Kultant, jistaʼ jkun meħtieġ minnek li turi li xi akkużi li jinġiebu kontrik minn xi ħadd fl-​awtorità mhumiex veri. Uffiċjal tal-​pulizija, uffiċjal tal-​gvern, jew imħallef jistaʼ jeħtieġ minnek li twiġiblu mistoqsijiet dwar l-​ubbidjenza għal ċerta liġi, il-​waqfa newtrali tiegħek bħala Kristjan, jew l-​attitudni tiegħek lejn li tieħu sehem f’ċerimonji patrijottiċi. Kif għandek twieġeb? Il-​Bibbja tagħti l-​parir: “Bil-​ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pt. 3:15) Ukoll staqsi lilek innifsek għala dawn il-​kwistjonijiet jinkwetawh, u b’rispett irrikonoxxi dan. Imbagħad? L-​appostlu Pawlu rrefera għall-​garanziji tal-​liġi Rumana, allura int forsi tkun tistaʼ ssemmi xi garanziji legali li japplikaw fil-​każ tiegħek. (Atti 22:25-​29) Forsi fatti dwar il-​waqfa li ħadu xi Kristjani tal-​bidu u Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jistgħu jgħinu lill-​uffiċjal iħares minn lat ieħor. Jew tistaʼ ssemmi li min jirrikonoxxi l-​awtorità taʼ Alla fil-​fatt jiġi mqanqal biex ikun ubbidjenti b’mod iktar konsistenti lejn liġijiet xierqa li jagħmlu l-​bnedmin. (Rum. 13:1-​14) Meta tkun tajt informazzjoni bħal din, stqarrija dwar raġunijiet Skritturali għall-​waqfa tiegħek tistaʼ tiġi milqugħa b’mod favorevoli.

Il-​Ħarsa taʼ Min Jistaqsi Lejn l-​Iskrittura

Meta tiddeċiedi kif għandek twieġeb, jistaʼ jkollok bżonn ukoll tikkunsidra l-​ħarsa tal-​wieħed li jistaqsi lejn l-​Iskrittura Mqaddsa. Ġesù hekk għamel meta wieġeb il-​mistoqsija tas-​Sadduċej dwar l-​irxoxt. Peress li kien jaf li kienu jaċċettaw biss il-​kitbiet taʼ Mosè, Ġesù rraġuna fuq rakkont fil-​Pentatewku, billi l-​ewwel qal: “Imma li l-​mejtin jiġu mqajmin anki Mosè rrivelah.” (Lq. 20:37) Int tistaʼ ssibha taʼ vantaġġ ukoll li tikkwota mill-​porzjonijiet tal-​Bibbja li s-​semmiegħ tiegħek jaċċetta u li hu midħla tagħhom.

Xi ngħidu jekk is-​semmiegħ tiegħek ma jħarisx lejn il-​Bibbja bħala li għandha l-​awtorità? Innota x’għamel l-​appostlu Pawlu fit-​taħdita tiegħu fl-​Arjopagu, bħalma hu mniżżel f’Atti 17:22-​31. Hu qasam veritajiet Skritturali mingħajr ma kkwota direttament mill-​Bibbja. Meta jkun meħtieġ, int tistaʼ tagħmel l-​istess. F’xi postijiet jistaʼ jkun meħtieġ li jkollok diversi diskussjonijiet maʼ individwu qabel ma tirreferi direttament għall-​Bibbja. Meta tintroduċi l-​Bibbja, jistaʼ jkun għaqli jekk l-​ewwel sempliċement toffri xi raġunijiet għala jistħoqqilha tiġi kunsidrata minflok ma tgħid b’mod sod li hi l-​Kelma taʼ Alla. Madankollu, il-​mira tiegħek għandha tkun li tagħti xhieda ċara dwar l-​iskop taʼ Alla u li, maż-​żmien, tħalli lis-​semmiegħ tiegħek jara għalih innifsu x’tgħid il-​Bibbja. Il-​Bibbja hi ħafna iktar persważiva minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu ngħidu aħna personalment.—Ebr. 4:12.

“Dejjem Kollu Ħlewwa”

Kemm hu xieraq li l-​qaddejja taʼ Ġeħova, li hu nnifsu hu mimli ħlewwa, jintqalilhom li għandhom iħallu kliemhom ikun “dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ”! (Kol. 4:6; Eżo. 34:6) Dan ifisser li għandna nitkellmu b’qalb tajba, anki meta jidher li mhux mistħoqq. Kliemna għandu jkun pjaċevoli, mhux aħrax jew bla tattika.

Ħafna nies jinsabu taħt pressjoni kbira, u kuljum iħabbtu wiċċhom maʼ abbuż verbali. Meta mmorru għand nies bħal dawn, huma għandhom mnejn jitkellmu bl-​aħrax. Kif għandna nwieġbu? Il-​Bibbja tgħid: “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-​korla.” Ukoll tistaʼ trattab lill-​wieħed li għandu ħarsa opposta. (Prov. 15:1; 25:15) Għal nies li jiffaċċjaw kliem aħrax kuljum, manjieri u leħen li juru qalb tajba jistgħu tant jiġbduhom li għandhom mnejn jisimgħu l-​aħbar tajba li niħdulhom.

Aħna m’għandna l-​ebda interess f’li nargumentaw maʼ dawk li ma juru ebda rispett għall-​verità. Minflok, ix-​xewqa tagħna hi li nirraġunaw mill-​Iskrittura maʼ nies li jippermettulna nagħmlu dan. Tkun xi tkun is-​sitwazzjoni li niffaċċjaw, aħna nżommu f’moħħna li għandna nwieġbu b’qalb tajba u b’konvinzjoni li l-​wegħdi prezzjużi taʼ Alla huma taʼ min joqgħod fuqhom.—1 Tess. 1:5.

Deċiżjonijiet Persunali u Kwistjonijiet taʼ Kuxjenza

Meta student tal-​Bibbja jew sieħeb fit-​twemmin jistaqsi x’għandu jagħmel f’ċerta sitwazzjoni, kif għandek twieġeb? Forsi taf kieku x’tagħmel int personalment. Imma kull individwu jrid iġorr ir-​responsabbiltà għad-​deċiżjonijiet li jieħu hu stess f’ħajtu. (Gal. 6:5) L-​appostlu Pawlu spjega li hu inkuraġġixxa “l-​ubbidjenza bil-​fidi” fost dawk li kien jippritkalhom. (Rum. 16:26) Dan hu eżempju mill-​aqwa għalina biex insegwuh. Wieħed li jieħu d-​deċiżjonijiet l-​iktar biex jogħġob lill-​għalliem tal-​Bibbja jew lil bniedem ieħor qed jaqdi lill-​bnedmin u mhux jgħix bil-​fidi. (Gal. 1:10) Allura tweġiba sempliċi u diretta tistaʼ ma tkunx tal-​aqwa benefiċċju għall-​wieħed li jagħmel il-​mistoqsija.

Imma allura kif tistaʼ twieġeb b’tali mod li jkun konsistenti mal-​gwida tal-​Bibbja? Tistaʼ tiġbed l-​attenzjoni lejn prinċipji u eżempji Bibliċi adattati li huma inklużi fir-​rakkonti tal-​Bibbja. Xi drabi, tistaʼ turih kif jagħmel riċerka ħalli jsib dawn il-​prinċipji u l-​eżempji hu stess. Tistaʼ wkoll tiddiskuti l-​prinċipji u l-​valuri tal-​eżempji imma mingħajr ma tapplikahom għas-​sitwazzjoni li nqalgħet. Staqsi lill-​individwu jekk jarax xi ħaġa fihom li tistaʼ tgħinu jieħu deċiżjoni għaqlija. Wara li jqis dawn il-​prinċipji u l-​eżempji, inkuraġġih jikkunsidra liema għażla kieku togħġob lil Ġeħova. B’hekk tkun qed tgħinu biex ‘bl-​użu jkollu s-​sensi tiegħu mħarrġin biex jagħraf jagħżel kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.’—Ebr. 5:14.

Il-​Kummenti fil-​Laqgħat tal-​Kongregazzjoni

Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni Kristjana spiss jipprovdulna opportunitajiet biex nagħmlu stqarrijiet pubbliċi tal-​fidi tagħna. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nikkummentaw biex inwieġbu għal mistoqsijiet. Kif għandna nikkummentaw? B’xewqa li nbierku lil Ġeħova, jew nitkellmu tajjeb dwaru. Hekk għamel is-​salmista David meta kien “fost il-​qtajjaʼ miġburin.” (Salm 26:12) Għandna nikkummentaw ukoll b’tali mod li jinkuraġġixxi lil sħabna fit-​twemmin u li jqanqalhom “għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin” bħalma ħeġġeġ l-​appostlu Pawlu. (Ebr. 10:23-​25) Jekk nistudjaw il-​materjal minn qabel nistgħu niġu megħjunin inwettqu dan.

Meta tintalab tikkummenta, żomm dak li tgħid sempliċi, ċar, u fil-​qosor. Tkoprix il-​paragrafu kollu; tkellem dwar punt wieħed biss. Jekk tagħti biss parti mit-​tweġiba, dan se jagħti ċ-​ċans lil oħrajn biex jagħtu iktar kummenti. Huwa speċjalment taʼ benefiċċju li tenfasizza l-​iskritturi ċitati fil-​materjal. Meta tagħmel dan stinka biex tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​parti li tapplika għall-​punt li qed jiġi kunsidrat. Tgħallem ikkummenta fi kliemek minflok ma taqra direttament mill-​paragrafu. Toqgħodx tinkwieta jekk il-​kumment li tagħmel ma joħroġx bil-​mod kif xtaqtu. Dan ġieli jiġri lil kull min jikkummenta.

Huwa ovvju li hemm iktar involut f’li nkunu nafu kif inwieġbu milli sempliċement inkunu nafu t-​tweġiba nfisha. Jeħtieġ id-​dehen. Imma kemm hu sodisfaċenti meta tagħti tweġiba li tkun ġejja minn qalbek u li tkun tmiss qalb ħaddieħor!—Prov. 15:23.

QABEL TWIEĠEB, QIS

  • Għala saret il-​mistoqsija

  • X’pedament trid tagħmel ħalli t-​tweġiba tinftiehem sew

  • Kif tispjega l-​waqfa tiegħek b’tali mod li juri konsiderazzjoni lejn kwistjonijiet li jinkwetaw lill-​individwu l-​ieħor

  • Kif tesprimi ruħek b’qalb tajba u b’konvinzjoni

  • Jekk għandekx tagħti tweġiba diretta jew tipprovdi prinċipji u eżempji Bibliċi li se jgħinu lill-​individwu l-​ieħor jiddeċiedi għalih innifsu x’għandu jagħmel

KIF TIKKUMMENTA FIL-​LAQGĦAT

  • Jekk tkun l-​ewwel li tintalab twieġeb, wieġeb il-​mistoqsija b’mod sempliċi u dirett

  • Biex iżżid mad-​diskussjoni, (1) uri kif skrittura ċitata tapplika għall-​punt li qed jiġi kunsidrat, (2) semmi kif il-​kwistjoni teffettwalna ħajjitna, (3) spjega kif l-​informazzjoni tistaʼ tintuża, jew (4) irrakkonta esperjenza qasira li tenfasizza punt prinċipali

  • Ismaʼ b’attenzjoni l-​kummenti li jingħataw ħalli tkun tistaʼ tibni fuq dak li jkun intqal

  • Ipprova kkummenta fi kliemek

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja