-
Folla Kbira t’Adoraturi Veri—Minfejn Ġew?It-Torri tal-Għassa—1995 | Frar 1
-
-
Il-“Folla Kbira”—Fejn Sejrin?
16. (a) L-Istudenti tal-Bibbja bikrin liema ideat żbaljati kellhom dwar l-identità tal-kotra l-kbira, jew il-folla l-kbira, taʼ Rivelazzjoni 7:9? (b) Meta u fuq liema bażi ġiet ikkorreġuta l-ħarsa tagħhom?
16 Għal xi żmien il-qaddejja taʼ Jehovah kienu jemmnu li l-kotra l-kbira (jew, il-folla l-kbira) taʼ Rivelazzjoni 7:9, 10 kienet differenti min-ngħaġ oħra taʼ Ġwann 10:16 u n-ngħaġ taʼ Mattew 25:33. Minħabba li l-Bibbja tgħid li qegħdin “bil-wieqfa quddiem it-tron,” kien maħsub li se jkunu fis-sema, mhux fuq tronijiet, imexxu bħala werrieta sħab maʼ Kristu, imma f’post sekondarju quddiem it-tron. Kienu meqjusin bħala Kristjani inqas leali, uħud li ma wrewx spirtu taʼ sagrifiċċju veru tagħhom infushom. Fl-1935 dik il-ħarsa ġiet ikkorreġuta.b Eżami taʼ Rivelazzjoni 7:9 fid-dawl taʼ testi bħalma huma Mattew 25:31, 32 għamilha ċara li nies hawn fuq l-art setgħu jkunu “quddiem it-tron.” Ukoll ġie indikat li Alla m’għandux żewġ livelli taʼ fedeltà. Dawk kollha li għandhom l-approvazzjoni tiegħu jridu jżommu integrità lejh.—Mattew 22:37, 38; Luqa 16:10.
-
-
Folla Kbira li Qegħdin Jagħtu Servizz SagruIt-Torri tal-Għassa—1995 | Frar 1
-
-
Folla Kbira li Qegħdin Jagħtu Servizz Sagru
“Qegħdin jagħtuh servizz sagru nhar u lejl fit-tempju tiegħu.”—RIVELAZZJONI 7:15.
1. Liema żvilupp importanti taʼ fehma spiritwali ntlaħaq fl-1935?
FIL-31 taʼ Mejju, 1935, kien hemm ferħ kbir fost id-delegati f’konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Washington, D.C. Hemmhekk, għall-ewwel darba, il-kotra l-kbira (jew, il-folla l-kbira) taʼ Rivelazzjoni 7:9 ġiet identifikata b’mod ċar f’armonija mal-bqija tal-Bibbja u fi qbil maʼ ġrajjiet li kienu diġà bdew jiżviluppaw.
2. Liema ħaġa indikat li għadd li dejjem jiżdied kienu rrealizzaw li Alla ma kienx sejħilhom għal ħajja fis-sema?
2 Madwar sitt ġimgħat qabel, fiċ-ċelebrazzjoni taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej f’kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, 10,681 minn dawk preżenti (madwar 1 minn kull 6) ma kinux ipparteċipaw mill-emblemi taʼ ħobż u nbid, u 3,688 minn dawn kienu proklamaturi attivi tas-Saltna t’Alla. Għala żammew lura milli jieħdu mill-emblemi? Għaliex fuq il-bażi taʼ dak li tgħallmu mill-Bibbja, irrealizzaw li Alla ma sejħilhomx għal ħajja fis-sema imma li setgħu jieħdu sehem fil-provvedimenti taʼ mħabba taʼ Jehovah b’mod ieħor. Mela f’dik il-konvenzjoni, meta l-kelliemi staqsa: “Dawk kollha li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art jistgħu jekk jogħġobhom iqumu bil-wieqfa,” x’ġara? Eluf qamu fuq saqajhom, u dan ġie segwit b’ċapċip fit-tul min-naħa taʼ l-udjenza.
3. L-identifikar tal-kotra kbira għala ta spinta ġdida lill-ministeru taʼ l-għalqa, u x-Xhieda kif ħassewhom dwar dan?
3 Dak li d-delegati tgħallmu f’dik il-konvenzjoni ta spinta ġdida lill-ministeru tagħhom. Saru japprezzaw li issa, qabel it-tmiem tas-sistema qadima, mhux biss ftit eluf imma kotra kbira taʼ nies se jingħataw l-opportunità li jidħlu fl-arranġament taʼ Jehovah għall-ippreservar tal-ħajja, bil-prospett li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. X’messaġġ li jqanqal il-qalb kien ippreżentat hemm lil uħud li jħobbu l-verità! Ix-Xhieda taʼ Jehovah irrealizzaw li kien hemm xogħol kbir li ried isir—xogħol ferrieħi. Snin wara, John Booth, li sar membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, ftakar: “Dik l-assemblea tatna ħafna dwar xiex nithennew.”
4. (a) Sa liema punt kien hemm attwalment ġbir tal-folla l-kbira mill-1935 ’l hawn? (b) Dawk tal-folla l-kbira b’liema mod qegħdin jagħtu evidenza li tagħhom hija fidi ħajja?
4 Matul is-snin taʼ wara, l-għadd taʼ Xhieda taʼ Jehovah żdied b’mod drammatiku. Minkejja l-persekuzzjoni taʼ spiss vjolenti miġjuba fuqhom b’mod estrem matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-għadd tagħhom kważi trippla f’temp t’għaxar snin. U s-56,153 pubblikatur li kienu qegħdin jagħtu xiehda pubblika fl-1935 żdiedu, sa l-1994, għal iktar minn 4,900,000 proklamatur tas-Saltna mifruxin f’iktar minn 230 art. Il-maġġoranza vasta minn dawn iħarsu ’l quddiem b’antiċipazzjoni ħerqana li jkunu inklużi fost dawk li Jehovah jiffavorixxi bil-perfezzjoni taʼ ħajja fuq art magħmula ġenna. Imqabblin mal-merħla ċkejkna, dawn saru verament folla kbira. M’humiex nies li jgħidu li għandhom fidi u madankollu ma juruhiex. (Ġakbu 1:22; 2:14-17) Ilkoll kemm huma jaqsmu m’oħrajn l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. Int wieħed minn dik il-ġemgħa hienja? Li tkun Xhud attiv hija marka importanti taʼ identifikazzjoni, imma iżjed huwa involut.
“Bil-Wieqfa Quddiem It-Tron”
5. X’inhuwa indikat bil-fatt li l-folla l-kbira jinsabu “bil-wieqfa quddiem it-tron”?
5 Fil-viżjoni mogħtija lill-appostlu Ġwanni, hu rahom “bil-wieqfa quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 7:9) Li huma bil-wieqfa quddiem it-tron t’Alla, kif deskritti f’dan il-kuntest, jindika li jagħtu rikonoxximent sħiħ lis-sovranità taʼ Jehovah. Dan jinkludi ħafna. Per eżempju: (1) Jirrikonoxxu d-dritt taʼ Jehovah li jiddeċiedi għall-qaddejja tiegħu dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin. (Ġenesi 2:16, 17; Isaija 5:20, 21) (2) Jisimgħu minn Jehovah hekk kif ikellimhom permezz tal-Kelma tiegħu. (Dewteronomju 6:1-3; 2 Pietru 1:19-21) (3) Japprezzaw l-importanza li jissottomettu ruħhom lejn dawk li Jehovah fada bl-indokrar. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:22, 23; 6:1-3; Ebrej 13:17) (4) Għalkemm imperfetti, jipprovaw b’mod ħerqan li jwieġbu għal direzzjoni teokratika, mhux kontra qalbhom, imma fil-pront, mill-qalb. (Proverbji 3:1; Ġakbu 3:17, 18) Qegħdin quddiem it-tron biex jagħtu servizz sagru lil Jehovah, li lilu jirrispettaw profondament u jħobbu bil-kbir. Fil-każ taʼ din il-folla l-kbira, ‘li huma bil-wieqfa’ quddiem it-tron jindika l-approvazzjoni tal-Wieħed bil-qiegħda fuq it-tron. (Qabbel Rivelazzjoni 6:16, 17.) Approvazzjoni fuq liema bażi?
“Lebsin Ilbiesi Bojod”
6. (a) X’ifisser il-fatt li l-folla l-kbira “lebsin ilbiesi bojod”? (b) Il-folla l-kbira kif jiksbu waqfa taʼ tjieba quddiem Jehovah? (ċ) Il-fidi fid-demm imxerred taʼ Kristu sa liema punt tinfluwenza l-ħajjiet tal-folla l-kbira?
6 Id-deskrizzjoni taʼ l-appostlu Ġwanni taʼ dak li ra tgħid li l-membri taʼ din il-folla l-kbira huma “lebsin ilbiesi bojod.” Dawk l-ilbiesi bojod jissimbolizzaw il-waqfa nadifa, taʼ tjieba tagħhom quddiem Jehovah. Kif kisbu waqfa bħal din? Diġà osservajna li fil-viżjoni taʼ Ġwanni kienu weqfin “quddiem il-Ħaruf.” Jirrikonoxxu lil Ġesù Kristu bħala “l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġwann 1:29) Ġwanni samaʼ lil wieħed mill-anzjani li, fil-viżjoni, kien preżenti ħdejn it-tron t’Alla jispjega: “Ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf. Dak huwa għala qegħdin quddiem it-tron t’Alla.” (Rivelazzjoni 7:14, 15) B’mod figurattiv, ħaslu lbieshom billi eżerċitaw fidi fid-demm li jifdi taʼ Kristu. Ma jagħtux sempliċi appoġġ mentali lit-tagħlim tal-Bibbja dwar ir-rahan. Apprezzament għalih jeffettwa t-tip taʼ persuna li huma minn ġewwa; b’hekk, huwa “bil-qalb” li jeżerċitaw fidi. (Rumani 10:9, 10) Dan għandu effett penetranti fuq dak li jagħmlu bil-ħajjiet tagħhom. Bil-fidi, jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Kristu, jissimbolizzaw dik id-dedikazzjoni b’tgħaddis fl-ilma, verament jgħixu f’armonija mad-dedikazzjoni tagħhom, u b’hekk jaslu li jgawdu relazzjoni approvata m’Alla. Xi privileġġ mill-aħjar—wieħed li għandu jiġi ssalvagwardjat bir-reqqa!—2 Korintin 5:14, 15.
7, 8. L-organizzazzjoni taʼ Jehovah kif għenet lill-folla l-kbira biex iżommu l-ilbiesi tagħhom bla tinġis?
7 Bi tħassib taʼ mħabba għall-ġid dejjiemi tagħhom, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah ripetutament ġibdet l-attenzjoni lejn attitudnijiet u kondotta li jistgħu jtebbgħu, jew iniġġsu, l-ilbiesi taʼ identifikazzjoni taʼ dak li jkun sabiex, minkejja dak li jistqarr minn barra, l-individwu ma jkunx jiffittja verament id-deskrizzjoni profetika f’Rivelazzjoni 7:9, 10. (1 Pietru 1:15, 16) Biex isaħħaħ dak li kien ġie ppubblikat qabel, It-Torri Taʼ L-Għassa, fl-1941 u wara, ripetutament wera li jkun estremament mhux xieraq li tippriedka lil oħrajn u mbagħad, meta ma tkunx involut fil-ministeru, tieħu sehem f’kondotta bħalma hija l-fornikazzjoni jew l-adulterju. (1 Tessalonkin 4:3; Ebrej 13:4) Fl-1947 kien enfasizzat li l-livelli taʼ żwiġijiet Kristjani taʼ Jehovah japplikaw fl-artijiet kollha; minkejja dak li drawwa lokali tistaʼ tapprova, dawk li baqgħu jipprattikaw il-poligamija ma setgħux ikunu Xhieda taʼ Jehovah.—Mattew 19:4-6; Titus 1:5, 6.
8 Fl-1973, ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha ntwerew li lkoll kemm huma jridu jżommu ’l bogħod minn drawwiet li mingħajr ebda dubju jniġġsu, bħalma huwa l-użu ħażin tat-tabakk, ikunu fejn ikunu—mhux biss fis-Sala tas-Saltna jew fis-servizz taʼ l-għalqa imma wkoll fix-xogħol sekulari jew f’xi post moħbi fejn ma jidhirx mill-pubbliku. (2 Korintin 7:1) Fl-1987 f’konvenzjonijiet distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah, żgħażagħ Kristjani ġew imwissijin bil-qawwa li sabiex iżommu waqfa nadifa quddiem Alla, iridu jgħassu kontra li jgħixu ħajja doppja. (Salm 26:1, 4) Għal darba wara l-oħra, It-Torri Taʼ L-Għassa wissa kontra aspetti differenti taʼ l-ispirtu tad-dinja għaliex “il-forma taʼ qima li hija nadifa u bla tinġis mill-punt taʼ kif jaraha Alla tagħna u Missierna” tinkludi li żżomm lilek innifsek “mingħajr tebgħa mid-dinja.”—Ġakbu 1:27.
9. Min attwalment se jibqaʼ wieqaf approvat quddiem it-tron t’Alla wara t-tribulazzjoni kbira?
9 Huma dawk li l-fidi tagħhom tqanqalhom biex jgħixu b’tali mod li jibqgħu nodfa spiritwalment u moralment li se jibqgħu “bil-wieqfa quddiem it-tron” bħala qaddejja approvati t’Alla wara t-tribulazzjoni kbira li ġejja. Dawn huma nies li mhux biss jagħtu bidu għal mod taʼ ħajja Kristjan imma li lealment jipperseveraw fih.—Efesin 4:24.
“Friegħi Tal-Palm F’Idejhom”
10. Il-friegħi tal-palm li Ġwanni ra f’idejn il-folla l-kbira huma taʼ liema sinjifikat?
10 Fost il-fatturi li jispikkaw tal-folla l-kbira, kif osservati mill-appostlu Ġwanni, huwa dak li “kien hemm friegħi tal-palm f’idejhom.” X’sinjifikat għandu dak? Bla dubju dawk il-friegħi tal-palm fakkru lil Ġwanni dwar il-festa Lhudija tat-tabernakli, l-iktar festa mimlija ferħ fil-kalendarju Ebrajk, miżmuma wara l-ħsad tas-sajf. F’armonija mal-Liġi, weraq tal-palm, flimkien mal-friegħi taʼ siġar oħrajn, kienu jintużaw biex jagħmlu għerejjex biex joqgħodu fihom matul il-festa. (Levitiku 23:39, 40; Neħemija 8:14-18) Kienu wkoll jixxejru mill-adoraturi fit-tempju matul il-kant tal-Ħallel (Salmi 113–118). It-tixjir taʼ friegħi tal-palm mill-folla l-kbira bla dubju wkoll fakkar lil Ġwanni fl-okkażjoni meta Ġesù daħal riekeb ġewwa Ġerusalemm fil-waqt li folla t’adoraturi mimlijin ferħ xejru friegħi tal-palm u għajtu: “Imbierek dak li jiġi f’isem Jehovah, saħansitra s-sultan taʼ Iżrael!” (Ġwann 12:12, 13) Mela t-tixjir taʼ friegħi tal-palm jindika li l-folla l-kbira mimlijin ferħ isellmu lis-Saltna taʼ Jehovah u lis-Sultan midluk tiegħu.
11. Qaddejja t’Alla għala verament isibu ferħ f’li jaqdu lil Jehovah?
11 Huwa spirtu taʼ ferħ bħal dan li l-folla l-kbira juru saħansitra issa hekk kif jaqdu lil Jehovah. Dan ma jfissirx li ma jiffaċċjaw ebda tbatija jew li ma jġarrbu ebda niket jew uġigħ. Imma s-sodisfazzjon li jiġi milli jaqdu u jogħġbu lil Jehovah jgħin biex jegħleb dawk l-affarijiet. B’hekk, waħda missjunarja li qdiet maʼ żewġha għal 45 sena fil-Gwatemala rrakkontat dwar il-kundizzjonijiet primittivi li kienu madwarhom, ix-xogħol iebes u l-ivvjaġġar perikoluż li kien parti mill-ħajja hekk kif għamlu sforzi biex jikkuntattjaw lill-irħula Indjani bil-messaġġ tas-Saltna. Hi kkonkludiet: “Kien iż-żmien taʼ ħajjitna meta konna henjin b’mod suprem.” Għalkemm kienet qiegħda tħoss l-effetti taʼ l-età avanzata u l-mard, fost l-aħħar affarijiet li kitbet fid-djarju tagħha kien il-kliem: “Kienet ħajja tajba, tant premjanti.” Maʼ l-art kollha, ix-Xhieda taʼ Jehovah iħossuhom bl-istess mod dwar il-ministeru tagħhom.
-
-
Folla Kbira li Qegħdin Jagħtu Servizz SagruIt-Torri tal-Għassa—1995 | Frar 1
-
-
‘Mill-Ġnus, Tribujiet, Popli, u Ilsna Kollha’
16. Kif inhuwa veru li l-folla l-kbira joħorġu “mill-ġnus kollha”?
16 Mill-ġnus kollha, dawk tal-folla l-kbira ġejjin. Alla mhux parzjali, u l-provvediment tar-rahan magħmul permezz taʼ Ġesù Kristu huwa abbundanti biex bih jibbenefikaw ilkoll. Meta l-folla l-kbira ġiet identifikata Skritturalment għall-ewwel darba fl-1935, ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu attivi f’115-il art. Sas-snin disgħin, it-tfittxija għal uħud bħal ngħaġ kienet estendiet f’iktar mid-doppju t’artijiet.—Mark 13:10.
17. X’inhuwa jsir biex ngħinu lil nies mit-‘tribujiet, popli, u ilsna’ kollha jkunu inklużi fil-folla l-kbira?
17 F’li jsibu membri prospettivi tal-folla l-kbira, ix-Xhieda taʼ Jehovah taw attenzjoni mhux biss lil gruppi nazzjonali imma wkoll lit-tribujiet u popli u gruppi lingwistiċi ġewwa dawk il-ġnus. Sabiex jilħqu lil dawn in-nies, ix-Xhieda jippubblikaw letteratura Biblika f’iktar minn 300 lingwa. Dan jinvolvi li tħarreġ u żżomm timijiet taʼ tradutturi kkwalifikati, billi tipprovdi tagħmir tal-kompjuter li kapaċi jipproċessa dawn il-lingwi kollha, kif ukoll li tagħmel l-istampar attwali. Matul biss dawn l-aħħar ħames snin, 36 lingwa, mitkellma minn xi 98,000,000 ruħ, ġew miżjudin mal-lista. Iktar minn hekk, ix-Xhieda jipprovaw iżuru personalment lil dawn in-nies biex jgħinuhom jifhmu l-Kelma t’Alla.—Mattew 28:19, 20.
-