LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 8/1 pp. 11-16
  • “Ilbsu l-Umiltà tal-Moħħ”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ilbsu l-Umiltà tal-Moħħ”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ispirtu Prevalenti tad-​Dinja
  • Jehovah Qiegħed maʼ l-​Umlin
  • Jitgħallmu kif Ikollhom l-​Umiltà tal-​Moħħ
  • L-​Attitudni Xierqa
  • ‘Ilbsu l-Umiltà’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ikkultiva Umiltà Ġenwina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kif Tistaʼ Turi Umiltà Vera?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Żomm mal-Mudell li Ħalla Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 8/1 pp. 11-16

“Ilbsu l-​Umiltà tal-​Moħħ”

“Alla jeqfilhom lill-​kburin, imma lill-​umli jagħtihom il-​grazzja.”—1 PIETRU 5:5.

1, 2. Liema żewġ dispożizzjonijiet mentali opposti għandhom effett profond fuq l-​imġiba tal-​bniedem?

FOST id-​dispożizzjonijiet mentali li l-​Kelma t’Alla tiġbdilna l-​attenzjoni lejhom hemm tnejn l-​oppost taʼ xulxin. It-​tnejn li huma għandhom effett profond fuq l-​imġiba tal-​bniedem. Waħda minnhom hi deskritta bħala “umiltà [“tal-​moħħ,” New World Translation].” (1 Pietru 5:5) Dizzjunarju wieħed jiddefinixxi “umli” bħala “mhux kburi fil-​manjiera jew fl-​ispirtu: ħieles milli tkun imkabbar bik innifsek.” L-​umiltà tal-​moħħ hija sinonima maʼ li wieħed ma jkunx imkabbar, u skond kif iqisha Alla, din hija kwalità mixtieqa ferm.

2 L-​oppost taʼ din huwa l-​kburija. Din hija definita bħala “stima eċċessiva tiegħek innifsek,” li tkun “mimli stmerrija.” Tkun moħħok fik innifsek, tfittex vantaġġi materjali, egoistiċi u oħrajn bla ma jimpurtak mill-​effetti ħżiena li jistaʼ jkollok fuq oħrajn. Il-​Bibbja tosserva riżultat wieħed: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” Titkellem dwar l-​“għira taʼ wieħed għal ieħor” bħala “ġiri wara r-​riħ” għaliex mal-​mewt ħadd “ma jkun ġabar xejn x’jieħu miegħu.” Kburija bħal din xejn m’hi mixtieqa skond il-​ħarsa t’Alla.—Koħèlet 4:4; Koħèlet 5:14 [Koħèlet 5:15, NW]; 8:9.

L-​Ispirtu Prevalenti tad-​Dinja

3. X’inhu l-​ispirtu prevalenti tad-​dinja?

3 Liema waħda miż-​żewġ dispożizzjonijiet tikkaratterizza d-​dinja llum? X’inhu l-​ispirtu prevalenti tad-​dinja? Il-​World Military and Social Expenditures 1996 josserva: “Skond dak li hu dokumentat, m’hemm ebda seklu ieħor li jitqabbel maʼ dan is-​seklu 20 f’dik li hi vjolenza . . . mhix ċivilizzata.” Il-​kompetizzjoni għal poter politiku u ekonomiku​—kif ukoll rivalitajiet nazzjonali, reliġjużi, tribwali, u etniċi—​swiet il-​ħajja taʼ iktar minn 100 miljun ruħ f’dan is-​seklu. Fuq livell individwali, l-​imġiba fejn wieħed ikun moħħu fih innifsu żdiedet ukoll. Iċ-​Chicago Tribune stqarret: “Il-​mard tas-​soċjetà jinkludi vjolenza bla sens, abbuż fuq it-​tfal, divorzju, sokor, AIDS, suwiċidju fost l-​adolexxenti, drogi, klikek tat-​toroq, stupru, illeġittimità, abort, pornografija, . . . gideb, qerq, korruzzjoni politika . . . It-​tajjeb u l-​ħażin bħala konċetti morali ġew aboliti.” B’hekk, il-​UN Chronicle wissiet: “Is-​soċjetajiet qed jiddiżintegraw.”

4, 5. L-​ispirtu tad-​dinja kif ġie deskritt b’mod eżatt fil-​profeziji tal-​Bibbja għal żmienna?

4 Dawn il-​kundizzjonijiet jinsabu mad-​dinja kollha. Huwa preċiż bħalma bassret il-​Bibbja għal żmienna: “L-​aħħar tad-​dinja jkun żmien iebes. Il-​bnedmin jingħataw għall-​imħabba tagħhom infushom u tal-​flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-​ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-​tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom.”—2 Timotju 3:1-4.

5 Din hija deskrizzjoni eżatta taʼ l-​ispirtu prevalenti tad-​dinja. Hija l-​attitudni egoistika taʼ l-​ewwel jien. Ir-​rivalità bejn in-​nazzjonijiet hija riflessjoni perfetta tar-​rivalità bejn l-​individwi. Per eżempju, fl-​isports kompetittiv ħafna huma l-​atleti li jixtiequ jiġu l-​ewwel u ma jimpurtahomx kemm iweġġgħu emozzjonalment jew saħansitra fiżikament lil oħrajn. Dan l-​ispirtu taʼ li wieħed ikun moħħu biss fih innifsu jiddaħħal fit-​tfal u jibqaʼ magħhom f’ħafna aspetti tal-​ħajja adulta. Dan jirriżulta f’“mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, [u] firda.”—Galatin 5:19-21.

6. Min jippromwovi l-​egoiżmu, u Jehovah kif iħossu dwar dan il-​mod taʼ ħsieb?

6 Il-​Bibbja turi li l-​ispirtu taʼ li wieħed ikun moħħu fih innifsu li hawn fid-​dinja jirrifletti lil dak tal-​wieħed li “hu msejjaħ id-​Demonju u x-​Xitan, il-​qarrieq tad-​dinja kollha.” Rigward l-​influwenza tax-​Xitan fuq in-​nies li qed jgħixu f’dawn il-​jiem kritiċi taʼ l-​aħħar, il-​Bibbja tbassar: ‘Ħażin għalik, art għax fik niżel id-​Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.’ (Apokalissi 12:9-12) Għalhekk hu u d-​demonji sħabu ħarrxu l-​isforzi tagħhom biex jippromwovu mod taʼ ħsieb egoistiku fil-​familja umana. U Jehovah kif iħossu dwar attitudni bħal din? Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Il-​Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar.”—Proverbji 16:5.

Jehovah Qiegħed maʼ l-​Umlin

7. Jehovah kif iqishom lill-​umlin, u x’jgħallimhom?

7 Mill-​banda l-​oħra, Jehovah jbierek lil dawk li huma umlin fil-​moħħ. F’għanja lil Jehovah, is-​Sultan David qal: “Inti ssalva ’l-poplu fqajjar [“umli,” NW], u l-​għajnejn kburin tbaxxihom.” (2 Samwel 22:1, 28) Għaldaqstant, il-​Kelma t’Alla twissina: “Fittxu l-​Mulej ilkoll, intom, l-​umli taʼ l-​art, . . . fittxu l-​ġustizzja, fittxu l-​umiltà: biex forsi f’jum il-​korla tal-​Mulej ikollkom fejn tistkennu.” (Sofonija 2:3) Dawk li bl-​umiltà kollha jfittxu lil Jehovah jiġu mgħallmin minnu biex jikkultivaw spirtu totalment differenti minn dak taʼ din id-​dinja. “Jgħallem lill-​fqajrin [“umli,” Saydon] it-​triq tiegħu.” (Salm 25:9; Isaija 54:13) Din it-​triq hija t-​triq taʼ l-​imħabba. Hija bbażata fuq li wieħed jagħmel dak li hu sewwa skond il-​livelli t’Alla. Skond il-​Bibbja, din l-​imħabba bi prinċipju “ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-​oħrajn; . . . ma tfittixx dak li hu tagħha.” (1 Korintin 13:1-8) Din tintwera wkoll fl-​umiltà tal-​moħħ.

8, 9. (a) X’inhi l-​oriġini taʼ l-​imħabba bi prinċipju? (b) Kemm hu importanti li nimitaw l-​imħabba u l-​umiltà li wera Ġesù?

8 Pawlu u Kristjani oħra taʼ l-​ewwel seklu tgħallmu din ix-​xorta taʼ mħabba mit-​tagħlim taʼ Ġesù. U Ġesù tgħallimha minn Missieru, Jehovah, li dwaru l-​Bibbja tgħid: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Ġesù kien jaf li kienet ir-​rieda t’Alla għalih li jgħix skond il-​liġi taʼ l-​imħabba, u hekk għamel. (Ġwann 6:38) Huwa għalhekk li kellu mogħdrija għall-​maħqurin, għall-​fqajrin, u għall-​midinbin. (Mattew 9:36) Hu qalilhom: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli.” (Korsiv tagħna.)—Mattew 11:28, 29.

9 Ġesù lid-​dixxipli tiegħu wriehom l-​importanza li jimitaw l-​imħabba u l-​umiltà tiegħu meta qalilhom: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Kellhom jispikkaw bħala li kienu separati minn din id-​dinja li moħħha fiha nfisha. Dan hu għala Ġesù setaʼ jgħid dan dwar is-​segwaċi tiegħu: “m’humiex tad-​dinja.” (Ġwann 17:14) Le, huma ma jimitawx l-​ispirtu kburi, u egoist tad-​dinja taʼ Satana. Minflok, huma jimitaw l-​ispirtu taʼ mħabba u umiltà li wera Ġesù.

10. Jehovah x’qiegħed jagħmel maʼ dawk l-​uħud umlin fi żmienna?

10 Il-​Kelma t’Alla bassret li f’dawn l-​aħħar jiem, l-​umlin kellhom jiġu miġburin flimkien f’soċjetà globali bbażata fuq l-​imħabba u l-​umiltà. B’hekk, f’dinja li qegħda dejjem issir iktar u iktar kburija, in-​nies taʼ Jehovah juru l-​attitudni opposta​—l-​umiltà tal-​moħħ. Dawn jgħidu: “Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-​għolja tal-​Mulej [il-qima vera u elevata tiegħu], . . . biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.” (Isaija 2:2, 3) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jifformaw din is-​soċjetà globali li qed timxi fil-​mogħdijiet t’Alla. Dawn jinkludu “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” li dejjem qed tiżdied. (Apokalissi 7:9) Din il-​kotra kbira issa hija magħmula minn miljuni taʼ nies. Jehovah kif qed iħarriġhom biex ikunu umlin?

Jitgħallmu kif Ikollhom l-​Umiltà tal-​Moħħ

11, 12. Il-​qaddejja t’Alla kif juru l-​umiltà tal-​moħħ?

11 L-​ispirtu t’Alla li jopera permezz tal-​poplu dispost tiegħu jgħinhom jitgħallmu kif jegħlbu l-​ispirtu ħażin tad-​dinja u mbagħad biex juru l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla. Dan jintwera fl-​“imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.” (Galatin 5:22, 23) Biex jiġu megħjunin jiżviluppaw dawn il-​kwalitajiet, il-​qaddejja t’Alla jingħataw il-​parir biex ma jsirux minn dawk li ‘jfittxu l-​ftaħir fieragħ [‘isiru egoistiċi,’ NW]; ma jġarrbux lil xulxin; ma jgħirux għal xulxin.’ (Galatin 5:26) Bl-​istess mod, l-​appostlu Pawlu qal: “Tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu taʼ li hu [“ikollu moħħ f’loku,” NW].”—Rumani 12:3.

12 Il-​Kelma t’Alla tgħid lill-​Kristjani veri biex ma ‘jagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-​ftaħir fieragħ; imma jkunu umlin [“b’umiltà tal-​moħħ,” NW] u kull wieħed minnhom iqis lill-​ieħor [qaddej t’Alla] aħjar minnu. Ħadd minnhom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.’ (Filippin 2:3, 4) “Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor.” (1 Korintin 10:24) Iva, ‘l-​imħabba tibni’ lil oħrajn bi kliem u azzjonijiet mhux egoisti. (1 Korintin 8:1) Din tippromwovi l-​kooperazzjoni, u mhux il-​kompetizzjoni. L-​ispirtu taʼ l-​ewwel jien m’hemmx loku fost il-​qaddejja taʼ Jehovah.

13. L-​umiltà tal-​moħħ għala rridu nitgħallmuha, u dan kif nistgħu nagħmluh?

13 Madankollu, minħabba l-​imperfezzjoni li writna, aħna ma nitwildux bl-​umiltà tal-​moħħ. (Salm 51:7 [51:5, NW]) Din il-​kwalità rridu nitgħallmuha. U dan jistaʼ jkun diffiċli għal dawk li ma jkunux tgħallmu l-​mogħdijiet taʼ Jehovah minn ċkunithom imma li jaċċettawhom iktar tard f’ħajjithom. Huma jkunu diġà fformaw personalitajiet ibbażati fuq l-​attitudnijiet taʼ din id-​dinja qadima. Għalhekk ikollhom jitgħallmu ‘jwarrbu l-​ħajja tagħhom taʼ qabel u jinżgħu l-​bniedem il-​qadim’ u ‘jilbsu l-​bniedem il-​ġdid, maħluq skond Alla, fil-​ġustizzja u l-​qdusija tassew.’ (Efesin 4:22, 24) Bl-​għajnuna t’Alla, dawk li huma sinċieri jistgħu jagħmlu dak li hu jitlob minnhom: “Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà [“tal-​moħħ,” “Karm Żammit”], ħlewwa u sabar.” (Korsiv tagħna.)—Kolossin 3:12.

14. Ġesù kif tkellem kontra li wieħed jipprova jitgħolla?

14 Id-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom jitgħallmuha din il-​kwalità. Huma kienu adulti meta saru d-​dixxipli tiegħu u fihom kellhom xi daqsxejn minn dak l-​ispirtu taʼ pika. Meta omm tnejn minnhom riedet li wliedha jkunu prominenti, Ġesù qal: “Fost il-​pagani l-​kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom [lin-nies], u l-​kbarat biex iħaddmu fuqhom is-​setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-​ewwel fostkom, għandu jkun l-​ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-​bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” (Mattew 20:20-28) Meta Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex ma jużawx titli ħalli jipprovaw jitgħollew, hu żied: “Intom ilkoll aħwa.”—Mattew 23:8.

15. Liema attitudni għandhom ikollhom dawk li qegħdin iħabirku għal kariga taʼ indokratur?

15 Segwaċi veru taʼ Ġesù hu qaddej, iva, ilsir taʼ Kristjani sħabu. (Galatin 5:13) Dan huwa minnu speċjalment fil-​każ taʼ dawk li jridu jikkwalifikaw għar-​responsabbiltà taʼ indokrar fil-​kongregazzjoni. Qatt m’għandhom jikkompetu għall-​prominenza jew poter; m’għandhomx ikunu ‘sidien tal-​wirt t’Alla, imma għandhom isiru eżempju għall-​merħla.’ (1 Pietru 5:3, KŻ) Tabilħaqq, jekk wieħed ikollu spirtu li jfittex dak li jaqbillu, dan ikun indikazzjoni li dan il-​bniedem m’huwiex addattat għall-​indokrar. Bniedem bħal dan ikun taʼ detriment għall-​kongregazzjoni. Veru li hu xieraq li wieħed ‘jixtieq xogħol taʼ isqof [“indokratur,” NW],’ imma dan għandu jiġi minn xewqa biex jaqdi lil Kristjani oħrajn. Din il-​kariga m’hijiex xi pożizzjoni taʼ prominenza jew poter, għax dawk li jindokraw għandhom ikunu fost dawk fil-​kongregazzjoni li l-​iktar għandhom umiltà tal-​moħħ.—1 Timotju 3:1, 6.

16. Dijotrefi għala ġie denunzjat fil-​Kelma t’Alla?

16 L-​appostlu Ġwanni jiġbdilna l-​attenzjoni lejn bniedem li kellu l-​ħarsa żbaljata, billi jistqarr: “Jien ġa ktibt xi ħaġa lill-​knisja, imma Dijotrefi, dak li jħobb jaqbeż lil kulħadd, ma riedx jilqaʼ l-​kelma tagħna [“bir-​rispett,” NW].” Dan ir-​raġel ittratta maʼ l-​oħrajn b’nuqqas taʼ rispett biex jipprova javanza l-​pożizzjoni tiegħu stess. Minflok, l-​ispirtu t’Alla qanqal lil Ġwanni biex jinkludi denunzja fil-​Bibbja dwar Dijotrefi minħabba li kellu l-​attitudni taʼ l-​ewwel jien.—3 Ġwann 9, 10.

L-​Attitudni Xierqa

17. Pietru, Pawlu, u Barnaba kif urew l-​umiltà tal-​moħħ?

17 Hemm ħafna eżempji fil-​Bibbja dwar din l-​attitudni xierqa taʼ umiltà tal-​moħħ. Meta Pietru daħal fid-​dar taʼ Kornelju, dan ir-​raġel “ntefaʼ f’riġlejh [f’riġlejn Pietru] jagħtih qima.” Imma minflok ma aċċetta dik il-​qima barra minn lokha, “Pietru qajjmu u qallu: ‘Qum. Jien bniedem ukoll.’” (Atti 10:25, 26) Meta Pawlu u Barnaba kienu Listra, Pawlu fejjaq raġel magħtub mit-​twelid. B’riżultat taʼ dan, il-​folol qalu li dawn l-​appostli kienu allat. Madankollu Pawlu u Barnaba “ċarrtu lbieshom, resqu malajr lejn il-​ġemgħa, u bdew jgħajjtu u jgħidu: ‘Ħbieb, hemm x’intom tagħmlu? Aħna wkoll bnedmin, ngħixu u nħossu bħalkom.’” (Atti 14:8-15) Dawn il-​Kristjani umlin ma ridux jaċċettaw glorja mingħand il-​bnedmin.

18. Anġlu setgħan x’qallu bl-​umiltà kollha lil Ġwanni?

18 Meta l-​appostlu Ġwanni ngħata ‘Rivelazzjoni minn Ġesù Kristu,’ din kienet trasmessa minn anġlu. (Apokalissi 1:1) Nistgħu nifhmu għala Ġwanni ħass riverenza profonda, minħabba s-​setgħa taʼ anġlu, għaliex anġlu wieħed kien qered 185,000 Assirjan f’lejl wieħed. (2 Slaten 19:35) Ġwanni jirrakkonta: “Wara li smajthom u rajthom, nżilt quddiem l-​anġlu li wrihomli biex nagħtih qima f’riġlejh, imma qalli: ‘Hekk le! Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek . . . Il-​qima lil Alla agħtiha.’” (Apokalissi 22:8, 9) X’umiltà tal-​moħħ wera dan l-​anġlu setgħan!

19, 20. Uri l-​kuntrast bejn il-​kburija tal-​ġenerali Rumani li kienu konkwistaturi u l-​umiltà tal-​moħħ li wera Ġesù.

19 Ġesù kien l-​aqwa eżempju taʼ wieħed li kellu umiltà tal-​moħħ. Kien l-​Iben uniġenitu t’Alla, is-​Sultan futur tas-​Saltna tas-​sema t’Alla. Meta ppreżenta lilu nnifsu lin-​nies bħala sultan, dan m’għamlux bil-​mod li għamluh il-​ġenerali konkwistaturi taʼ żmien ir-​Rumani. Lil dawn kienu jagħmlulhom parati b’pompa kbira​—purċissjonijiet—​u kienu jirkbu fuq karrijiet imżejnin bid-​deheb u l-​avorju, miġbudin minn żwiemel bojod, jew saħansitra minn iljunfanti, iljuni, jew tigri. Fil-​purċissjonijiet kien ikun hemm mużiċisti jkantaw innijiet tar-​rebħa, flimkien maʼ karettuni mimlijin bil-​priża u karrijiet kbar li kienu juru xeni tal-​battalja. Kien hemm ukoll slaten, prinċpijiet, u ġenerali, bil-​familji tagħhom, li jkunu ttieħdu lsiera, u li taʼ spiss kienu jneżżgħuhom għarwenin biex jumiljawhom. Il-​kburija u l-​ftaħir f’dawn il-​ġrajjiet kont ixxommhom minn sebaʼ mili ’l bogħod.

20 Qabbel dan mal-​mod kif Ġesù offra lilu nnifsu. Hu kien lest li jissottometti ruħu bl-​umiltà kollha biex iwettaq il-​profezija li nkitbet dwaru, u li bassret: “Ara, is-​sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu taʼ ħmara.” Hu bl-​umiltà kollha rikeb fuq bhima tat-​tagħbija, u mhux fuq xi karru miġbud minn annimali mill-​isbaħ tal-​parata. (Żakkarija 9:9 Mattew 21:4, 5) Kemm huma henjin in-​nies umlin li Ġesù se jkun is-​Sultan maħtur taʼ Jehovah fuq l-​art kollha kemm hi fid-​dinja l-​ġdida, wieħed li għandu verament l-​umiltà tal-​moħħ, li xejn m’hu mkabbar, u li hu mimli mħabba, mogħdrija u ħniena!—Isaija 9:6, 7; Filippin 2:5-8.

21. L-​umiltà tal-​moħħ x’ma tindikax?

21 Il-​fatt li Ġesù, Pietru, Pawlu, u rġiel u nisa oħrajn fi żminijiet Bibliċi wrew umiltà tal-​moħħ iġib fix-​xejn l-​idea li l-​umiltà hija dgħjufija. Minflok, din turi karattru sod, għax dawn in-​nies kienu kuraġġużi u żelużi. Huma ssaportew provi ħorox b’saħħa mentali u morali kbira. (Lhud, kapitlu 11) U llum, meta l-​qaddejja taʼ Jehovah jkollhom l-​umiltà tal-​moħħ, huma jkollhom l-​istess saħħa għaliex Alla jappoġġa lil dawk li huma umlin bl-​ispirtu setgħan tiegħu. B’hekk, aħna niġu mħeġġin: “[I]lkoll kemm intom, mbagħad, ilbsu l-​umiltà [“tal-​moħħ,” NW] maʼ xulxin għax ‘Alla jeqfilhom lill-​kburin, imma lill-​umli jagħtihom il-​grazzja.’ Kunu mela umli taħt l-​id setgħana taʼ Alla, biex hu jerfagħkom meta jkun il-​waqt.”—1 Pietru 5:5, 6; 2 Korintin 4:7.

22. X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

22 Hemm aspett pożittiv ieħor dwar l-​umiltà tal-​moħħ li għandhom bżonn jipprattikaw il-​qaddejja t’Alla. Dan hu aspett li jikkontribwixxi ferm biex jinbena l-​ispirtu taʼ mħabba u kooperazzjoni fil-​kongregazzjonijiet. Tabilħaqq, huwa ingredjent essenzjali taʼ l-​umiltà tal-​moħħ. Dan se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

Bħala Reviżjoni

◻ Iddeskrivi l-​ispirtu prevalenti tad-​dinja.

◻ Jehovah kif juri favur maʼ dawk li juru l-​umiltà tal-​moħħ?

◻ L-​umiltà tal-​moħħ għala rridu nitgħallmuha?

◻ Liema huma xi eżempji taʼ individwi fil-​Bibbja li wrew l-​umiltà tal-​moħħ?

[Stampa f’paġna 15]

L-​anġlu qal lil Ġwanni: “Hekk le! Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja