Kapitlu 1
“L-Imħabba t’Alla Tfisser Dan”
“L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 ĠWANNI 5:3.
1, 2. Xi jqanqlek biex tħobb lil Alla Ġeħova?
INT tħobbu lil Alla? Jekk int personalment diġà ddedikajt ħajtek lil Alla Ġeħova, it-tweġiba tiegħek ċertament li hija iva—u bir-raġun! M’għandniex xi ngħidu, huwa naturali għalina li nħobbu lil Ġeħova. Wara kollox, aħna nħobbuh għax hu jħobbna. Il-Bibbja tpoġġiha b’dan il-mod: “Ngħidu għalina, aħna nħobbu, għax hu [Ġeħova] ħabbna l-ewwel.”—1 Ġwanni 4:19.
2 Ġeħova ħa l-inizjattiva biex jesprimi mħabbtu għalina. Hu jagħtina l-art, post sabiħ fejn ngħixu. Jieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u materjali tagħna. (Mattew 5:43-48) Iktar importanti minn hekk, jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħna. Hu jagħtina l-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Ukoll, hu jistidinna nitolbu lilu u jwegħedna li se jismagħna u jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna. (Salm 65:2; Luqa 11:13) Fuq kollox, hu bagħat lill-iktar Iben prezzjuż tiegħu biex ikun il-Feddej tagħna, u b’hekk inkunu nistgħu ninħelsu mid-dnub u l-mewt. Xi mħabba kbira wera Ġeħova lejna!—Ġwanni 3:16; Rumani 5:8.
3. (a) X’inhu meħtieġ min-naħa tagħna sabiex nibqgħu fl-imħabba t’Alla? (b) Liema mistoqsija importanti għandna bżonn nikkunsidraw, u t-tweġiba fejn tinstab?
3 Ġeħova jridna nibbenefikaw mill-imħabba tiegħu għal dejjem. Madankollu, jiddependi minna personalment jekk nibbenefikawx jew le. Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna: “Żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla . . . bil-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejkom.” (Ġuda 21) Il-frażi “żommu ruħkom” tindika li biex nibqgħu fl-imħabba t’Alla jeħtieġ azzjoni min-naħa tagħna. Aħna rridu nwieġbu għal imħabbtu b’modi viżibbli. Mela, mistoqsija importanti li għandna nikkunsidraw hija din, ‘Kif nistaʼ nuri mħabbti għal Alla?’ It-tweġiba tinstab fil-kliem ispirat taʼ l-appostlu Ġwanni: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Nagħmlu tajjeb li neżaminaw bir-reqqa t-tifsir taʼ dan il-kliem, għax irridu nuru lil Alla tagħna kemm tassew inħobbuh.
“L-IMĦABBA T’ALLA TFISSER DAN”
4, 5. (a) L-espressjoni “l-imħabba t’Alla” għalxiex tirreferi? (b) Iddeskrivi kif bdiet tikber f’qalbek l-imħabba għal Ġeħova.
4 “L-imħabba t’Alla”—x’kellu f’moħħu l-appostlu Ġwanni meta kiteb dan il-kliem? Din l-espressjoni ma tirreferix għall-imħabba t’Alla għalina, iżda għall-imħabba tagħna għalih. Tistaʼ tiftakar meta f’qalbek bdiet tikber l-imħabba għal Ġeħova?
5 Irrifletti għal ftit dwar meta bdejt titgħallem il-verità dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu u beda jkollok il-fidi. Sirt tifhem li għalkemm twilidt bħala midneb imbiegħed minn Alla, Ġeħova permezz taʼ Kristu fetaħlek it-triq biex tikseb il-perfezzjoni li tilef Adam u tiret il-ħajja taʼ dejjem. (Mattew 20:28; Rumani 5:12, 18) Int bdejt tapprezza l-kobor tas-sagrifiċċju li għamel Ġeħova meta bagħat lill-iktar Iben prezzjuż tiegħu biex imut għalik. Qalbek tqanqlet, u bdejt tħoss imħabba għall-Alla li wera mħabba daqstant kbira għalik.—1 Ġwanni 4:9, 10.
6. L-imħabba ġenwina kif tintwera, u l-imħabba għal Alla x’qanqlitek tagħmel?
6 Madankollu, dan is-sentiment kien biss il-bidu taʼ mħabba ġenwina għal Ġeħova. L-imħabba m’hijiex biss sentiment; lanqas m’hija kwistjoni taʼ sempliċi kliem. Imħabba vera għal Alla tinvolvi iktar milli sempliċement tgħid, “Jien inħobb lil Ġeħova.” Bħall-fidi, l-imħabba ġenwina tintwera u hija karatterizzata mill-azzjonijiet li tqanqal. (Ġakbu 2:26) B’mod speċifiku, aħna nuru mħabbitna billi nagħmlu l-affarijiet li jogħġbu lill-persuna li nħobbu. Għalhekk, meta f’qalbek nibtet l-imħabba għal Ġeħova, int żviluppajt xewqa li tgħix b’mod li jogħġob lil Missierek tas-sema. Int Xhud mgħammed? Jekk iva, din l-affezzjoni profonda u d-devozzjoni ġegħluk tieħu l-iktar deċiżjoni importanti taʼ ħajtek. Int iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova biex tagħmel ir-rieda tiegħu, u ssimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħek billi tgħammidt. (Rumani 14:7, 8) It-twettiq taʼ din il-wegħda solenni lil Ġeħova jinvolvi dak li jsemmi issa l-appostlu Ġwanni.
“NOSSERVAW IL-KMANDAMENTI TIEGĦU”
7. X’inhuma xi ftit mill-kmandamenti t’Alla, u l-fatt li nosservawhom x’jinvolvi?
7 Ġwanni jispjega xi tfisser l-imħabba t’Alla: “Li nosservaw il-kmandamenti tiegħu.” X’inhuma l-kmandamenti t’Alla? Ġeħova jagħtina għadd taʼ kmandi speċifiċi permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Per eżempju, hu jipprojbixxi prattiki bħas-sokor, iż-żína, l-idolatrija, is-serq, u l-gideb. (1 Korintin 5:11; 6:18; 10:14; Efesin 4:28; Kolossin 3:9) Li nosservaw il-kmandamenti t’Alla jinvolvi li ngħixu fi qbil mal-livelli morali ċari tal-Bibbja.
8, 9. Kif nistgħu nkunu nafu x’jogħġob lil Ġeħova anki f’sitwazzjonijiet fejn ma jkun hemm l-ebda liġi Biblika speċifika? Agħti eżempju.
8 Madankollu, sabiex nogħġbu lil Ġeħova, jeħtieġ li nagħmlu iżjed milli sempliċement nobdu l-kmandi speċifiċi tiegħu. Ġeħova ma jissikkaniex b’liġijiet li jikkontrollaw kull aspett tal-ħajja tagħna taʼ kuljum. Għalhekk, matul il-ġurnata nistgħu niltaqgħu maʼ ħafna sitwazzjonijiet li għalihom m’hemm ebda kmand speċifiku fil-Bibbja. F’każijiet bħal dawn, kif nistgħu nkunu nafu x’se jogħġob lil Ġeħova? Fil-Bibbja nsibu indikazzjonijiet ċari tal-mod kif jaħsibha Alla. Meta nistudjaw il-Bibbja, nitgħallmu dak li jħobb u dak li jobgħod Ġeħova. (Salm 97:10; Proverbji 6:16-19) Nibdew nifhmu l-attitudnijiet u l-azzjonijiet li hu jqis taʼ valur. Iktar ma nitgħallmu dwar il-personalità u t-triqat taʼ Ġeħova, iktar se nkunu kapaċi nħallu l-ħsibijiet tiegħu jsawru d-deċiżjonijiet li nieħdu u jinfluwenzaw l-azzjonijiet tagħna. Għalhekk, anki f’sitwazzjonijiet fejn m’hemm ebda liġi Biblika speċifika, aħna spiss nistgħu nagħrfu “x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova.”—Efesin 5:17.
9 Per eżempju, il-Bibbja ma fiha l-ebda kmand speċifiku li jgħidilna biex ma narawx films jew programmi televiżivi li jinkludu vjolenza ħarxa jew immoralità sesswali. Iżda għandna verament bżonn liġi speċifika biex ma narawx affarijiet bħal dawn? Aħna nafu kif Ġeħova jqishom dawn il-kwistjonijiet. Il-Kelma tiegħu tgħidilna ċar u tond: “Kulmin iħobb il-vjolenza Ruħu [ruħ Ġeħova] tobogħdu.” (Salm 11:5) Din tgħid ukoll: “Alla jiġġudika liż-żienja u lill-adulteri.” (Ebrej 13:4) Nistgħu nifhmu biċ-ċar x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova billi nirriflettu fuq dan il-kliem imnebbaħ. Għaldaqstant, aħna nagħżlu li bħala divertiment ma narawx xeni espliċiti tal-prattiki li Alla tagħna jobgħod. Aħna nafu li nkunu qed nogħġbu lil Ġeħova meta nevitaw il-qżiżijiet morali li din id-dinja tipprova tpinġihom bħala divertiment li ma jagħmilx ħsara.a
10, 11. Aħna għala nagħżlu li nobdu lil Ġeħova, u liema xorta t’ubbidjenza nagħtuh?
10 Liema hi r-raġuni primarja għala nosservaw il-kmandamenti t’Alla? Għala rridu ngħixu kuljum fi qbil maʼ dak li nafu li hu l-mod kif jaħsibha Alla? Aħna ma nagħżlux li ngħixu hekk sempliċement biex naħarbu l-kastig jew biex nevitaw il-konsegwenzi taʼ ħsara li jġarrbu dawk li ma jagħtux kas ir-rieda t’Alla. (Galatin 6:7) Minflok, aħna nqisu l-ubbidjenza lejn Ġeħova bħala opportunità prezzjuża biex nuru mħabbitna lejh. Sewwasew bħalma tifel ikun ħerqan li jikseb it-tbissima t’approvazzjoni taʼ missieru, hekk ukoll aħna rridu niksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Salm 5:12) Hu Missierna u aħna nħobbuh. Xejn ma jġibilna ferħ akbar jew sodisfazzjon iktar profond milli nkunu nafu li qed ngħixu b’tali mod li ‘niksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.’—Proverbji 12:2.
11 Għalhekk, l-ubbidjenza tagħna m’għandhiex tkun kontra qalbna; lanqas m’għandha tkun selettiva jew b’kundizzjoni.b Aħna ma niddeċidux liema kmandi se nobdu u liema se ninjoraw, billi nobdu biss meta jaqblilna jew meta jkun hemm ftit jew ebda diffikultà. Għall-kuntrarju, aħna ‘nobdu mill-qalb.’ (Rumani 6:17) Inħossuna bħas-salmista tal-Bibbja li kiteb: “Se ngħożż il-kmandamenti tiegħek li jien ħabbejt.” (Salm 119:47) Iva, aħna nħobbu nkunu ubbidjenti lejn Ġeħova. Nirrikonoxxu li hu jistħoqqlu—u jirrikjedi—xejn inqas mill-ubbidjenza sħiħa u bla kundizzjoni tagħna. (Dewteronomju 12:32) Aħna rridu li Ġeħova jgħid dwarna dak li l-Kelma tiegħu tgħid dwar Noè. Rigward dan il-patrijarka leali, li wera mħabba lejn Alla billi kien ubbidjenti għal bosta għaxriet taʼ snin, il-Bibbja tgħid: “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla. Għamel preċiż hekk.”—Ġenesi 6:22.
12. L-ubbidjenza tagħna meta tferraħ qalb Ġeħova?
12 Ġeħova kif iħossu meta aħna nobdu minn jeddna? Il-Kelma tiegħu tgħid li b’hekk aħna ‘nferrħulu qalbu.’ (Proverbji 27:11) L-ubbidjenza tagħna verament tferraħ qalb il-Mulej Sovran taʼ l-univers? Iva, dażgur—u bir-raġun! Ġeħova ħalaqna b’rieda ħielsa. Dan ifisser li aħna għandna l-libertà taʼ l-għażla; nistgħu nagħżlu li nobdu lil Alla, jew nistgħu nagħżlu li ma nobduhx. (Dewteronomju 30:15, 16, 19, 20) Meta minn jeddna nagħżlu li nobdu lil Ġeħova u meta l-motivazzjoni tagħna wara din id-deċiżjoni hija qalb mimlija mħabba għal Alla, aħna nkunu qed nogħġbu u nferrħu bil-kbir lil Missierna tas-sema. (Proverbji 11:20) Aħna nkunu qed nagħżlu wkoll l-aqwa mod taʼ ħajja.
“IL-KMANDAMENTI TIEGĦU M’HUMIEX TQAL”
13, 14. Għala jistaʼ jingħad li “l-kmandamenti [t’Alla] m’humiex tqal,” u kif nistgħu nagħtu eżempju taʼ dan?
13 L-appostlu Ġwanni jgħidilna xi ħaġa li sserrħilna moħħna dwar dak li jirrikjedi Ġeħova: “Il-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” Traduzzjoni Biblika oħra tgħid: “Il-kmandamenti tiegħu ma jgħakksuniex.” (New English Translation) Dak li Ġeħova jirrikjedi m’huwiex diffiċli jew oppressiv.c M’huwiex impossibbli li bnedmin imperfetti jobdu l-liġijiet tiegħu.
14 Nistgħu nġibu dan l-eżempju. Ħabib tal-qalb jitolbok biex tgħinu jġorr minn dar għal oħra. Hemm ħafna kaxxi x’jinġarru. Ftit minnhom huma ħfief biżżejjed biex jinġarru faċilment minn persuna waħda, imma oħrajn huma tqal u hemm bżonn taʼ tnejn min-nies biex jerfgħuhom. Ħabibek jagħżel il-kaxxi li jixtieqek iġġorr. Sejjer hu jitolbok terfaʼ l-kaxxi li jaf li huma tqal wisq għalik? Le. Hu ma jridekx tweġġaʼ billi tipprova terfagħhom waħdek. B’mod simili, l-Alla tagħna kollu mħabba u qalbu tajba ma jgħidilniex biex nosservaw kmandamenti li huma diffiċli wisq biex nobduhom. (Dewteronomju 30:11-14) Qatt m’hu se jgħidilna nġorru tagħbija daqshekk tqila. Ġeħova jifhem il-limitazzjonijiet tagħna, għax “hu jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:14.
15. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li l-kmandamenti taʼ Ġeħova huma għall-benefiċċju massimu tagħna?
15 Il-kmandamenti taʼ Ġeħova żgur li m’humiex tqal; huma għall-benefiċċju massimu tagħna. (Isaija 48:17) B’hekk, Mosè setaʼ jgħid lil Israel tal-qedem: “Ġeħova kkmandana nħarsu dawn ir-regolamenti kollha, biex dejjem nibżgħu minn Ġeħova Alla tagħna għall-ġid tagħna, sabiex nibqgħu ħajjin bħalma aħna llum.” (Dewteronomju 6:24) Aħna wkoll nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova tana l-liġijiet tiegħu għaliex hu interessat fil-benesseri dejjiemi tagħna. Kif jistaʼ ma jkunx hekk? Ġeħova hu Alla t’għerf infinit. (Rumani 11:33) Għalhekk, hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. Ġeħova hu wkoll il-personifikazzjoni taʼ l-imħabba. (1 Ġwanni 4:8) L-imħabba, l-essenza kollha tiegħu, tinfluwenza dak kollu li jgħid u jagħmel. Hija l-bażi għall-kmandamenti kollha li hu jagħti lill-qaddejja tiegħu.
16. Minkejja l-influwenzi taʼ din id-dinja b’morali baxxi u t-tendenzi tal-ġisem imperfett, għala nistgħu nsusu wara ħajja t’ubbidjenza?
16 Dan ma jfissirx li l-ubbidjenza lejn Alla hija faċli. Irridu nitqabdu kontra l-influwenzi taʼ din id-dinja b’morali baxxi, u li “qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Irridu wkoll nissieltu kontra l-ġisem imperfett tagħna, li jqanqalna biex niksru l-liġijiet t’Alla. (Rumani 7:21-25) Imma l-imħabba tagħna għal Alla tistaʼ tirnexxi. Ġeħova jbierek lil dawk li jixtiequ juru l-imħabba tagħhom lejh permezz taʼ l-ubbidjenza tagħhom. Hu jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu “lil dawk li jobduh bħala ħakkiem.” (Atti 5:32) Dan l-ispirtu jipproduċi fina frott mill-isbaħ—kwalitajiet prezzjużi li jistgħu jgħinuna biex insusu wara ħajja t’ubbidjenza.—Galatin 5:22, 23.
17, 18. (a) X’se neżaminaw f’din il-pubblikazzjoni, u hekk kif nagħmlu dan, x’għandna nżommu f’moħħna? (b) X’se niddiskutu fil-kapitlu li jmiss?
17 F’din il-pubblikazzjoni, aħna se neżaminaw il-prinċipji u l-livelli morali taʼ Ġeħova u ħafna espressjonijiet oħrajn tar-rieda tiegħu. Hekk kif nagħmlu dan, irridu nżommu f’moħħna għadd t’affarijiet importanti. Ejja niftakru li Ġeħova ma jisforzaniex biex nobdu l-liġijiet u l-prinċipji tiegħu; hu jrid li l-ubbidjenza tagħna tkun waħda minn jeddna u li tiġi mill-qalb. Ejja ma ninsewx li Ġeħova qed jgħidilna biex ngħixu b’tali mod li jġib barkiet kbar issa u li jwassal għal ħajja taʼ dejjem fil-futur. U ejja nikkunsidraw l-ubbidjenza mill-qalb tagħna bħala opportunità prezzjuża biex nuru lil Ġeħova li nħobbuh ħafna.
18 Sabiex jgħinna nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, Ġeħova bi mħabba żejjinna bil-fakultà tal-kuxjenza. Madankollu, sabiex tkun gwida taʼ min joqgħod fuqha, il-kuxjenza tagħna għandha bżonn tiġi mħarrġa, bħalma se niddiskutu fil-kapitlu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
b Anki l-ispirti mill-agħar jistgħu jobdu kontra qalbhom. Meta Ġesù ordna lid-demonji joħorġu minn xi nies li kienu maħkumin minnhom, id-demonji kellhom jirrikonoxxu l-awtorità tiegħu u jobdu, avolja dan għamluh kontra qalbhom.—Marku 1:27; 5:7-13.
c Il-kelma Griega tradotta “tqal” fl-1 Ġwanni 5:3 hija tradotta “ħorox” f’Atti 20:29, 30 u tirreferi għal apostati oppressivi li kienu se “jitkellmu affarijiet mgħawġin” u jfittxu li jiżvijaw lil oħrajn.
INT KIF TWIEĠEB?
▪ Liema tip t’ubbidjenza jistenna Ġeħova mill-aduraturi tiegħu, u dan għala hu taʼ l-akbar benefiċċju għalina?—Dewteronomju 5:28-33.
▪ Kemm hi serja l-ubbidjenza tagħna lejn Ġeħova?—1 Samwel 15:22, 23.
▪ Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-attitudni taʼ Ġesù dwar l-ubbidjenza lejn Alla?—Ġwanni 8:29.
▪ Għala huwa daqstant xieraq li nobdu lil Ġeħova?—Rivelazzjoni 4:11.
[Stampa ta’ paġna sħiħa f’paġna 4]
[Stampi f’paġna 6]
Id-dedikazzjoni u l-magħmudija jimmarkaw il-bidu taʼ ħajja t’ubbidjenza bl-imħabba lejn Ġeħova