Kapitlu 12
It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
1, 2. (a) Il-magħmudija taʼ l-ilma għala għandha tkun taʼ interess persunali għal kull wieħed u waħda minna? (b) Fil-qosor, kif twieġeb il-mistoqsijiet f’paragrafu 2?
FIS-sena 29 E.K., Ġesù ġie mgħaddas fix-Xmara Ġordan. Jehovah innifsu kien qiegħed josserva u esprima approvazzjoni. (Matt. 3:16, 17) Tliet snin u nofs wara, wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù ta struzzjonijiet lid-dixxipli tiegħu, billi qal: “Kull awtorità ngħatat lili fis-sema u fuq l-art. Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom.” (Matt. 28:18, 19) Ġejt mgħammed int f’armonija maʼ dak li Ġesù dderieġa hemmhekk? Jew qiegħed tipprepara biex tagħmel hekk?
2 Hu x’inhu l-każ, fehma ċara dwar il-magħmudija hija importanti. Mistoqsijiet li jistħoqqilhom konsiderazzjoni jinkludu dawn: Il-magħmudija tal-Kristjani llum għandha l-istess tifsira bħal dik taʼ Ġesù? Kulma tgħid il-Bibbja dwar il-magħmudija japplika għalik? X’inhu involut f’li wieħed jgħix f’armonija maʼ dak li tissinjifika l-magħmudija Kristjana taʼ l-ilma?
MAGĦMUDIJIET IMWETTQIN MINN ĠWANNI
3. Il-magħmudija taʼ Ġwanni kienet limitata għal min?
3 Madwar sitt xhur qabel ma Ġesù ġie mgħammed, Ġwanni l-Battista mar fix-xagħri tal-Ġudea, billi ppriedka: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet qorbot.” (Matt. 3:1, 2) Nies minn dak ir-reġjun kollu semgħu x’qal Ġwanni, stqarrew dnubiethom bla ħabi u ġew mgħammdin minnu fil-Ġordan. Dik il-magħmudija kienet għal-Lhud.—Atti 13:23, 24; Luqa 1:13-16.
4. (a) Il-Lhud għala kellhom bżonn urġenti li jindmu? (b) X’kien meħtieġ jekk kellhom jevitaw li jkunu ‘mgħammdin bin-nar’?
4 Dawk il-Lhud kellhom bżonn urġenti taʼ ndiema. Fis-sena 1513 Q.E.K. ħdejn il-Muntanja Sinaj missirijiethom kienu daħlu f’patt nazzjonali m’Alla Jehovah. Imma ma kinux attwaw ir-responsabbiltajiet tagħhom taħt dak il-patt u għalhekk ġew ikkundannati minnu bħala midinbin. Is-sitwazzjoni tagħhom kienet kritika. “Il-jum il-kbir u li jispira l-biżaʼ taʼ Jehovah” imbassar minn Malakija kien qrib, u fis-sena 70 E.K. ġie fuq Ġerusalemm bħala qerda b’ħeffa. Ġwanni l-Battista, b’żelu għall-qima vera bħalma kellu Elija, ġie mibgħut qabel dik il-qerda “biex ilesti għal Jehovah poplu mħejji.” Huma kellhom bżonn jindmu minn dnubiethom kontra l-patt tal-Liġi u jkunu ppreparati fil-qalb u fil-moħħ biex jaċċettaw l-Iben t’Alla, li lilu Jehovah kien qiegħed jibagħtilhom. (Mal. 4:4-6; Luqa 1:17; Atti 19:4) Bħalma spjega Ġwanni, l-Iben t’Alla kellu jgħammed bl-ispirtu qaddis (liema magħmudija ġiet esperjenzata għall-ewwel darba mid-dixxipli leali f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.) u bin-nar (li ġiet fuq dawk l-uħud mhux nidmin bħala qerda fis-sena 70 E.K.). (Luqa 3:16) Biex jevitaw li jġarrbu personalment dik il-‘magħmudija bin-nar’ dawk il-Lhud taʼ l-ewwel seklu kellhom bżonn jiġu mgħammdin fl-ilma bħala simbolu taʼ l-indiema tagħhom, u kellhom isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu meta nfetħet dik l-opportunità.
5. (a) Meta Ġesù ġie biex jitgħammed, Ġwanni għala qajjem oġġezzjoni? (b) X’kien issimbolizzat mill-magħmudija taʼ Ġesù fl-ilma? (ċ) Ġesù kemm kien serju dwar li jwettaq ir-rieda t’Alla għalih?
5 Fost dawk li ġew għand Ġwanni biex jitgħammdu kien hemm Ġesù nnifsu. Imma għala? Ġwanni kien jaf li Ġesù ma kellu ebda dnub x’jistqarr, u għalhekk hu qal: “Jien hu l-wieħed li jeħtieġ li jkun mgħammed minnek, u ġej int għandi?” Imma l-magħmudija taʼ Ġesù kellha tissimbolizza xi ħaġa differenti. Għalhekk hu wieġeb: “Ħalli dan ikun, din id-darba, għax b’dak il-mod huwa xieraq għalina li nwettqu dak kollu li huwa taʼ tjieba.” (Matt. 3:13-15) Il-magħmudija taʼ Ġesù ma setgħetx tissimbolizza ndiema mid-dnub; lanqas ma kellu bżonn jiddedika lilu nnifsu lil Alla, għaliex hu kien membru taʼ ġens li diġà kien dedikat lil Jehovah. Minflok, il-magħmudija tiegħu, appena laħaq l-istat t’adult meta għalaq tletin sena, issimbolizzat l-ippreżentar tiegħu nnifsu lil Missieru tas-sema biex jagħmel ir-rieda Tiegħu għall-ġejjieni. Ir-rieda t’Alla għall-“bniedem, Kristu Ġesù,” kienet tinvolvi attività f’konnessjoni mas-Saltna, kif ukoll is-sagrifiċċju tal-ħajja umana perfetta tiegħu bħala rahan u bħala l-bażi għal patt ġdid. (Luqa 8:1; 17:20, 21; Eb. 10:5-10; Matt. 20:28; 26:28; 1 Tim. 2:5, 6) Ġesù ħa b’serjetà kbira dak li l-magħmudija tiegħu taʼ l-ilma ssimbolizzat. Ma ħalliex lilu nnifsu jiġi żvijat lejn interessi oħrajn. Sat-tmiem tal-ħajja tiegħu fuq l-art baqaʼ sod f’li jagħmel ir-rieda t’Alla.—Ġwn. 4:34.
MAGĦMUDIJA GĦAL ĠOL-MEWT
6. Liema magħmudija oħra għadda minnha Ġesù u matul liema perijodu taʼ żmien?
6 F’armonija maʼ dak li kienet tissimbolizza l-magħmudija taʼ Ġesù fl-ilma, hu wkoll għadda minn magħmudija oħra. Kien jaf li l-inkarigu mqiegħed quddiemu minn Alla kellu jwassal għal li jagħti l-ħajja umana tiegħu bħala sagrifiċċju imma li kellu jiġi mqajjem fl-ispirtu fit-tielet jum. Hu tkellem dwar dan bħala li kien magħmudija. Din il-“magħmudija” bdiet fis-sena 29 E.K. imma ma kenitx tlestiet sa ma attwalment miet u ġie rxoxtat. Mela madwar tliet snin wara t-tgħaddis tiegħu fl-ilma setaʼ jgħid b’mod xieraq: “Għandi magħmudija li biha se nkun mgħammed, u kemm qiegħed inkun imnikket sakemm din tkun intemmet!”—Luqa 12:50.
7. (a) Min iktar huma mgħammdin għal ġol-mewt? (b) Min iwettaqha din il-magħmudija?
7 Dawk li se jsaltnu maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema jridu bl-istess mod jiġu mgħammdin għal ġol-mewt. (Mark 10:37-40; Kol. 2:12) Maʼ mewthom huma jwarrbu fil-ġenb darba għal dejjem il-ħajja umana tagħhom, bħalma għamel Ġesù. U fl-irxoxt tagħhom jingħaqdu miegħu fl-istat taʼ ħakkiem tas-sema. Din hija magħmudija mwettqa, mhux minn kwalunkwe bniedem, imma minn Alla permezz taʼ l-Iben tiegħu tas-sema.
8. X’ifisser li huma wkoll huma “mgħammdin fi Kristu Ġesù”?
8 Dawk li huma mgħammdin għal ġol-mewt taʼ Ġesù jintqal ukoll dwarhom li “tgħammdu fi Kristu Ġesù.” Permezz taʼ l-ispirtu qaddis mgħoddi permezz taʼ Kristu huma jiġu f’għaqda miegħu, il-kap tagħhom, bħala membri tal-kongregazzjoni midluka bl-ispirtu, il-“ġisem” tiegħu. Minħabba li dak l-ispirtu jagħmilhom kapaċi jirriflettu l-personalità superjuri taʼ Kristu, jistaʼ jingħad dwarhom li huma lkoll isiru “persuna waħda f’unjoni maʼ Kristu Ġesù.”—Rum. 6:3-5; 1 Kor. 12:13; Gal. 3:27, 28; Atti 2:32, 33.
MAGĦMUDIJA TAʼ L-ILMA GĦAL DIXXIPLI KRISTJANI
9. (a) Il-magħmudija skond Mattew 28:19 meta seħħet għall-ewwel darba? (b) Billi tuża l-mistoqsijiet u l-iskritturi pprovduti maʼ dan il-paragrafu, analizza x’kien qiegħed jindika Ġesù li kandidati għall-magħmudija jridu jirrikonoxxu.
9 L-ewwel dixxipli taʼ Ġesù tgħammdu fl-ilma permezz taʼ Ġwanni u mbagħad ġew iddireġuti lejn Ġesù bħala membri prospettivi taʼ l-għarusa spiritwali tiegħu. (Ġwn. 3:25-30) Taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù huma wkoll wettqu xi ftit magħmudijiet, li kellhom l-istess sinjifikat bħall-magħmudija taʼ Ġwanni. (Ġwn. 4:1-3) Billi bdew minn Pentekoste tas-sena 33 E.K., madankollu, huma bdew iwettqu l-inkarigu li jgħammdu “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis.” (Matt. 28:19) Se ssibu taʼ benefiċċju kbir li tirrevedi dak x’ifisser, fid-dawl taʼ l-iskritturi ċċitati mal-mistoqsijiet li ġejjin:
Biex tkun mgħammda “fl-isem tal-Missier,” persuna xi trid tirrikonoxxi dwar il-Missier? (2 Sla. 19:15; Salm 3:8; 73:28; Isa. 6:3; Rum. 15:6; Eb. 12:9; Ġak. 1:17)
Magħmudija fl-isem “taʼ l-Iben” tirrikjedi rikonoxximent taʼ liema ħaġa? (Matt. 16:16, 24; Fil. 2:9-11; Eb. 5:9, 10)
Persuna xi trid temmen sabiex tiġi mgħammda fl-isem “taʼ l-ispirtu qaddis”? (Luqa 11:13; Ġwn. 14:16, 17; Atti 1:8; 10:38; Gal. 5:22, 23; 2 Piet. 1:21)
10. (a) X’inhu ssimbolizzat mill-magħmudija Kristjana taʼ l-ilma llum? (b) Dan kif inhu differenti mill-istess magħmudija taʼ Ġesù? (ċ) Meta persuni kkwalifikati Skritturalment jiġu mgħammdin, x’isiru?
10 L-ewwel uħud li tgħammdu f’armonija maʼ dawk l-istruzzjonijiet mogħtijin minn Ġesù kienu Lhud (u prożeliti Lhud), li bħala ġens kienu diġà ddedikati lil Alla u ġew murijin konsiderazzjoni speċjali minnu dritt sas-sena 36 E.K. Madankollu, meta l-privileġġ li wieħed ikun dixxiplu Kristjan ġie estiż lis-Samaritani u lill-Ġentili, qabel ma tgħammdu dawn kellhom personalment jagħmlu dedikazzjoni lil Jehovah mingħajr riżerva biex jaqduh bħala dixxipli taʼ Ibnu. Għal kulħadd, inklużi l-Lhud, dan ikompli jkun is-sinjifikat tal-magħmudija Kristjana taʼ l-ilma dritt sa żmienna. Din il-“magħmudija waħda” tapplika għal dawk kollha li jsiru Kristjani veri. Huma b’hekk isiru xhieda Kristjani taʼ Jehovah, ministri ordnati t’Alla.—Ef. 4:5; 2 Kor. 6:3, 4.
11. (a) Il-magħmudija Kristjana taʼ l-ilma maʼ liema ħaġa tikkorrispondi, u kif? (b) Kristjan b’hekk minn liema ħaġa jiġi salvat?
11 Magħmudija bħal din għandha valur kbir f’għajnejn Alla. Wara li semma l-kostruzzjoni taʼ l-arka minn Noè fejn hu u l-familja tiegħu ġew ippreservati matul id-Dilluvju, l-appostlu Pietru ġibed l-attenzjoni lejn dan. Hu kiteb: “Dik li tikkorrispondi maʼ dan qiegħda issa wkoll issalva lilkom, jiġifieri, il-magħmudija, (mhux it-tneħħija tal-ħmieġ tal-laħam, imma t-talba magħmula ’l Alla għal kuxjenza tajba,) permezz taʼ l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu.” (1 Piet. 3:21) L-arka kienet evidenza tanġibbli li Noè kien iddedika lilu nnifsu biex jagħmel ir-rieda t’Alla u li kien imbagħad għamel fedelment ix-xogħol mogħti minn Alla. Dan wassal għall-ippreservar tiegħu. B’mod li jikkorrispondi, dawk li jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah fuq il-bażi taʼ fidi fi Kristu rxoxtat, li jiġu mgħammdin bħala simbolu taʼ dak u li mbagħad jissoktaw jagħmlu r-rieda t’Alla għall-qaddejja tiegħu fi żmienna jiġu salvati minn din id-dinja mill-agħar tal-preżent. (Gal. 1:3, 4) M’għadhomx sejrin fid-direzzjoni tal-qerda mal-bqija tad-dinja. Ġew salvati minn dan u ġew mogħtijin kuxjenza tajba minn Alla.
NGĦIXU FI QBIL MAR-RESPONSABBILTAJIET TAGĦNA
12. Li wieħed jiġi mgħammed għala m’huwiex fih innifsu garanzija taʼ salvazzjoni?
12 Ikun żball li wieħed jikkonkludi illi li tkun mgħammed huwa fih innifsu garanzija taʼ salvazzjoni. Għandu valur biss jekk persuna verament iddedikat lilha nfisha lil Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu u mbagħad twettaq ir-rieda t’Alla, leali sat-tmiem.—Matt. 24:13.
13. (a) X’inhi r-rieda t’Alla inkwantu għall-mod li bih Kristjani mgħammdin jużaw ħajjiethom? (b) L-istat taʼ dixxiplu Kristjan kemm għandu jkun importanti f’ħajjietna?
13 Ir-rieda t’Alla għal Ġesù inkludiet il-mod kif uża ħajtu bħala bniedem. Kellha tiġi mogħtija fil-mewt bħala sagrifiċċju. Fil-każ tagħna l-iġsma tagħna jridu jiġu ppreżentati lil Alla, biex nissoktaw ħajja taʼ ssagrifikar tagħna nfusna. Iridu jiġu wżati esklussivament f’li tintgħamel ir-rieda t’Alla. (Rum. 12:1, 2) Ċertament ma nkunux qegħdin nagħmlu hekk jekk, saħansitra darba kultant, inkunu apposta ġibna rwieħna bħad-dinja taʼ madwarna jew jekk inkunu bnejna ħajjietna madwar attivitajiet egoistiċi waqt li nkunu tajna servizz minimu lil Alla. (1 Piet. 4:1-3; 1 Ġwn. 2:15-17) Meta ċertu Lhudi staqsa x’irid jagħmel biex jikseb il-ħajja taʼ dejjem, Ġesù fakkru dwar l-importanza li jgħix ħajja moralment nadifa, u mbagħad ġibed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li wieħed jagħmel l-istat taʼ dixxiplu Kristjan, li jkun segwaċi taʼ Ġesù, il-ħaġa primarja fil-ħajja. Dan ma setax jieħu t-tieni post wara attivitajiet materjali.—Matt. 19:16-21.
14. (a) Liema responsabbiltà f’konnessjoni mas-Saltna għandhom il-Kristjani kollha? (b) Bħalma huwa muri fl-istampa f’paġna 101, liema huma xi modi effettivi li bihom nagħmlu dan ix-xogħol? (ċ) Jekk verament nieħdu sehem f’attività bħal din b’qalb sħiħa, dan taʼ liema ħaġa jagħti evidenza?
14 Wieħed għandu wkoll jiftakar li r-rieda t’Alla għal Ġesù inkludiet attività vitali f’konnessjoni mas-Saltna. Ġesù nnifsu kien midluk biex ikun Sultan. Imma waqt li kien fuq l-art kien ukoll xhud żeluż rigward is-Saltna. Aħna għandna xogħol simili t’għoti taʼ xiehda x’nagħmlu u għandna kull raġuni li nieħdu sehem fih b’qalb sħiħa. Billi nagħmlu hekk nuru l-apprezzament tagħna għas-sovranità taʼ Jehovah u l-imħabba tagħna lejn bnedmin sħabna. Ukoll nuru li aħna magħqudin m’adoraturi sħabna madwar id-dinja, li kollha huma xhieda tas-saltna, f’li jistinkaw ’il quddiem lejn il-mira taʼ ħajja taʼ dejjem fil-qasam taʼ dik is-Saltna.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Liema similaritajiet u liema differenzi hemm bejn il-magħmudija taʼ Ġesù u l-magħmudija taʼ l-ilma llum?
● Il-magħmudija taʼ Ġwanni għal min kienet? Min huma mgħammdin għal ġol-mewt? U min isir ‘mgħammed fi Kristu Ġesù’?
● X’inhu involut f’li wieħed jgħix fi qbil mar-responsabbiltajiet tal-magħmudija Kristjana taʼ l-ilma?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 101]
Int b’Liema Modi Tipproklama s-Saltna?
Minn bieb għal bieb
Billi tirritorna lura biex iżżur lil uħud interessati
Fi studji tal-Bibbja fid-djar
Fit-toroq
Lil sħabek taʼ l-iskola
Lil sħabek fuq ix-xogħol