LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 11/1 pp. 19-21
  • Li Tagħraf il-Prinċipju Jirrifletti l-Maturità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Li Tagħraf il-Prinċipju Jirrifletti l-Maturità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Irġiel Taʼ Prinċipju Divin
  • Il-​Prinċipji u L-​Qalb
  • Ħares Lil Hinn Mil-​Liġi
  • Ħalli l-Prinċipji Divini Jiggwidawlek il-Passi Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Il-Prinċipji tal-Bibbja Kif Inhuma ta’ Ġid Għalina?
    Aħbar Tajba Mingħand Alla!
  • Il-Prinċipji Divini Jistgħu Jkunu taʼ Benefiċċju Għalik
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 11/1 pp. 19-21

Li Tagħraf il-​Prinċipju Jirrifletti l-​Maturità

SĦUBIJA ħażina tħassar id-​drawwiet tajbin. Dak li tiżraʼ taħsad. (1 Korintin 15:33; Galatin 6:7) Kemm jekk fiżikament u kemm jekk spiritwalment, kull waħda minn dawn l-​istqarrijiet hija eżempju taʼ verità fundamentali​—taʼ prinċipju—​u kull waħda tipprovdi bażi għal liġijiet. Il-​liġijiet, iżda, jistgħu jiġu u jmorru, u dawn ġeneralment ikunu speċifiċi. Il-​prinċipji, mill-​banda l-​oħra, huma vasti, u jistgħu jservu għal dejjem. B’hekk, il-​Kelma t’Alla tinkuraġġina naħsbu f’termini taʼ prinċipji fejn hu possibbli.

Webster’s Third New International Dictionary jiddefinixxi prinċipju bħala “verità ġenerali jew fundamentali: liġi, duttrina, jew ħsieb komprensiv u fundamentali li fuqhom oħrajn huma bbażati jew li ġejjin minnhom.” Per eżempju, lil tifel żgħir, wieħed jistaʼ jagħtih il-​liġi: “Tmissx il-​forn.” Imma lil xi ħadd adult ikun biżżejjed li tgħidlu: “Il-​forn jaħraq.” Innota li t-​tieni waħda hija stqarrija iktar fundamentali. Peress li din għandha x’taqsam maʼ x’wieħed jistaʼ jagħmel​—forsi jsajjar, jaħmi, jew jitfi l-​forn—​f’ċertu sens din issir prinċipju.

Il-prinċipji bażiċi tal-​ħajja, m’għandniex xi ngħidu, huma spiritwali; dawn jiggvernaw il-​qima tagħna lejn Alla u l-​hena tagħna. Xi wħud, iżda, joqogħdu lura milli jagħmlu l-​isforz meħtieġ biex jirraġunaw fuq prinċipji. Jippreferu l-​konvenjenza taʼ xi regola meta jkunu jridu jieħdu xi deċiżjoni. Dan m’huwiex għaqli u huwa f’kuntrast maʼ l-​eżempju stabbilit minn irġiel leali tal-​qedem fi żminijiet Bibliċi.—Rumani 15:4.

Irġiel Taʼ Prinċipju Divin

Fost il-​bnedmin imperfetti, Abel setaʼ jissejjaħ l-​ewwel raġel taʼ prinċipju divin. X’aktarx li hu ħaseb ħafna fuq il-​wegħda rigward in-​‘nisel’ u fehem li l-​fidwa mid-​dnub kellha tinvolvi sagrifiċċju bid-​demm. (Ġenesi 3:15) B’hekk hu offra ’l Alla “mill-​bikri tal-​merħla tiegħu.” Il-​frażi “mill-​grass tagħhom” turi li Abel ta lil Jehovah l-​aħjarnett tiegħu. Madankollu, kellhom jgħaddu ’l fuq minn elfejn sena wara l-​mewt t’Abel qabel ma Alla għall-​ewwel darba ddetta b’mod ċar il-​ħtiġijiet dettaljati li għandhom x’jaqsmu mas-​sagrifiċċji. B’kuntrast m’Abel, li kien raġel taʼ prinċipju u li kellu l-​biżaʼ t’Alla, ħuh Kajjin deher li għamel speċi taʼ sagrifiċċju lil Alla. Imma l-​attitudni tiegħu ma tantx kienet kif għandha tkun. Kien hemm xi ħaġa dwar l-​offerta tiegħu li indikat qalb nieqsa minn prinċipju.—Ġenesi 4:3-5.

Noè wkoll kien raġel taʼ prinċipju divin. Fil-​waqt li r-​rakkont tal-​Bibbja juri li Alla kkmandah speċifikament biex jibni arka, ma naqraw dwar l-​ebda kmand li hu kellu jippriedka ’l oħrajn. Safrattant, Noè hu msejjaħ “il-​ħabbâr tal-​ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Avolja Alla x’aktarx li dderieġa lil Noè biex jippriedka, is-​sens tiegħu taʼ prinċipju u l-​imħabba tiegħu għal għajru bla dubju qanqluh ukoll biex jagħmel hekk. Ladarba aħna ngħixu fi żminijiet bħal taʼ Noè, ejjew nimitaw l-​attitudni u l-​eżempju mill-​aħjar tiegħu.

Ġesù għallem lin-​nies jaħsbu f’termini taʼ prinċipji, mhux bħall-​kleru taʼ żmienu. Il-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja hija eżempju wieħed. Din tisħaq mill-​bidu sa l-​aħħar fuq il-​prinċipju. (Mattew, kapitli 5-7) Ġesù għallem b’dan il-​mod għax, bħal Abel u Noè taʼ qablu, hu verament kien jafu lil Alla. Saħansitra bħala tfajjel, hu rrispetta l-​verità fundamentali: “Mhux bil-​ħobż biss . . . imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-​Mulej, b’dan jgħix il-​bniedem.” (Dewteronomju 8:3; Luqa 2:41-47) Iva, il-​qofol taʼ li tkun persuna taʼ prinċipju divin huwa li tassew tkun taf lil Jehovah, tkun taf x’jogħġbu u x’ma jogħġbux, u taf l-​iskopijiet tiegħu. Meta dawn l-​affarijiet fundamentali dwar Alla jiggvernaw ’il-ħajjiet tagħna, dawn isiru, fil-​fatt, prinċipji ħajjin.—Ġeremija 22:16; Lhud 4:12.

Il-​Prinċipji u L-​Qalb

Huwa possibbli li wieħed jobdi l-​liġi biss kontra qalbu, forsi minħabba li jibżaʼ minn xi kastig għad-​diżubbidjenza. Li wieħed ikun fi qbil maʼ prinċipju, madankollu, jeskludi attitudni bħal din, għaliex hija fin-​natura nfisha tal-​prinċipji li biex wieħed ikun iggvernat minnhom irid jaġixxi mill-​qalb. Ikkunsidra lil Ġużeppi li, bħal Abel u Noè, għex qabel ġie stabbilit il-​patt tal-​Liġi Mosajka. Meta mart Putifar ipprovat tisseduċih, Ġużeppi wieġeb: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla[?]” Iva, Ġużeppi kien jaf il-​prinċipju li raġel u mara miżżewġin huma “ġisem wieħed.”—Ġenesi 2:24; 39:9.

Illum id-​dinja m’għadx baqgħalha prinċipji retti. Din titħanżer fuq il-​vjolenza u l-​immoralità. Il-​periklu huwa li Kristjan jistaʼ jiġi ttantat biex inaqqar, forsi bil-​moħbi, mill-​istess ikel bla sustanza​—il-​films, videos, jew kotba. Kemm ikun jistħoqqilna tifħir, mela, meta aħna bħal Ġużeppi nirrifjutaw minħabba l-​prinċipji dak li hu ħażin, billi niftakru li Alla se jippreserva minn ġod-​“diqa kbira” li ġejja lil dawk biss li huma leali. (Mattew 24:21) Iva, huwa primarjament dak li aħna fil-​privat, mhux fil-​pubbliku, li jikxef x’aħna verament minn ġewwa.—Salm 11:4; Proverbji 15:3.

Jiġri li, jekk inkunu ggwidati minn prinċipji Bibliċi, m’aħniex se nfittxu dawk li forsi wieħed jaħsibhom toqob fil-​liġijiet t’Alla; lanqas ma se nipprovaw naraw sa fejn nistgħu naslu mingħajr ma attwalment niksru l-​liġi. Tkun qed tqarraq bik innifsek jekk taħseb hekk; fl-​aħħar mill-​aħħar int se tweġġaʼ.

Ħares Lil Hinn Mil-​Liġi

M’għandniex xi ngħidu, il-​liġijiet għandhom irwol vitali fil-​ħajja taʼ Kristjan. Qishom għassiesa li jgħinu biex jipproteġuna, u fil-​qalba tagħhom hemm ħafna prinċipji importanti. Jekk nonqsu li nifhmu dawn il-​prinċipji, l-​imħabba tagħna għal liġijiet relatati tistaʼ tibred. Dan nistgħu narawh mill-​ġens antik taʼ Iżrael.

Lil Iżrael Alla tahom l-​Għaxar Kmandamenti, li l-​ewwel wieħed minnhom ipprojbixxa l-​qima taʼ kull alla ieħor għajr Jehovah. Li Jehovah ħalaq kull ħaġa hija verità fundamentali wara din il-​liġi. (Eżodu 20:3-5) Imma l-​ġens għex skond dan il-​prinċipju? Jehovah stess iwieġeb: “Lil biċċa għuda jgħidulha: ‘Int missieri!’ u lill-​ġebla: ‘Int wilidtni![’] Għax huma tawni daharhom, u ma tawnix wiċċhom!” (Ġeremija 2:27) Xi bluha kiefra u bla prinċipju! U kemm weġġgħatlu qalbu lil Jehovah.—Salm 78:40, 41; Isaija 63:9, 10.

Il-Kristjani wkoll għandhom liġijiet minn Alla. Per eżempju, huma għandhom jevitaw l-​idolatrija, l-​immoralità sesswali, u l-​użu ħażin tad-​demm. (Atti 15:28, 29) Meta toqgħod taħseb dwar dan, nistgħu naraw xi prinċipji hemm warajhom, bħalma huma: Alla jistħoqqlu d-​devozzjoni esklussiva tagħna; aħna rridu nkunu leali lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna; u Jehovah huwa d-​Donatur tal-​Ħajja tagħna. (Ġenesi 2:24; Eżodu 20:5; Salm 36:9) Jekk nifhmu kif ukoll napprezzaw b’mod profond il-​prinċipji wara dawn id-​direttivi, naraw li dawn qegħdin għall-​ġid tagħna stess. (Isaija 48:17) Għalina, “il-​kmandamenti tiegħu [t’Alla] m’humiex tqal.”—1 Ġwann 5:3.

Fil-waqt li l-​Iżraeliti darba kienu jinjoraw il-​kmandamenti t’Alla, sa żmien Ġesù “d-​dutturi tal-​liġi,” l-​iskribi, kienu marru fl-​estrem l-​ieħor. Dawn kienu fformulaw muntanja taʼ regoli u tradizzjonijiet li fixklu l-​qima pura u ħbew il-​prinċipji divini. (Mattew 23:2, New English Bible) In-​nies irrassenjaw ruħhom għall-​falliment, għan-​nuqqas taʼ tama jew għall-​ipokresija. (Mattew 15:3-9) U ħafna mir-​regoli magħmulin mill-​bniedem kienu krudili. Hekk kif kien se jfejjaq raġel b’idu niexfa, Ġesù staqsa lill-​Fariżej li kienu preżenti: “X’jiswa li tagħmel nhar taʼ Sibt, ġid jew deni?” Is-​skiet tagħhom wera li ħassew li ma kienx jiswa li tagħmel il-​ġid, u dan ġiegħel lil Ġesù jħossu “mnikket għall-​aħħar minħabba l-​ebusija taʼ qalbhom.” (Mark 3:1-6) Il-​Fariżej għandhom mnejn kienu jgħinu lil xi annimal domestiku (investiment finanzjarju) mitluq jew ferut fis-​Sabat imma qatt lil xi raġel jew xi mara​—sakemm ma kienx każ taʼ ħajja jew mewt. Tabilħaqq, kienu tant ossessjonati b’regoli umani u teknikalitajiet li, bħal nemel jiġru ’l hemm u ’l hawn fuq pittura, naqsu li jaraw l-​istampa kollha kemm hi​—il-​prinċipji divini.—Mattew 23:23, 24.

Iż-żgħażagħ, madankollu, meta qlubhom ikunu sinċieri, ukoll jistgħu jġibu unur lil Jehovah permezz taʼ l-​apprezzament tagħhom għal prinċipji tal-​Bibbja. L-​għalliema taʼ Rebecca, tfajla taʼ tlettax-il sena, staqsiet lill-​klassi min minnhom kien lest jieħu sehem f’logħob taʼ l-​ażżard. Il-​maġġuranza qalu le. Madankollu, meta ssemmew diversi sitwazzjonijiet, kollha kemm huma, minbarra Rebecca, ammettew li kienu jittantaw xortihom b’xi mod jew ieħor. L-​għalliema staqsiet lil Rebecca jekk kinitx lesta tixtri biljett tal-​lotterija t’20 ċenteżmu għal skop taʼ siwi. Rebecca qalet le u tat ir-​raġunijiet Skritturali għala li tagħmel hekk kien ikun forma taʼ logħob taʼ l-​ażżard. L-​għalliema tagħha qalet lill-​klassi sħiħa: ‘Fl-​opinjoni tiegħi, Rebecca hija l-​unika waħda hawn li għandha dak li jien insejħilhom “prinċipji” fil-​veru sens tal-​kelma.’ Iva, Rebecca setgħet sempliċement wieġbet, “Huwa kontra r-​reliġjon tiegħi,” imma hi ħasbet iżjed fil-​fond minn hekk; hi kienet kapaċi twieġeb għala l-​logħob taʼ l-​ażżard huwa ħażin u għala hi rrifjutat li tieħu sehem fih.

Eżempji bħal Abel, Noè, Ġużeppi, u Ġesù juruna kif nibbenefikaw milli nużaw l-​abbiltà tal-​“ħsieb” tagħna u l-​“qawwa tar-​raġuni” tagħna f’li nqimu lil Alla. (Proverbji 2:11, KŻ; Rumani 12:1, NW) Anzjani Kristjani jagħmlu tajjeb li jimitaw lil Ġesù waqt li “[j]irgħu l-​merħla taʼ Alla fdata f’idej[h]om.” (1 Pietru 5:2) Bħalma Ġesù b’mod tajjeb ta l-​eżempju, dawk li jħobbu l-​prinċipji divini huma dawk li jiffjorixxu taħt is-​sovranità taʼ Jehovah.—Isaija 65:14. (w97 10/15)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja