Huma Wieġbu Bla Egoiżmu Għall-Imħabba t’Alla
“O ħa jiżżu ħajr in-nies lil Jehovah għall-qalb tajba bl-imħabba tiegħu u għax-xogħlijiet tal-għaġeb tiegħu maʼ wlied il-bnedmin.”−SALM 107:8.
1. L-appostlu Ġwanni kif jenfasizza l-kwalità tal-imħabba fl-ewwel ittra tiegħu?
“ALLA hu mħabba.” Kemm huma mimlijin tifsir dawk il-kelmiet! Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Ġwanni ħass il-bżonn li jirrepetihom fl-ewwel ittra tiegħu. (1 Ġwann 4:8, 16) Alla Jehovah mhux biss hu mħabba imma hu wkoll l-eżempju, jew il-personifikazzjoni, tal-imħabba.
2. Alla b’liema modi wera l-imħabba f’li ħalaq lir-raġel u l-mara u f’li pprovda għalihom?
2 Aħseb dwar l-imħabba li Alla wera bil-mod li ħalaqna. Il-kliem taʼ apprezzament taʼ David tant hu xieraq. Bħala salmista mnebbaħ, hu qal: “Jien se nfaħħrek għaliex b’mod li jqanqal il-biżaʼ jien magħmul b’mod tal-għaġeb.” (Salm 139:14) Sabiex aħna nkunu nistgħu ngħixu b’saħħitna u kuntenti, Alla għamel għaxqiet bla għadd possibbli għalina permezz tal-ħames sensi tagħna—li naraw, nisimgħu, intogħmu, inxommu, u nħossu. Xi ġmiel nistgħu naraw fil-ħolqien madwarna! Kemm huma tal-għaġeb il-ħafna pjanti u annimali differenti, biex ma ngħidu xejn dwar il-ġmiel tal-għamliet u l-fattizzi umani! Alla poġġa wkoll varjetà mill-iktar li tgħaxxaq taʼ frott, ħxejjex, u ikel ieħor fejn nistgħu nilħquhom aħna. (Salm 104:13-16) Għal raġuni tajba, l-appostlu Pawlu fakkar lill-abitanti taʼ Listra tal-qedem li Alla “għamel it-tajjeb, billi takom ix-xita mis-sema u staġuni taʼ frott, waqt li mlielkom qlubkom sax-xifer bl-ikel u bil-ferħ.”−Atti 14:17.
3. Alla b’liema fakultajiet tal-għaġeb sebbaħna?
3 Aħseb ukoll fil-barkiet kollha assoċjati mal-ħajja taʼ familja ferħana. Iktar minn hekk, irrifletti fuq il-pjaċiri kollha li aħna nistgħu ngawdu bis-saħħa tal-fakultajiet mentali u emozzjonali tagħna: l-immaġinazzjoni, ir-raġuni, il-memorja, il-kuxjenza, u b’mod partikulari l-kapaċità li nqimu—li dan kollu jpoġġina ferm iktar ’il fuq mill-annimali; u lanqas ma għandna nwarrbu l-pjaċiri li l-mużika tagħtina. Dawn u ħafna rigali oħra huma manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla għalina.
4. Liema manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla ġarrbu l-bnedmin minn wara d-dnub tal-ewwel ġenituri tagħhom?
4 Ma hemm ebda dubju li Adam u Eva gawdew bosta pjaċiri fl-istat perfett tagħhom fil-ġnien taʼ Għeden. (Ġenesi 2:7-9, 22, 23) Imma meta naqsu li jwieġbu bla egoiżmu għall-evidenzi kollha tal-imħabba divina li kienu qed igawdu, abbandunaha Alla lir-razza umana? Lanqas xejn! Minnufih hu għamel provvediment biex jirranġa l-ħażen kollu li rriżulta mill-ksur tal-liġi mill-ewwel ġenituri tagħna. (Ġenesi 3:15) Jehovah wera wkoll l-imħabba billi ssaporta bis-sabar lin-nisel imperfett taʼ Adam. (Rumani 5:12) Għal kemm żmien? Tabilħaqq, għal madwar 6,000 sena s’issa! B’mod speċjali Alla wera l-imħabba fil-mod kif aġixxa mal-qaddejja tiegħu. Veri huma l-kelmiet: “Jehovah, Jehovah, Alla kollu ħniena u grazzja, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità, jippreserva l-qalb tajba bl-imħabba għal eluf, jaħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi u d-dnub.”−Eżodu 34:6,7.
5. Jehovah kif wera paċenzja taʼ mħabba fil-mod kif aġixxa mal-ġens taʼ Iżrael?
5 Iva, kbira tabilħaqq kienet il-paċenzja li Alla Jehovah wera fil-mod kif aġixxa mal-Iżraeliti miż-żmien taʼ meta ġabhom ’il quddiem bħala ġens ħdejn il-Muntanja Sinaj sakemm il-mixi tagħhom lura ġiegħlu jwarrabhom għalkollox. Bħalma naqraw fit-2 Kronaki 36:15, 16: “Jehovah dak Alla taʼ missirijiethom tal-qedem baqaʼ jibgħat kontra tagħhom permezz tal-messaġġiera tiegħu, jibgħat darba wara l-oħra, għaliex ħass mogħdrija għall-poplu tiegħu u għall-post fejn joqgħod. Imma kienu kontinwament qed jitmellħu bil-messaġġiera tal-veru Alla u jistmerru kliemu u jżebilħu lill-profeti tiegħu, sakemm il-għadab taʼ Jehovah telaʼ kontra l-poplu tiegħu, sakemm ma kien hemm ebda fejqan.” Imma kien hemm dawk li fil-fatt wieġbu bla egoiżmu għall-imħabba taʼ Alla Jehovah. Biex naraw kif għamlu hekk, ejjew neżaminaw il-ħajjiet taʼ xi wħud minn dawn l-individwi. Dan se jqiegħed il-pedament biex nuru kif aħna nfusna nistgħu nwieġbu għall-imħabba taʼ Jehovah b’modi partikulari ferm.
Kif Mosè Wieġeb Bla Egoiżmu
6. B’liema modi kien l-eżempju taʼ Mosè wieħed li jispikka, u f’liema kapaċitajiet ġarrab hu l-imħabba t’Alla?
6 Mosè kien eżempju li jispikka taʼ wieħed li wieġeb mingħajr egoiżmu għall-imħabba t’Alla. Liema opportunitajiet tqiegħdu quddiem Mosè bħala l-iben adottat taʼ bint il-Farawni! Imma hu għazel li “jkun ittrattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok ma jkollu t-tgawdija temporanja tad-dnub, għaliex hu stima ż-żebliħ tal-Kristu bħala rikkezzi akbar mit-teżori tal-Eġittu.” (Ebrej 11:25, 26) F’ħin minnhom, Mosè ried li jeħles lil ħutu, l-Iżraeliti, mill-jasar Eġizzjan. Imma huma m’apprezzawhomx l-isforzi tiegħu, u lanqas ma kien iż-żmien xieraq t’Alla għall-ħelsien tagħhom. (Atti 7:23-29) Għexur taʼ snin wara, madankollu, minħabba l-fidi u x-xewqa bla egoiżmu taʼ Mosè biex igħin lil ħutu, Jehovah tah il-qawwa li jwettaq ħafna mirakli u li jaqdi lill-Iżraeliti għal 40 sena bħala l-profeta, l-imħallef, il-leġiżlatur, u l-medjatur Tiegħu. F’dawn il-kapaċitajiet, Mosè ġarrab bosta drabi l-imħabba taʼ Jehovah għalih u għal sħabu l-Iżraeliti.
7. Mosè kif wieġeb għal espressjonijiet tal-imħabba t’Alla?
7 Mosè kif wieġeb għall-imħabba u l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla? ‘Aċċetta hu l-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah u tilef il-għan tagħha’? (2 Korintin 6:1) Bl-ebda mod! Mosè wieġeb bla egoiżmu għall-espressjonijiet tal-imħabba taʼ Jehovah lejh billi kien għalkollox moħħu f’Alla. Hu fittex lil Jehovah l-ħin kollu u kellu relazzjoni intima mal-Ħallieq tiegħu. Kemm faħħru Alla lil Mosè meta ċanfar lil Aronne u lil Mirjam talli kkritikaw lil ħuhom! Iva, Jehovah tkellem “minn fomm għal fomm” maʼ Mosè u ħallieh jilmaħ “id-dehra taʼ Jehovah.” (Numri 12:6-8) Minkejja l-ħafna privileġġi tiegħu, Mosè baqaʼ jkun l-iktar bniedem ġwejjed u wettaq il-kmandi taʼ Jehovah “sewwa sew hekk.”−Eżodu 40:16; Numri 12:3.
8. Mosè kif wera li hu kien tabilħaqq moħħu f’Alla?
8 Mosè wera wkoll li hu kien bla egoiżmu moħħu f’Alla bit-tħassib li hu wera għall-isem, ir-reputazzjoni u l-qima pura taʼ Jehovah. B’hekk, f’żewġ okkażjonijiet Mosè talab bil-ħniena b’suċċess lil Jehovah biex juri ħniena maʼ Iżrael għaliex l-isem t’Alla kien involut. (Eżodu 32:11-14; Numri 14:13-19) Meta l-Iżraeliti saru involuti fil-qima idolatruża tal-għoġol, Mosè wera żelu għall-qima pura billi għajjat: “Min hu fuq in-naħa taʼ Jehovah? Lejja!” Wara dan, Mosè u dawk li kienu miegħu qatlu lil 3,000 mill-idolaturi. Imbagħad, għal 40 sena hu ssaporta poplu ribelluż u li jgerger. Żgur li m’hemm l-ebda dubju li Mosè wieġeb bla egoiżmu għal espressjonijiet tal-imħabba t’Alla, billi ħalla eżempju mill-aħjar għalina llum.—Eżodu 32:26-28; Dewteronomju 34:7, 10-12.
It-Tweġiba mill-Aħjar taʼ David
9. (a) David kif wieġeb għall-imħabba taʼ Alla Jehovah? (b) Bħal David, kif nistgħu aħna nonoraw lil Jehovah b’affarijiet taʼ valur?
9 Karattru Bibliku ieħor li jispikka u li ħalla eżempju mill-aħjar f’li jwieġeb bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla kien is-salmista David, it-tieni sultan taʼ Iżrael. Iż-żelu tiegħu għall-isem taʼ Jehovah qanqlu biex jissielet mal-iġgant Filistew Gulija li kien qed imaqdar, u li fuqu Alla ta r-rebħa lil David. (1 Samwel 17:45-51) Dak l-istess żelu qanqal lil David biex iġib l-arka tal-patt lejn Ġerusalemm. (2 Samwel 6:12-19) U ma kinetx ix-xewqa taʼ David li jibni tempju lil Jehovah espressjoni oħra taż-żelu u l-apprezzament tiegħu lejn l-imħabba u t-tjubija t’Alla? Dażgur li kienet. Il-fatt li David ġie miċħud dak il-privileġġ ma żammux lura milli jħejji għall-proġett u jonora lil Jehovah billi personalment ikkontribwixxa deheb, fidda, u ħaġar prezzjuż taʼ valur għoli ferm. (2 Samwel 7:1-13; 1 Kronaki 29:2-5) Tweġiba simili bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla għandha tqanqalna biex ‘nonoraw lil Jehovah bl-affarijiet taʼ valur tagħna’ billi nużaw ir-riżorsi materjali tagħna biex inġibu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna.—Proverbji 3:9, 10; Mattew 6:33.
10. Rigward liema ħaġa hija l-korsa taʼ David waħda li taʼ min jimitaha?
10 Għalkemm David għamel żballji serji, matul ħajtu kollha hu wera li kien ‘raġel li jaqbel għal qalb Jehovah.’ (1 Samwel 13:14; Atti 13:22) Is-salmi tiegħu huma mimlijin b’espressjonijiet taʼ apprezzament għall-imħabba t’Alla. The International Standard Bible Encyclopœdia tgħid li David “joktor iktar u iktar fir-ringrazzjament minn kull wieħed ieħor li hemm imsemmi fl-Iskrittura Mqaddsa.” Is-salmista Asaf qal li Alla “għażel lil David il-qaddej tiegħu u ħadu mill-imqajjel tal-merħla. . . . Daħħlu biex ikun ragħaj fuq Ġakobb il-poplu tiegħu u fuq Iżrael il-wirt tiegħu. U beda jirgħahom skond l-integrità taʼ qalbu.” (Salm 78:70-72) Verament, il-korsa taʼ David kienet waħda biex aħna nimitawha.
Ġesù Kristu, l-Eżempju Perfett Tagħna
11, 12. Ġesù kif wera li hu kien verament moħħu f’Alla?
11 M’għandniex xi ngħidu, Ġesù Kristu huwa l-aqwa eżempju Skritturali taʼ bniedem li wieġeb bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla. Din x’qanqlet lil Ġesù biex jagħmel? L-ewwelnett, hu ġie mmotivat biex jagħti devozzjoni esklussiva lil Jehovah. Ma hemm ebda dubju li Ġesù kien kollu kemm hu moħħu f’Alla. Apprezzament lejn l-imħabba u t-tjubija taʼ Missieru tas-sema mexxietu biex ikun verament bniedem spiritwali. Hu kellu relazzjoni intima u mill-qrib m’Alla. Ġesù kien bniedem taʼ talb, u kien iħobb jitkellem maʼ Missieru tas-sema. Darba wara l-oħra, naqraw li Kristu kien qed jitlob. F’okkażjoni minnhom hu qattaʼ lejl sħiħ fit-talb. (Luqa 3:21, 22; 6:12; 11:1; Ġwann 17:1-26) Bi tweġiba għall-imħabba t’Alla, Ġesù għex il-verità li ‘l-bniedem ma jgħix biss bil-ħobż imma b’kull ħaġa mitkellma li toħroġ minn fomm Jehovah.’ Fil-fatt, li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru kien ikel għalih. (Mattew 4:4; Ġwann 4:34) Ma għandniex aħna nwieġbu bl-istess mod għall-imħabba t’Alla, billi nagħtuh devozzjoni esklussiva?
12 Billi wieġeb bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla, Ġesù Kristu dejjem idderieġa l-attenzjoni lejn Alla u l-Missier tiegħu. Meta xi ħadd indirizza lil Ġesù bħala “Għalliem Tajjeb,” hu oġġezzjona u qal: “Hadd ma hu tajjeb, ħlief wieħed, Alla.” (Luqa 18:18, 19) Ġesù saħaq ripetutament li hu ma setaʼ jagħmel xejn minn jeddu. Qatt ma tilef opportunità biex ikabbar l-isem taʼ Missieru, u b’mod xieraq ferm hu beda t-talba mudell tiegħu bil-petizzjoni: “Ħa jkun imqaddes ismek.” Hu talab: “Missier, igglorifika lil ismek.” U ftit qabel miet, Kristu qal lil Missieru: “Jien igglorifikajtek fuq l-art, billi temmejt ix-xogħol li int tajtni biex nagħmel.” (Mattew 6:9; Ġwann 12:28; 17:4) Żgur li, bi tweġiba għall-imħabba t’Alla, aħna għandna nfittxu li nigglorifikaw lil Jehovah, billi nitolbu għat-tqaddis tal-isem qaddis tiegħu.
13. L-imħabba t’Alla kif qanqlet lil Ġesù biex jaġixxi?
13 Issa, jekk jogħġbok innota mod ieħor li bih it-tweġiba bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla mmotivat lil Ġesù. Din ġegħlitu jħobb it-tjieba u jobgħod il-ħażen, bħalma hu mbassar f’Salm 45:7. (Ebrej 1:9) Hu kien “leali, bla ħtija, bla mniġġes, mifrud mill-midinbin.” (Ebrej 7:26) Ġesù sfida lill-opponenti malizzjużi tiegħu biex jixluh b’xi dnub, imma ma setgħux. (Ġwann 8:46) F’żewġ okkażjonijiet, il-mibgħeda tiegħu lejn il-ħażen ġegħlitu jnaddaf it-tempju minn reliġjonisti rgħiba. (Mattew 21:12, 13; Ġwann 2:13-17) U kemm maqdarhom bl-aħrax Ġesù lill-mexxejja reliġjużi ipokriti, billi saħansitra qalilhom li ġejjin mix-Xitan!—Mattew 6:2, 5, 16; 15:7-9; 23:13-32; Ġwann 8:44.
14. Bi tweġiba għall-imħabba taʼ Jehovah, Ġesù kif aġixxa mad-dixxipli tiegħu?
14 Jerġaʼ mod ieħor li bih l-imħabba taʼ Jehovah immotivat lil Ġesù jistaʼ jidher fil-mod kif aġixxa mal-appostli tiegħu u dixxipli oħra. Kemm wera mħabba, paċenzja u sabar fit-tul magħhom! Min jaf kemm weġġgħuh bir-rivalità tagħhom bejniethom, billi baqgħu jargumentaw saħansitra sal-lejl meta ġie ttradut dwar min kien l-ikbar. (Luqa 22:24-27) Iżda, Ġesù dejjem wera ruħu kalm u ġwejjed f’qalbu. (Mattew 11:28-30) Veru, Ġuda ttradixxa lil Ġesù, Pietru ċaħdu tliet darbiet, u l-appostli l-oħra ħarbu meta ġiet marmalja biex tarrestahom. Imma hu qatt ma tqarras magħhom jew stmerrhom. Kif nafu? Sewwa, malli reġaʼ ngħaqad mal-appostli wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù ma tahom ebda ċanfira li tniggeż talli kienu ċedew għall-biżaʼ. Minflok, hu farraġhom u qawwiehom għal iktar servizz tas-Saltna.—Ġwann 20:19-23.
15. Ġesù kif imministra bla egoiżmu għall-bżonnijiet fiżiċi tan-nies?
15 Ejjew nikkunsidraw jerġaʼ mod ieħor li bih Ġesù Kristu wieġeb bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla. Hu għamel hekk billi ssagrifika lilu nnifsu għal oħrajn, sa mewta insolenti u taʼ wġigħ fuq zokk tat-tortura. (Filippin 2:5-8) Ġesù imministra għall-bżonnijiet fiżiċi tan-nies billi temaʼ b’mod mirakoluż lill-kotriet u wettaq ħafna fejqan. (Mattew 14:14-22; 15:32-39) Hu dejjem poġġa l-interessi taʼ oħrajn qabel tiegħu stess. Hu għalhekk li setaʼ jgħid: “Il-volpijiet għandhom il-għerien u l-agħsafar tas-sema għandhom il-bejtiet, imma Bin il-bniedem ma għandu mkien fejn imidd rasu.” (Mattew 8:20) Ġesù kien sensittiv għall-ħidma tal-ispirtu t’Alla hekk kif dan tferraʼ minnu biex iwettaq fejqan mirakoluż. Imma hu qatt ma pprova jagħmel profitt materjali mill-użu taʼ qawwa sopranaturali bħal din, bħal meta mara li kienet suġġettata għal nixxiegħa taʼ demm għal 12-il sena misset b’fidi l-libsa taʼ fuq tiegħu u tfejqet. (Mark 5:25-34) Iktar minn hekk, Ġesù qatt ma uża l-qawwiet sopranaturali tiegħu għalih stess.—Qabbel Mattew 4:2-4.
16. Kristu b’liema modi imministra għall-bżonnijiet spiritwali tan-nies?
16 Għalkemm Ġesù attenda bla egoiżmu għall-bżonnijiet fiżiċi tan-nies billi fejqilhom il-mardiet tagħhom u temagħhom b’mod mirakoluż, il-motivazzjoni ewlenija fil-ministeru tiegħu fuq l-art kienet li jippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, jgħallem, u jagħmel dixxipli. Minkejja l-fejqan meraviljuż kollu li wettaq, hu ma kienx magħruf bħala t-Tabib il-Kbir jew Ħaddiem il-Mirakli imma bħala l-Għalliem it-Tajjeb. (Mattew 4:23, 24; Mark 10:17) Ġesù rrefera għalih innifsu bħala l-Għalliem, bħalma għamlu d-dixxipli tiegħu u saħansitra l-egħdewwa tiegħu. (Mattew 22:16; 26:18; Mark 9:38) U liema veritajiet għallem, bħal fil-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja! (Mattew 5:1-7:29) Kemm kienu xierqa t-tixbihat tiegħu, u kemm kienu jolqtu l-parabboli profetiċi tiegħu u profeziji oħra! Mhux taʼ b’xejn li s-suldati li ntbagħtu biex jarrestaw lil Ġesù f’okkażjoni minnhom ħassew li ma jistgħux jixħtu jdejhom fuqu!—Ġwann 7:45, 46.
17. (a) Ġesù kif ipprovdielna mudell perfett tal-imħabba? (b) X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
17 Bla dubju, Ġesù Kristu ħallielna l-eżempju perfett taʼ li nwieġbu bla egoiżmu għall-wirjiet minn Alla taʼ imħabba lejna. Ġesù ta lil Missieru tas-sema l-ewwel post f’ħajtu u fl-affezzjonijiet tiegħu. Hu verament ħabb it-tjieba, aġixxa b’imħabba mal-appostli tiegħu u dixxipli oħra, u qattaʼ ħajtu jimministra għall-bżonnijiet spiritwali u materjali tan-nies. Fl-aħħarnett, Ġesù inkuruna l-ministeru tiegħu billi ta ħajtu bħala rahan. (Mattew 20:28) Imma x’ingħidu dwarna? Veru, aħna imperfetti, bħal Mosè u David. Madankollu, bħalma juri l-artiklu li jmiss, hemm modi prattiċi li bihom nistgħu nimitaw lill-Eżemplar tagħna f’li nwieġbu bla egoiżmu għal manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla.
Kieku Kif Twieġeb Int?
◻ Għala jistaʼ jingħad li “Alla hu mħabba”?
◻ Mosè kif wieġeb għal manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla?
◻ David b’liema modi wieġeb għall-imħabba taʼ Alla Jehovah?
◻ Liema eżempju ħalla Ġesù Kristu f’li jwieġeb għall-imħabba t’Alla?