LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 9/1 pp. 12-16
  • Agħmel Użu Għaqli mil-Libertà Kristjana Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel Użu Għaqli mil-Libertà Kristjana Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Midlukin biex Jippridkaw’
  • “Onoraw lis-​Sultan”
  • ‘Ħa Jkollkom Imħabba lejn l-​Aħwa’
  • Apparenza u Rikreazzjoni
  • Fittex għal-​Libertà tat-​Tfal t’Alla
  • Poplu Liberu Imma Responsabbli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Titlifx il-Għan tal-Libertà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Aqdi lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Il-Libertà li Jgawdu l-Aduraturi taʼ Jehovah
    Qim lill-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 9/1 pp. 12-16

Agħmel Użu Għaqli mil-​Libertà Kristjana Tiegħek

“Kunu bħala nies liberi, u madankollu billi żżommu l-​libertà tagħkom. . .bħala rsiera t’Alla.”​—1 PIETRU 2:16.

1. Adam liema libertà tilef, u Jehovah għal liema libertà se jirrestawrah lill-​bniedem?

META l-​ewwel ġenituri tagħna dinbu fil-​ġnien taʼ Għeden, huma tilfu għal uliedhom wirt glorjuż​—libertà mid-​dnub u mill-​korruzzjoni. Bħala riżultat, ilkoll kemm aħna twelidna rsiera tal-​korruzzjoni u l-​mewt. B’ferħ, iżda, Jehovah għandu l-​għan li jirrestawra lill-​bnedmin leali għal libertà tal-​għaġeb. Illum, uħud taʼ qalb onesta jistennew bil-​ħerqa “l-​kxif taʼ wlied Alla,” li bħala riżultat tiegħu huma ‘se jinħelsu mill-​jasar għall-​korruzzjoni u jkollhom il-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.’​—Rumani 8:​19-21.

‘Midlukin biex Jippridkaw’

2, 3. (a) Min huma “wlied Alla”? (b) Liema waqfa tal-​għaġeb igawdu, u dan iġib liema responsabbiltà?

2 Min huma dawn l-​‘ulied t’Alla’? Dawn huma aħwa taʼ Ġesù midlukin bl-​ispirtu li se jkunu mexxejja miegħu fis-​Saltna tas-​sema. L-​ewwel fost dawn dehru matul l-​ewwel seklu E.K. Huma aċċettaw il-​verità liberatorja li Ġesù għallem, u mill-​Pentekoste tas-​sena 33 E.K., ħadu sehem mill-​privileġġi glorjużi li Pietru tkellem dwarhom meta kitbilhom: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu għal pussess speċjali.’”​—1 Pietru 2:9a; Ġwann 8:32.

3 Li tkun il-​pussess speċjali t’Alla​—x’barka meraviljuża! U l-​fdal taż-​żmien modern tal-​ulied midlukin t’Alla jgawdu l-​istess waqfa mbierka m’Alla. Imma maʼ privileġġ daqshekk elevat jiġu r-​responsabbiltajiet. Pietru ġibed l-​attenzjoni lejn waħda minn dawn meta ssokta jgħid: “‘Għandkom tiddikjaraw barra l-​pajjiż l-​affarijiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom ’il barra mid-​dlam għal ġod-​dawl tal-​għaġeb tiegħu.”​—1 Pietru 2:9b.

4. Il-​Kristjani midlukin kif wettqu r-​responsabbiltà li tiġi mal-​libertà Kristjana tagħhom?

4 Wettquha l-​Kristjani midlukin din ir-​responsabbiltà biex jiddikjaraw barra l-​pajjiż l-​affarijiet eċċellenti t’Alla? Iva. Billi tkellem b’mod profetiku dwar il-​midlukin mis-​sena 1919 ’il hawn, Isaija qal: “L-​ispirtu tal-​Mulej Sovran Jehovah hu fuqi, għar-​raġuni li Jehovah dilikni biex ingħid aħbar tajba lill-​ġwejdin. Hu bagħatni biex norbot lil dawk taʼ qalb maqsuma, biex nipproklama libertà lil dawk meħudin fil-​jasar u l-​ftuħ beraħ tal-​għajnejn saħansitra lill-​priġunieri; biex nipproklama s-​sena taʼ rieda tajba min-​naħa taʼ Jehovah u jum il-​vendetta min-​naħa t’Alla tagħna.” (Isaija 61:​1, 2) Illum, il-​fdal midlukin, billi jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, li għalih applikat din l-​iskrittura primarjament, jiddikjaraw b’mod żeluż lil oħrajn l-​aħbar tajba tal-​libertà.​—Mattew 4:​23-25; Luqa 4:​14-21.

5, 6. (a) X’irriżulta mill-​ippridkar entużjażmanti tal-​Kristjani midlukin? (b) Liema privileġġi u responsabbiltajiet igawdu dawk tal-​folla kbira?

5 Bħala riżultat tal-​ippridkar b’entużjażmu tagħhom, folla kbira taʼ ngħaġ oħra dehret fuq ix-​xena dinjija f’dawn il-​jiem tal-​aħħar. Huma ġew mill-​ġnus kollha biex jingħaqdu mal-​midlukin f’li jaqdu lil Jehovah, u l-​verità għamlet lil dawn liberi wkoll. (Żakkarija 8:23; Ġwann 10:16) Bħal Abraham, huma ddikjarati twajbin fuq il-​bażi taʼ fidi u daħlu f’relazzjoni mill-​qrib m’Alla Jehovah. U bħal Raħab, il-​fatt li ġew iddikjarati twajbin jagħtihom il-​prospett li jibqgħu ħajjin​—fil-​każ tagħhom, jibqgħu ħajjin wara Armageddon. (Ġakbu 2:​23-25; Rivelazzjoni 16:​14, 16) Imma privileġġi elevati bħal dawn iġibu magħhom ukoll ir-​responsabbiltà li jgħidu lil oħrajn dwar il-​glorja t’Alla. Kien għalhekk li Ġwanni rahom ifaħħru lil Jehovah pubblikament, billi “jgħajtu b’leħen qawwi, igħidu: ‘Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.’”​—Rivelazzjoni 7:​9, 10, 14.

6 Is-​sena l-​oħra l-​folla l-​kbira, li issa tgħodd iktar minn erbaʼ miljuni, flimkien mal-​ġemgħa żgħira li baqaʼ taʼ Kristjani midlukin, qattgħu kważi biljun siegħa jiddikjaraw barra l-​pajjiż l-​affarijiet eċċellenti taʼ Jehovah. Dan kien l-​aqwa użu possibbli tal-​libertà spiritwali tagħhom.

“Onoraw lis-​Sultan”

7, 8. Liema responsabbiltà lejn l-​awtorità sekulari tesiġi l-​libertà Kristjana, u f’dan ir-​rigward, liema attitudni żballjata rridu nevitaw?

7 Il-​libertà Kristjana tagħna tinkorpora responsabbiltajiet oħrajn. Pietru ġibed l-​attenzjoni lejn xi ftit meta kiteb: “Onoraw lil bnedmin taʼ kull xorta, ħa jkollkom imħabba lejn is-​sħubija kollha tal-​aħwa, kunu fil-​biżaʼ t’Alla, onoraw lis-​sultan.” (1 Pietru 2:17) X’inhu implikat mill-​espressjoni “onoraw lis-​sultan”?

8 “Is-​sultan” jirrappreżenta mexxejja sekulari. Illum, spirtu taʼ nuqqas taʼ rispett lejn l-​awtorità żviluppa fid-​dinja, u dan jistaʼ faċilment jeffettwa lill-​Kristjani. Kristjan jistaʼ saħansitra jiddubita għala għandu jonora “lis-​sultan,” ladarba “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​wieħed mill-​agħar.” (1 Ġwann 5:19) Minħabba dawn il-​kelmiet, hu forsi jħossu liberu li ma jobdix xi liġijiet inkonvenjenti u jirrifjuta li jħallas xi taxxi jekk ikun jistaʼ jiskappahom. Imma dan ikun kontra l-​kmand espliċitu taʼ Ġesù li “[j]ħallsu lura . . . l-​affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri.” Dan ikun, fil-​fatt, ‘qed juża l-​libertà tiegħu bħala għata għall-​ħażen.’​—Mattew 22:21; 1 Pietru 2:16.

9. Liema żewġ raġunijiet hemm biex inkunu ubbidjenti lejn l-​awtorità sekulari?

9 Il-​Kristjani huma obbligati li jagħtu unur lill-​awtorità u jkunu sottomessi lejha​—saħansitra jekk dan hu b’mod relattiv. (Atti 5:29) Għala? Fl-​1 Pietru 2:​14, 15, Pietru jindika tliet raġunijiet meta hu jgħid li l-​gvernaturi huma “mibgħutin minn [Alla] biex jagħtu l-​kastig lil dawk li jagħmlu l-​ħażen imma biex ifaħħru lil dawk li jagħmlu t-​tajjeb.” Il-​biżaʼ mill-​kastig huwa raġuni biżżejjed biex nobdu lill-​awtorità. X’diżunur ikun għal wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah li jiġi mmultat jew mitfugħ il-​ħabs minħabba vjolenza, serq, jew xi att kriminali ieħor! Immaġina kemm xi wħud jieħdu pjaċir jippubblikaw xi ħaġa bħal din! Mill-​banda l-​oħra, hekk kif niżżviluppaw reputazzjoni għal ubbidjenza ċivili, aħna nirċievu tifħir minn amministraturi ġusti. Nistgħu ningħataw iżjed libertà biex inwettqu x-​xogħol tagħna tal-​ippridkar tal-​aħbar tajba. Jerġaʼ, ‘billi nagħmlu t-​tajjeb inliġġmu l-​kliem injorant taʼ rġiel bla raġuni.’ (1 Pietru 2:15b) Din hi raġuni oħra biex nobdu lill-​awtorità.​—Rumani 13:3.

10. Liema hi l-​aqwa raġuni biex nobdu lill-​awtorità sekulari?

10 Imma hemm raġuni iżjed qawwija. L-​awtoritajiet jeżistu bil-​permess taʼ Jehovah. Bħalma jgħid Pietru, il-​mexxejja politiċi huma “mibgħutin” minn Jehovah, u hija “r-​rieda t’Alla” li Kristjani jibqgħu suġġetti lejhom. (1 Pietru 2:15a) B’mod simili, l-​appostlu Pawlu jgħid: “L-​awtoritajiet eżistenti qegħdin hemm fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla.” Għaldaqstant, il-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja tqanqalna biex nobdu lill-​awtoritajiet. Jekk nirrifjutaw li nissottomettu lilna nfusna lejhom, aħna nkunu ‘ħadna waqfa kontra l-​arranġament t’Alla.’ (Rumani 13:​1, 2, 5) Min fostna jkun irid minn jeddu jieħu waqfa kontra l-​arranġament t’Alla? X’użu ħażin tal-​libertà Kristjana jkun dak!

‘Ħa Jkollkom Imħabba lejn l-​Aħwa’

11, 12. (a) Liema responsabbiltà lejn sħabna fit-​twemmin tiġi mil-​libertà Kristjana tagħna? (b) Min b’mod speċjali jixraqlu l-​konsiderazzjoni tagħna b’imħabba, u għala?

11 Pietru qal ukoll li Kristjan għandu ‘jkollu mħabba lejn is-​sħubija tal-​aħwa.’ (1 Pietru 2:17) Din hi responsabbiltà oħra li tiġi mal-​libertà Kristjana. Il-​biċċa l-​kbira minna nappartjenu lil xi kongregazzjoni. Tabilħaqq, ilkoll kemm aħna nappartjenu lis-​sħubija, jew organizzazzjoni, internazzjonali taʼ aħwa. Li nuru mħabba lejn dawn huwa użu għaqli tal-​libertà tagħna.​—Ġwann 15:​12, 13.

12 L-​appostlu Pawlu indika grupp taʼ Kristjani li b’mod speċjali jixirqilhom l-​imħabba tagħna. Hu qal: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qegħdin jieħdu t-​tmexxija fostkom u kunu sottomessi, għax huma qegħdin igħassu fuq erwieħkom bħala dawk li se jagħtu kont; biex jistgħu jagħmlu dan bil-​ferħ u mhux bit-​tnegħid, għax dan ikun taʼ ħsara għalikom.” (Ebrej 13:17) Dawk li qegħdin jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni huma l-​anzjani. Veru, dawn l-​irġiel m’humiex perfetti. Madankollu, huma jiġu maħturin taħt id-​direzzjoni tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Huma jiggwidaw bl-​eżempju u bil-​konsiderazzjoni, u huma jiġu nkarigati biex igħassu fuq erwieħna. X’inkarigu taʼ piż! (Ebrej 13:7) B’ferħ, il-​biċċa l-​kbira mill-​kongregazzjonijiet għandhom spirtu mill-​aħjar u koperattiv, u huwa taʼ ferħ għall-​anzjani li jaħdmu magħhom. Huwa iżjed diffiċli meta individwi ma jixtiqux li jikkoperaw. L-​anzjan xorta waħda jagħmel xogħlu, imma kif igħid Pawlu, hu jagħmlu bit-​“tnegħid.” Ċertament, aħna ma rridux li nġagħlu lill-​anzjani jitniegħdu! Aħna rriduhom li jsibu ferħ fix-​xogħol tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibnuna.

13. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nikkoperaw mal-​anzjani?

13 X’inhuma xi modi li bihom nistgħu nikkoperaw mal-​anzjani? Wieħed hu billi ngħinu fiż-​żamma u t-​tindif tas-​Sala tas-​Saltna. Ieħor hu billi nikkoperaw fix-​xogħol taż​—żjarat lill-​morda u l-​għajnuna lill-​ħandikappati. Jerġaʼ, nistgħu nħabirku biex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment, sabiex ma nsirux taʼ piż. Qasam importanti taʼ koperazzjoni hu fiż-​żamma tal-​indafa morali u spiritwali tal-​kongregazzjoni, kemm bil-​kondotta tagħna stess u kif ukoll billi nirrapportaw każi taʼ dnub serju li jiġi għall-​attenzjoni tagħna.

14. Kif għandna nikkoperaw maʼ xi azzjoni dixxiplinarja meħuda mill-​anzjani?

14 Xi drabi, sabiex iżommu l-​kongregazzjoni nadifa, l-​anzjani jkollhom jaqtgħu mis-​sħubija lil min jagħmel il-​ħażin u ma jindimx. (1 Korintin 5:​1-5) Dan jipproteġi lill-​kongregazzjoni. Jistaʼ wkoll igħin lil dak li għamel il-​ħażin. Taʼ spiss, dixxiplina bħal din għenet biex iġġib lill-​midneb f’sensih. Xi ngħidu, iżda, jekk dak li jinqataʼ mis-​sħubija huwa ħabib tal-​qalb jew qarib? Nassumu li l-​individwu hu missierna jew ommna jew xi wieħed minn uliedna. Nirrispettaw xorta waħda l-​azzjoni meħuda mill-​anzjani? Veru, jistaʼ jkun diffiċli. Imma x’abbuż tal-​libertà tagħna jkun dak jekk niddubitaw id-​deċiżjoni tal-​anzjani u nibqgħu nassoċjaw spiritwalment maʼ wieħed li wera li hu influwenza li tikkorrompi fil-​kongregazzjoni! (2 Ġwann 10, 11) In-​nies taʼ Jehovah bħala poplu taʼ min ifaħħarhom għall-​mod kif jikkoperaw f’affarijiet bħal dawn. Bħala riżultat, l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah tibqaʼ mingħajr tinġis f’din id-​dinja maħmuġa.​—Ġakbu 1:27.

15. Jekk individwu jikkommetti xi dnub serju, x’għandu jagħmel immedjatament?

15 X’jiġri jekk aħna nikkommettu dnub serju? Is-​Sultan David iddeskriva lil dawk li lilhom Jehovah jiffavorixxi meta qal: “Min jistaʼ jitlaʼ fuq il-​muntanja taʼ Jehovah, u min jistaʼ jqum fil-​post qaddis tiegħu? Kulmin huwa innoċenti f’idejh u nadif fil-​qalb, li ma ġarrx lil Ruħi lejn ħlief il-​frugħa, lanqas ma ħalef bil-​qerq.” (Salm 24:​3, 4) Jekk għal xi raġuni m’għadniex ‘innoċenti f’idejna u nodfa fil-​qalb,’ irridu naġixxu b’urġenza. Il-​ħajja taʼ dejjem tagħna qiegħda f’periklu.

16, 17. Wieħed li jkun ħati taʼ dnubiet serji għala m’għandux jipprova jsolvi l-​kwistjoni waħdu?

16 Xi wħud ġew ittantati li jaħbu dnubiet serji, forsi billi jirraġunaw: ‘Jien stqarrejt dnubi maʼ Jehovah u ndimt. Mela għala ninvolvi lill-​anzjani?’ Dak li jagħmel il-​ħażin jistaʼ jħossu mbarazzat jew beżgħan dwar x’jistgħu jagħmlu l-​anzjani. Hu għandu, madankollu, jiftakar li għalkemm Jehovah waħdu jistaʼ jnaddafna mid-​dnub, Hu għamel lill-​anzjani primarjament responsabbli għall-​purità tal-​kongregazzjoni. (Salm 51:2) Huma jinsabu hemm għall-​fejqan, biex “[i]l-qaddisin jiġu aġġustati mill-​ġdid.” (Efesin 4:12) Li ma mmorrux għandhom meta jkollna bżonn għajnuna spiritwali hu bħal meta ma mmorrux għand tabib meta nkunu morda.

17 Xi wħud li jipprovaw jittrattaw il-​problemi waħidhom isibu li xhur jew snin wara, il-​kuxjenza tagħhom tibqaʼ tinkwetahom bl-​aħrax. Saħansitra agħar minn hekk, oħrajn li jaħbu żball serju jaqgħu fid-​dnub għat-​tieni u saħansitra għat-​tielet darba. Meta l-​ħaġa fl-​aħħar tiġi għall-​attenzjoni tal-​anzjani, issir każ taʼ għemil ħażin ripetut. Kemm hu aħjar li ssegwi l-​parir taʼ Ġakbu! Hu kiteb: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħa jsejjaħ lill-​irġiel ixjeħ tal-​kongregazzjoni għandu, u ħalliehom jitolbu fuqu, billi jidilkuh biż-​żejt f’isem Jehovah.” (Ġakbu 5:14) Mur għand l-​anzjani filwaqt li għadu żmien taʼ fejqan. Jekk inħallu wisq żmien, nistgħu nsiru mwebbsin f’xi korsa taʼ dnub.​—Ekkleżjasti 3:3; Isaija 32:​1, 2.

Apparenza u Rikreazzjoni

18, 19. Wieħed qassis għala kkummenta b’mod favorevoli dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah?

18 Ħames snin ilu, f’rivista tal-​parroċċa, qassis Kattoliku fl-​Italja tkellem b’simpatija dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah.a Hu qal: “Personalment, jien jogħġbuni x-​Xhieda taʼ Jehovah; nammettiha bl-​onestà. . .. Dawk li naf jien iġibu ruħhom b’mod impekkabbli, jitkellmu bil-​ħlewwa. . .[u] mill-​iktar perswassivi. Meta se nifhmu li l-​verità teħtieġ preżentazzjoni aċċettabbli? Li dawk li jħabbru l-​verità m’għandhomx ikunu nofs qalb, jintnu, imqanfdin, traskurati?”

19 Skond dawn il-​kelmiet, il-​qassis ġie mpressjonat, fost affarijiet oħrajn, bil-​mod kif ix-​Xhieda kienu libsin u kif ippreżentaw lilhom infushom. Ovvjament, dawk li ltaqaʼ magħhom kienu semgħu mill-​parir mogħti mill-​“irsir fidil u diskret” matul is-​snin. (Mattew 24:45) Il-​Bibbja tgħid li l-​ilbies tan-​nisa għandu jkun ‘irranġat tajjeb u modest.’ (1 Timotew 2:9) F’dan iż-​żmien taʼ livelli baxxi, dak il-​parir hu neċessarju għall-​irġiel ukoll. M’hijiex ħaġa loġika li rappreżentanti tas-​Saltna t’Alla għandhom jippreżentaw lilhom infushom b’mod diċenti lil nies taʼ barra?

20. Kristjan għala għandu jkun konxju dwar ilbiesu l-​ħin kollu?

20 Xi wħud jistgħu jaqblu li għal-​laqgħat u fis-​servizz, għandhom ikunu attenti dwar kif jilbsu, iżda forsi jħossu li prinċipji Bibliċi ma japplikawx f’ħinijiet oħrajn. Iżda, nieqfu xi darba aħna milli nkunu rappreżentanti tas-​Saltna t’Alla? Veru, iċ-​ċirkostanzi jvarjaw. Jekk qegħdin ngħinu biex nibnu Sala tas-​Saltna, se nilbsu differenti minn meta nattendu għal xi laqgħa f’dik l-​istess Sala tas-​Saltna. Meta nkunu nistrieħu, wisq probabbli se nilbsu b’manjiera iżjed rilassata. Imma kulmeta jarawna oħrajn, ħwejjiġna għandhom dejjem ikunu rranġati tajjeb u modesti.

21, 22. Aħna kif ġejna protetti kontra rikreazzjoni li tagħmel il-​ħsara, u b’liema mod għandna nħarsu lejn il-​pariri li ningħataw fuq materji bħal dawn?

21 Qasam ieħor li rċieva ħafna attenzjoni hu r-​rikreazzjoni. Il-​bnedmin​—b’mod partikulari ż-​żgħażagħ​—jinħtieġu r-​rikreazzjoni. M’huwiex dnub jew ħela taʼ ħin li twarrab ħin biex il-​familja tirrilassa ruħha. Saħansitra Ġesù stieden lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jistrieħu ftit.’ (Mark 6:31) Imma oqgħod attent li r-​rikreazzjoni ma tiftaħx il-​bieb għall-​kontaminazzjoni spiritwali. Qegħdin ingħixu f’dinja fejn ir-​rikreazzjoni tenfasizza immoralità sesswali, vjolenza grassa, terrur, u spiritiżmu. (2 Timotew 3:3; Rivelazzjoni 22:15) L-​irsir fidil u diskret jaf b’dawn il-​perikli u kontinwament iwissina kontra tagħhom. Tħoss int li dawn it-​tfakkiriet huma ndħil fil-​libertà tiegħek? Jew tħossok grat li l-​organizzazzjoni taʼJehovah jimpurtaha daqstant minnek li kontinwament tiġbidlek l-​attenzjoni lejn dawn il-​perikli?​—Salm 19:7; 119:95.

22 Qatt tinsa li għalkemm il-​libertà tagħna tiġi mingħand Jehovah, aħna responsabbli dwar kif nużawha. Jekk ninjoraw pariri tajbin u nieħdu deċiżjonijiet ħżiena, ma nistgħux inwaħħlu f’xi ħadd ieħor. L-​appostlu Pawlu jgħid: “Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu ’l Alla.”​—Rumani 14:12; Ebrej 4:13.

Fittex għal-​Libertà tat-​Tfal t’Alla

23. (a) Liema barkiet rigward il-​libertà ngawdu issa? (b) Liema barkiet nistennew bil-​ħerqa?

23 Aħna tassew poplu mbierek. Aħna ħelsin mir-​reliġjon falza u mis-​superstizzjoni. B’radd il-​ħajr għas-​sagrifiċċju bħala rahan, nistgħu navviċinaw lil Jehovah b’kuxjenza mnaddfa, ħelsin b’mod spiritwali mill-​jasar għad-​dnub u l-​mewt. U dalwaqt se jiġi “l-​kxif taʼ wlied Alla.” F’Armageddon, ħut Ġesù fil-​glorja tagħhom tas-​sema se jinkixfu lill-​bnedmin bħala dawk li jeqirdu lill-​għedewwa taʼ Jehovah. (Rumani 8:19; 2 Tessalonkin 1:​6-8; Rivelazzjoni 2:​26, 27) Wara dan, dawn l-​ulied t’Alla se jinkixfu bħala mezzi taʼ barkiet li jgelglu mit-​tron t’Alla għall-​bnedmin. (Rivelazzjoni 22:​1-5) Eventwalment, dan il-​kxif taʼ wlied Alla se jirriżulta fil-​barka tal-​bnedmin leali bil-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla. Tixxennaq int għal dak iż-​żmien? Mela uża l-​libertà Kristjana tiegħek bil-​għaqal. Tjassar issa għal Alla, u se tgawdi dik il-​libertà tal-​għaġeb għall-​eternità kollha!

[Nota taʼ taħt]

a l-qassis iktar tard irtira t-​tifħir tiegħu, mid-​dehra taħt pressjoni.

Kaxxa taʼ Reviżjoni

◻ Il-​midlukin u n-​ngħaġ oħra kif igglorifikawh lil Jehovah?

◻ Il-​Kristjani għala għandhom jonoraw lill-​awtorità sekulari?

◻ B’liema modi jistaʼ Kristjan jikkopera mal-​anzjani?

◻ Rigward l-​ilbies, ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala jispikkaw bħala differenti minn ħafna fid-​dinja?

◻ X’għandna nevitaw meta niġu għar-​rikreazzjoni?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja