LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 5/1 pp. 18-21
  • Il-Kristjanità tal-Bidu u l-Istat

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kristjanità tal-Bidu u l-Istat
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mhux Tad-​Dinja Imma Mhux Ostili
  • Unur, Mhux Qima
  • “Apparti Mis-​Soċjetà”
  • Lil Ċesri Nagħtuh “Dak Li Ħaqqu”
  • Bilanċ Bir-​Reqqa Bejn Żewġ Awtoritajiet F’Kompetizzjoni
  • Kompromess Maʼ L-​Istat
  • Il-Kristjani Bikrin u d-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Alla u Ċesri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • X’Inhu li Jagħmlu Tajjeb lil Ċittadin?
    Stenbaħ!—1999
  • Nagħtu Lura l-Affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 5/1 pp. 18-21

Il-​Kristjanità tal-​Bidu u l-​Istat

FTIT sigħat qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “M’intomx tad-​dinja, għax jiena ħriġtkom mid-​dinja, id-​dinja tobgħodkom.” (Ġwann 15:19) Ifisser dan, iżda, li l-​Kristjani kellhom jadottaw attitudni ostili lejn l-​awtoritajiet taʼ din id-​dinja?

Mhux Tad-​Dinja Imma Mhux Ostili

L-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani li kienu qegħdin jgħixu Ruma: “Kull bniedem għandu jobdi lil l-​awtorità taʼ fuqu.” (Rumani 13:1) Bl-​istess mod, l-​appostlu Pietru kiteb: “Għal l-​imħabba tal-​Mulej baxxu raskom għal kull awtorità tal-​bnedmin: Kemm għas-​sultan bħala l-​aqwa wieħed, u kemm għall-​gvernaturi, li hu qiegħed biex jikkastigaw lil min jagħmel il-​ħażin u jfaħħru lil min jagħmel it-​tajjeb.” (1 Pietru 2:13, 14) Sottomissjoni lejn l-​Istat u lejn ir-​rappreżentanti maħturin kif jixraq tiegħu kienet prinċipju aċċettat fost il-​Kristjani bikrin. Huma stinkaw biex ikunu ċittadini li jobdu l-​liġi u biex jgħixu fil-​paċi mal-​bnedmin kollha.—Rumani 12:18.

Taħt is-​suġġett “Il-​Knisja u L-​Istat,” The Encyclopedia of Religion tiddikjara: “Fl-​ewwel

tliet sekli AD il-​knisja Kristjana kienet fil-​biċċa l-​kbira iżolata mis-​soċjetà Rumana uffiċċjali . . . Minkejja dan, mexxejja Kristjani . . . għallmu l-​ubbidjenza lejn il-​liġi Rumana u lealtà lejn l-​imperatur, fil-​limiti mpoġġijin mill-​fidi Kristjana.”

Unur, Mhux Qima

Il-​Kristjani ma kinux ostili lejn l-​imperatur Ruman. Huma rrispettaw l-​awtorità tiegħu u tawh l-​unur li kien jistħoqq lill-​grad tiegħu. Matul il-​ħakma taʼ l-​Imperatur Neruni, l-​appostlu Pietru kiteb lill-​Kristjani li kienu jgħixu f’diversi partijiet taʼ l-​Imperu Ruman: “Agħtu ġieh lil kulħadd. . . . weġġhu lis-​sultan.” (1 Pietru 2:17) Il-​kelma “sultan” kienet użata f’dinja fejn kienu jitkellmu bil-​Grieg mhux biss għal slaten lokali imma wkoll għall-​imperaturi Rumani. L-​appostlu Pawlu ta parir lill-​Kristjani li kienu jgħixu fil-​kapitali taʼ l-​Imperu Ruman: “Agħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, . . . ġieh lil min imissu l-​ġieh.” (Rumani 13:7) L-​imperatur Ruman ċertament li esiġa unur. Maż-​żmien, hu saħansitra esiġa qima. Iżda, il-​Kristjani bikrin kienu jafu sa fejn għandhom jaslu.

Fil-ġuri tiegħu quddiem prokonslu Ruman fit-​tieni seklu E.K., Polikarpu ġie rrapportat li ddikjara: “Jien Kristjan. . . . Aħna mgħallmin biex nagħtu l-​unur kollu dovut . . . lis-setgħat u l-​awtoritajiet li huma mwaqqfin minn Alla.” Polikarpu għażel, madankollu, li jmut minflok ma jqim l-​imperatur. L-​apoloġist tat-​tieni seklu Teofilus t’Antijokija kiteb: “Jien nippreferi nonora lill-​imperatur, mhux tabilħaqq li nqimu, imma billi nitlob għalih. Imma lil Alla, dak Alla ħaj u veru jien inqim.”

Talb xieraq rigward l-​imperatur ma kellu ebda konnessjoni mal-​qima taʼ l-​imperatur jew man-​nazzjonaliżmu. L-​appostlu Pawlu spjega l-​iskop taʼ talb bħal dan. “Nitolbok l-​ewwelnett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd-il-ħajr għall-​bnedmin kollha: għas-​slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-​kwiet u fis-​sliem, fit-​tjieba u kif jixraq.”—1 Timotju 2:1, 2.

“Apparti Mis-​Soċjetà”

Din il-​kondotta taʼ rispett min-​naħa taʼ Kristjani bikrin ma ġabitilhomx il-​ħbiberija tad-​dinja li fiha kienu jgħixu. A. Hamman, kittieb Franċiż taʼ l-​istorja, jirrakkonta li Kristjani bikrin “għexu apparti mis-​soċjetà.” Huma attwalment għexu apparti minn żewġ soċjetajiet, dik Lhudija u dik Rumana, billi ħabbtu wiċċhom maʼ tant preġudizzju u nuqqas taʼ komprensjoni mit-​tnejn.

Per eżempju, meta ġie akkużat b’mod falz mill-​mexxejja Lhud, l-​appostlu Pawlu, fid-​difiża tiegħu quddiem il-​gvernatur Ruman stqarr: “Jien ma nqast xejn, la kontra l-​liġi tal-​Lhud, la kontra t-​tempju u lanqas kontra Ċesari. . . . Nappella għal quddiem Ċesari!” (Atti 25:8, 11) Konxju li l-​Lhud kienu qegħdin jikkomplottaw biex joqtluh, Pawlu appella lil Neruni, billi b’hekk irrikonoxxa l-​awtorità taʼ l-​imperatur Ruman. Sussegwentement, fl-​ewwel ġuri tiegħu f’Ruma, milli jidher Pawlu ġie meħlus. Imma iktar tard reġaʼ ġie mitfugħ il-​ħabs, u skond it-​tradizzjoni ġie mogħti l-​esekuzzjoni bl-​ordni taʼ Neruni.

Rigward il-​pożizzjoni diffiċli tal-​Kristjani bikrin fis-​soċjetà Rumana, is-​soċjologu u teologu Ernst Troeltsch kiteb: “Kull inkarigu u prospett li kellhom kwalunkwe konnessjoni mal-​qima taʼ l-​idoli, jew mal-​qima taʼ l-​Imperatur, jew dawk li kellhom x’jaqsmu b’xi mod mat-​tixrid taʼ demm jew mal-​piena kapitali, jew dawk li kienu jġibu lill-​Kristjani f’kuntatt maʼ l-​immoralità pagana ġew esklużi.” Din il-​pożizzjoni ma ħalliet ebda lok għal relazzjoni paċifika u taʼ rispett reċiproku bejn il-​Kristjani u l-​Istat?

Lil Ċesri Nagħtuh “Dak Li Ħaqqu”

Ġesù pprovda prinċipju li kellu jiggverna l-​kondotta Kristjana lejn l-​Istat Ruman jew, biex ngħidu hekk, lejn kwalunkwe gvern ieħor, meta ddikjara: “Agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” (Mattew 22:21) Dan il-​parir lis-​segwaċi taʼ Ġesù kien f’kuntrast li jispikka maʼ l-​attitudni taʼ ħafna Lhud nazzjonalistiċi li kienu kontra d-​dominanza Rumana u kkontestaw dwar kemm kien legali li jħallsu t-​taxxi lil potenza barranija.

Iktar tard, Pawlu qal lill-​Kristjani li kienu jgħixu Ruma: “Għalhekk jeħtieġ li toqogħdu għal l-​awtoritajiet​—mhux biss minħabba l-​korla, imma wkoll minħabba l-​kuxjenza. Għalhekk ukoll ħallsu t-​taxxi; għax l-​awtoritajiet [governattivi] huma uffiċjali taʼ Alla għal dan ix-​xogħol. Meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin jaqdu dmirhom. Agħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, t-​taxxi lil min imissu t-​taxxi, dazju lil min imissu d-​dazju.” (Rumani 13:5-7) Waqt li l-​Kristjani ma kienu ebda parti mid-​dinja, huma kellhom l-​obbligu li jkunu ċittadini onesti, li jħallsu t-​taxxi, billi jħallsu lill-​Istat għas-​servizzi li jingħataw.—Ġwann 17:16.

Imma huwa l-​kliem taʼ Ġesù llimitat għal li jitħallsu t-​taxxi? Ladarba Ġesù ma tax definizzjoni eżatta taʼ dak li huwa taʼ Ċesri u dak li huwa t’Alla, hemm xi każi diskutibbli li jridu jiġu deċiżi skond il-​kuntest jew skond il-​fehma tagħna tal-​Bibbja kollha kemm hi. Fi kliem ieħor, li Kristjan jiddeċiedi liema affarijiet jistaʼ jagħti lil Ċesri xi drabi jkun jinvolvi l-​kuxjenza tal-​Kristjan, skond kif tkun illuminata minn prinċipji Bibliċi.

Bilanċ Bir-​Reqqa Bejn Żewġ Awtoritajiet F’Kompetizzjoni

Ħafna nies għandhom it-​tendenza li jinsew li wara li stqarr li l-​affarijiet taʼ Ċesri għandhom jingħataw lura lilu, Ġesù żied: “U lil Alla [agħtuh] dak li hu taʼ Alla.” L-​appostlu Pietru wera fejn qiegħda l-​prijorità għall-​Kristjani. Immedjatament wara li rrikmanda parir dwar sottomissjoni lejn is-​“sultan,” jew l-​imperatur, u l-​“gvernaturi” tiegħu, Pietru kiteb: “Għixu bħala nies ħielsa, mhux li tinqdew bil-​ħelsien tagħkom biex bħallikieku tgħattu l-​ħażen, imma bħala qaddejja taʼ Alla. Agħtu ġieh lil kulħadd. Ħobbu lil l-​aħwa, qimu lil Alla, weġġhu lis-​sultan.” (1 Pietru 2:16, 17) L-​appostlu wera li l-​Kristjani huma rsiera t’Alla, mhux taʼ ħakkiem uman. Waqt li għandhom juru unur u rispett xierqa għar-​rappreżentanti taʼ l-​Istat, huma għandhom jagħmlu hekk fil-biżaʼ t’Alla, li l-​liġijiet tiegħu huma supremi.

Snin qabel Pietru ma kien ħalla l-​ebda dubju dwar il-​preeminenza tal-​liġi t’Alla fuq dik tal-​bniedem. Is-​Sinedriju Lhudi kien ġemgħa amministrattiva li r-​Rumani kienu tawh awtorità kemm ċivili kif ukoll reliġjuża. Meta dan ordna lis-​segwaċi taʼ Ġesù biex jieqfu jgħallmu f’isem Kristu, Pietru u l-​appostli l-​oħrajn wieġbu bir-​rispett kollu imma b’mod sod: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli ’il-bnedmin.” (Atti 5:29) B’mod ċar, il-​Kristjani bikrin kellhom iżommu bilanċ bir-​reqqa bejn ubbidjenza lejn Alla u sottomissjoni xierqa lejn l-​awtoritajiet umani. Tertuljanu poġġieha b’dan il-​mod kmieni fit-​tielet seklu E.K.: “Jekk kollox huwa taʼ Ċesari, x’se jibqaʼ għal Alla?”

Kompromess Maʼ L-​Istat

Hekk kif għadda ż-​żmien, il-​pożizzjoni adottata mill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu f’relazzjoni maʼ l-​Istat bil-​mod il-​mod iddgħajfet. L-​apostasija mbassra minn Ġesù u l-​appostli ffjorixxiet fit-​tieni u t-​tielet sekli E.K. (Mattew 13:37, 38; Atti 20:29, 30; 2 Tessalonkin 2:3-12; 2 Pietru 2:1-3) Il-​Kristjanità apostata għamlet kompromessi mad-​dinja Rumana, adottat il-​festi pagani tagħha u l-​filosofija tagħha u aċċettat mhux biss servizz ċivili imma wkoll servizz militari.

Il-professur Troeltsch kiteb: “Mit-​tielet seklu ’l hawn is-​sitwazzjoni saret iktar diffiċli, għax il-​Kristjani saru iktar numerużi fil-​pożizzjonijiet għoljin tas-​Soċjetà u fil-​professjonijiet iktar eminenti, fl-​armata u fi sferi uffiċċjali. F’diversi passaġġi mill-​kitbiet Kristjani [mhux Bibliċi] hemm protesti b’rabja kontra l-​parteċipazzjoni f’dawn l-​affarijiet; mill-​banda l-​oħra, insibu wkoll attentati taʼ kompromess​—argumenti mfasslin biex jikkwitaw it-​tingiż tal-​kuxjenzi . . . Minn żmien Kostantinu dawn id-​diffikultajiet sparixxew; in-​nuqqas taʼ qbil bejn il-​Kristjani u l-​pagani waqaf, u l-​inkarigi kollha saru disponibbli.”

Lejn it-​tmiem tar-​rabaʼ seklu E.K., din il-​forma mħallta u kompromettenti taʼ Kristjanità saret ir-​reliġjon Statali taʼ l-​Imperu Ruman.

Matul l-​istorja tiegħu, il-​Kristjaneżmu—irrappreżentat mill-​Knejjes Kattoliċi, Ortodossi, u Protestanti—​kompla jagħmel kompromessi maʼ l-​Istat, billi jsir iktar involut fil-​fond fil-​politika tiegħu u billi jappoġġjah fil-​gwerer tiegħu. Bosta membri sinċieri tal-​knejjes li baqgħu xxokkjati b’dan bla dubju se jieħdu gost ikunu jafu li hemm Kristjani llum li jżommu l-​pożizzjoni tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu fir-​relazzjoni tagħhom maʼ l-​Istat. Iż-​żewġ artikli li jmiss se jiddiskutu l-​kwistjoni iktar fid-​dettall. (w96 5/1)

[Stampa f’paġna 18]

Ċesri Neruni, li dwaru kiteb Pietru: “Weġġhu lis-​sultan”

[Sors]

Musei Capitolini, Ruma

[Stampa f’paġna 19]

Polikarpu għażel li jmut minflok ma jqim lill-​imperatur

[Stampa f’paġna 20]

Il-​Kristjani bikrin kienu ċittadini paċifiċi, onesti, u jħallsu t-​taxxi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja