Kapitlu 9
Qawwa Tat-Tama Taʼ L-Irxoxt
1. Liema prospetti meraviljużi jintgħamlu possibbli permezz taʼ l-irxoxt?
MINGĦAJR l-irxoxt, m’hemm ebda tama għal kwalunkwe ħajja futura għall-bnedmin mejtin. Imma Jehovah, sforz il-qalb tajba mhix mistħoqqa, fetaħ għal biljuni li mietu l-opportunità imprezzabbli li jgawdu ħajja eterna. Bħala riżultat, aħna wkoll għandna t-tama li tqanqal il-qalb li nerġgħu ningħaqdu mal-maħbubin tagħna li raqdu fil-mewt.—Qabbel Mark 5:35, 41, 42; Atti 9:36-41.
2. (a) L-irxoxt b’liema modi ta prova li huwa importanti fit-twettiq taʼ l-iskop taʼ Jehovah? (b) Partikolarment meta hija t-tama taʼ l-irxoxt sors importanti taʼ saħħa għalina?
2 Minħabba l-irxoxt Jehovah jistaʼ, mingħajr ħsara dejjiema għall-qaddejja leali tiegħu, iħalli lil Satana jagħmel kulma jistaʼ f’li jittanta jagħti prova taʼ l-allegazzjoni malinna tiegħu, “Kulma għandu bniedem se jagħtih għan-nom taʼ ruħu.” (Ġob 2:4) Minħabba li Ġesù ġie mqajjem mill-imwiet hu setaʼ jippreżenta l-valur tas-sagrifiċċju uman tiegħu quddiem it-tron tas-sema taʼ Missieru, bil-benefiċċju li jsalva l-ħajja għalina. Permezz taʼ l-irxoxt dawk li huma werrieta mseħbin maʼ Kristu huma magħqudin miegħu fis-Saltna tas-sema. U għalina lkoll li għandna l-fidi, l-irxoxt huwa sors taʼ saħħa lil hinn min-normal meta ngħaddu minn tiġrib li jġibna wiċċ imb’wiċċ mal-mewt.
GĦALA FUNDAMENTALI GĦALL-FIDI KRISTJANA
3. (a) L-irxoxt f’liema sens huwa “duttrina primarja”? (b) X’ifisser l-irxoxt għad-dinja inġenerali?
3 L-irxoxt, bħalma huwa mistqarr f’Ebrej 6:1, 2, huwa “duttrina primarja,” parti mill-bażi tal-fidi li mingħajrha qatt ma nkunu nistgħu nsiru Kristjani maturi. Imma dan il-fatt huwa mbiegħed mill-mod taʼ kif taħsibha d-dinja inġenerali. Neqsin mill-ispiritwalità, iktar u iktar nies jgħixu ħajja taʼ ġiri wara l-pjaċiri. Jaraw din il-ħajja biss bħala realtà. (1 Kor. 15:32) Dawk li jibqgħu mqabbdin mar-reliġjonijiet tradizzjonali, kemm dawk ġewwa l-Kristjaneżmu u kemm dawk barra, jaħsbu li għandhom ruħ immortali, u dan jagħmel l-irxoxt inutli. Kulmin jipprova jirrikonċilja dawn iż-żewġ kunċetti jsib dan iktar taʼ xkiel milli li jispira t-tama. Kif nistgħu ngħinu lil dawk li huma lesti li jagħtu widen?—Atti 17:32.
4. (a) Qabel ma persuna tistaʼ tapprezza l-irxoxt, x’jistaʼ jkollna bżonn li niddiskutu magħha? (b) Liema skritturi kieku tuża int biex tfisser x’inhi r-ruħ? Il-kundizzjoni tal-mejtin? (ċ) Imma xi ngħidu jekk xi ħadd juża traduzzjoni tal-Bibbja li tidher li taħbi l-veritajiet li jinstabu f’dawk it-testi?
4 Qabel ma wħud bħal dawn jistgħu japprezzaw xi provvediment taʼ l-għaġeb huwa l-irxoxt, jeħtieġ li jifhmu r-ruħ x’inhi u l-kundizzjoni tal-mejtin. Spiss sempliċement ftit skritturi huma biżżejjed biex tiċċara dawn l-affarijiet għal persuna li hi bil-ġuħ għall-verità. (Ġen. 2:7; Eżek. 18:4; Salm 146:3, 4) Imma xi traduzzjonijiet moderni u edizzjonijiet parafrażiċi tal-Bibbja jaħbu dawn il-veritajiet. Mela jistaʼ jkun neċessarju li tikkunsidra l-espressjonijiet użati fil-lingwi oriġinali tal-Bibbja.
5. Kif tgħin lil persuna bħal din biex tifhem x’inhi r-ruħ?
5 In-New World Translation hija speċjalment taʼ valur f’li nagħmlu dan, minħabba l-fatt li b’mod konsistenti tittraduċi t-terminu Ebrajk neʹphesh u l-kelma Griega li tikkorrispondi magħha psy·kheʹ bħala “ruħ,” u fl-appendiċi tagħha hemm lista taʼ ħafna testi fejn jinstabu dawn it-termini. Verżjonijiet moderni oħrajn jistgħu jittraduċu l-istess kelmiet oriġinali mhux biss bħala “ruħ” imma wkoll bħala “ħlejqa,” “esseri,” “persuna” u “ħajja”; “in-neʹphesh tiegħi” tistaʼ tiġi tradotta “jien,” u “in-neʹphesh tiegħek” bħala “int.” Paragun taʼ dawn il-Bibbji maʼ xi traduzzjonijiet eqdem jew man-New World Translation se jgħin lil student sinċier japprezza li t-termini fil-lingwi oriġinali tradotti “ruħ” jirreferu għal (1) persuni, (2) annimali u (3) il-ħajja li jgawdu bħala talin. Imma qatt ma jġorru l-idea li ruħ hija xi ħaġa inviżibbli li ma tistax tmissha u li mal-mewt tistaʼ tiskappa mill-ġisem u jkollha eżistenza konxja kontinwa x’imkien.
6. (a) Xi traduzzjonijiet moderni għala jħallu l-qarrejja mħawdin rigward it-tifsira taʼ Xeol, Ħades u Geħenna? (b) Kif tispjegaha kieku int mill-Bibbja l-kundizzjoni taʼ persuni f’Xeol, jew f’Ħades? F’Geħenna?
6 Bl-istess mod, in-New World Translation hija konsistenti fl-użu tagħha taʼ Xeol biex tittraduċi kelma b’kelma t-terminu Ebrajk sheōlʹ u fl-użu tagħha taʼ Ħades għat-terminu Grieg haʹdes u Geħenna għal geʹen·na. Imma xi traduzzjonijiet moderni u parafrażiċi oħrajn tal-Bibbja jħawdu lill-qarrej billi jittraduċu KEMM haʹdes u KEMM geʹen·na bħala “infern,” barra li jużaw “il-qabar” u “d-dinja tal-mejtin” bħala traduzzjonijiet oħrajn għal sheōlʹ u haʹdes. Billi jitqabblu t-traduzzjonijiet fejn hemm bżonn, jistaʼ jintwera li Xeol huwa l-ekwivalenti għal Ħades. (Salm 16:10; Atti 2:27) Il-Bibbja tagħmilha ċara li Xeol, jew Ħades, il-qabar komuni taʼ l-umanità, huwa assoċjat mal-mewt, mhux mal-ħajja. (Salm 89:48; Riv. 20:13) Din tipponta wkoll lejn il-prospett taʼ ritorn minn hemmhekk permezz taʼ l-irxoxt. (Ġob 14:13; Atti 2:31) B’kuntrast, ebda tama taʼ ħajja fil-futur m’hija offruta għal dawk li jmorru Geħenna, u, m’għandniex xi ngħidu, ir-ruħ m’huwiex mitkellem dwarha bħala li għandha eżistenza konxja hemmhekk.—Matt. 18:9; 10:28.
7. Mifhum b’mod xieraq, l-irxoxt kif jistaʼ jinfluwenza l-attitudni u l-azzjonijiet taʼ persuna?
7 B’dawn il-kwistjonijiet iċċarati, il-mewt u l-irxoxt taʼ Kristu jieħdu tifsira reali. Persuna tistaʼ issa tiġi mgħejjuna biex tifhem l-irxoxt x’jistaʼ jfisser għaliha u tistaʼ tibda tapprezza l-imħabba taʼ Jehovah f’li għamel provvediment tant meraviljuż bħal dan. In-niket li nħass minn dawk li tilfu l-maħbubin tagħhom fil-mewt issa jistaʼ jiġi mibdul f’antiċipazzjoni mimlija ferħ taʼ rijunjoni fl-Ordni Ġdid t’Alla. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu rrealizzaw li l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu kien il-ġebla taʼ l-għareb tal-fidi Kristjana. B’żelu taw xiehda lil oħrajn dwar dan u dwar it-tama li dan kien jiggarantixxi. Għalhekk, ukoll, dawk li japprezzawha llum huma ħerqanin li jaqsmu din il-verità prezzjuża m’oħrajn.—Atti 5:30-32; 10:40-43; 13:32-39; 17:31.
L-UŻU TAL-‘MUFTIEĦ TAʼ ĦADES’
8. L-użu minn Ġesù taʼ l-“imfietaħ tal-mewt u taʼ Ħades” x’ifisser għas-segwaċi tiegħu midlukin bl-ispirtu?
8 Dawk kollha li għandhom jiġu mseħbin maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema jridu eventwalment imutu. Imma jafu tajjeb l-assiguranza li hu tahom meta qal lill-appostlu Ġwanni: “Jien sirt mejjet, imma, ħares! jien qiegħed ngħix għal dejjem taʼ dejjem, u għandi l-imfietaħ tal-mewt u taʼ Ħades.” (Riv. 1:18) X’ried ifisser? Kien qiegħed jiġbed l-attenzjoni lejn l-esperjenza tiegħu stess. Hu, ukoll, kien miet. Imma Alla ma ħalliehx f’Ħades. Fit-tielet jum Jehovah personalment qajmu għal ħajja bħala spirtu u tah l-immortalità. Mhux dak biss, imma Alla tah “l-imfietaħ tal-mewt u taʼ Ħades” biex jużahom f’li jeħles lil oħrajn mill-qabar komuni taʼ l-umanità u mill-effetti tad-dnub Adamiku. Minħabba li għandu l-pussess taʼ dawk l-imfietaħ, Ġesù kapaċi jqajjem lis-segwaċi leali tiegħu mill-imwiet. Meta jagħmel hekk, hu jagħti lill-membri tal-kongregazzjoni tiegħu midlukin bl-ispirtu l-għotja prezzjuża taʼ ħajja immortali fis-sema, sewwa sew bħalma Missieru għamel għalih.—Rum. 6:5; Fil. 3:20, 21.
9. L-irxoxt taʼ Kristjani leali midlukin bl-ispirtu meta jsir?
9 Il-Kristjani midlukin leali meta kellhom jesperjenzaw dak l-irxoxt? Dan diġà beda. L-appostlu Pawlu jispjega li kellhom jiġu mqajmin ‘matul il-preżenza taʼ Kristu,’ liema preżenza bdiet fl-1914 E.K. (1 Kor. 15:23) Issa, meta dawn itemmu l-korsa tagħhom fuq l-art, m’għandhomx għalfejn jistennew fil-mewt għar-ritorn tal-Mulej tagħhom. Malli jmutu jiġu mqajmin fl-ispirtu, billi ‘jitbiddlu, f’mument, f’ħakka t’għajn.’ X’hena se jkollhom, għaliex “l-affarijiet li għamlu jmorru dritt magħhom”!—1 Kor. 15:51, 52; Riv. 14:13.
10. Liema rxoxt ieħor se jkun hemm, u dan meta se jibda?
10 Imma tagħhom m’huwiex l-uniku rxoxt. Il-fatt li jissejjaħ “l-ewwel irxoxt” jindika li rxoxt ieħor irid isegwi. (Riv. 20:6) Dawk li jibbenefikaw minn dan l-aħħar irxoxt se jkollhom il-prospett hieni taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula Ġenna. Dak meta se jseħħ? Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni juri li dan se jkun wara li “l-art u s-sema” taʼ din is-sistema mill-agħar t’affarijiet preżenti jkunu tneħħew. Dak it-tmiem tas-sistema qadima huwa viċin ferm. Wara dak, fiż-żmien maħtur t’Alla, jibda l-irxoxt taʼ fuq l-art.—Riv. 20:11, 12.
11. Min se jkun inkluż fost l-uħud leali li jiġu mqajmin għall-ħajja fuq l-art, u għala huwa dak prospett eċċitanti?
11 Min se jkun inkluż? Qaddejja leali taʼ Jehovah minn żminijiet l-iktar bikrin. Fosthom se jkun hemm bnedmin li, minħabba l-fidi qawwija tagħhom fl-irxoxt, “ma ridux jaċċettaw ħelsien b’xi rahan”—xi kompromess taʼ l-integrità tagħhom lejn Alla sabiex jiskappaw mewta vjolenti. (Eb. 11:35) X’għaxqa se tkun li ssir tafhom personalment u li tismaʼ minn għandhom, direttament, id-dettalji rigward ġrajjiet li dwarhom il-Bibbja tirrapporta fil-qosor biss! Fost oħrajn, se jkun hemm Abel, l-ewwel xhud leali taʼ Jehovah. Enok u Noè, proklamaturi mhux beżgħanin tal-messaġġ taʼ twissija t’Alla qabel l-Għarqa. Abraham, li kien laqaʼ għandu l-anġli. Mosè, li permezz tiegħu ngħatat il-Liġi fuq il-Muntanja Sinaj. Profeti kuraġġużi bħalma kien Ġeremija, li ra l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. U Ġwanni l-Għammied, li samaʼ lil Alla nnifsu jidentifika lil Ġesù bħala Ibnu. Se jkun hemm ukoll uħud leali li mietu matul l-aħħar jiem tas-sistema preżenti.—Eb. 11:4-38; Matt. 11:11.
12. (a) Kemm mill-mejtin f’Ħades se jiġu mqajmin? (b) Mela min se jkun inkluż, u għala?
12 Maż-żmien, oħrajn, ukoll, se jiġu mqajmin. L-estent sa fejn Ġesù se juża l-‘muftieħ taʼ Ħades’ għan-nom taʼ l-umanità jintwera f’viżjoni mogħtija lill-appostlu Ġwanni fejn hu ra lil Ħades ‘mixħut fl-għadira tan-nar.’ Dak x’ifisser? Li jiġi meqrud; ma jeżistix iktar għaliex tbattal għalkollox. B’hekk, barra li jqajjem lil adoraturi leali taʼ Jehovah, Ġesù bil-ħniena se jġib lura minn Ħades, jew Xeol, saħansitra persuni m’humiex twajbin. Ebda wieħed minn dawn ma jiġi mqajjem sempliċement biex jiġi ġġudikat li ħaqqu l-mewt għal darb’oħra. Fl-ambjent taʼ tjieba taħt is-Saltna t’Alla se jiġu mgħejjunin biex iġibu ħajjiethom f’armonija mal-mogħdijiet taʼ Jehovah. Il-viżjoni wriet “ir-romblu tal-ħajja” miftuħ, u huma se jkollhom l-opportunità li jkollhom isimhom imniżżel fih. Se jiġu “ġġudikati individwalment skond l-għemejjel tagħhom” li twettqu wara l-irxoxt tagħhom. (Riv. 20:12-14; Atti 24:15) B’hekk, bħalma jidher mill-angolu tar-riżultat finali, tagħhom jistaʼ jagħti prova li jkun “irxoxt taʼ ħajja” u mhux se jkun “irxoxt taʼ ġudizzju [taʼ kundanna]” li ma jistax jiġi evitat.—Ġwn. 5:28, 29.
13. (a) Min m’huwiex se jiġi rxoxtat? (b) L-għarfien tal-verità dwar l-irxoxt kif għandu jeffettwa lil ħajjietna?
13 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulmin għex se jiġi rxoxtat. Xi wħud ikkommettew dnubiet li għalihom ebda maħfra m’hija possibbli. Dawk maqtulin fit-“tribulazzjoni kbira,” li issa qiegħda fil-qrib, se jkunu inklużi fost dawk li jġarrbu qerda għal dejjem. (Matt. 12:31, 32; 23:33; 24:21, 22; 25:41, 46; 2 Tess. 1:6-9) B’hekk, fil-waqt li tintwera ħniena straordinarja bil-ħelsien taʼ dawk kollha li qegħdin f’Ħades, l-irxoxt ma jipprovdi ebda bażi sabiex inkunu indifferenti dwar kif ngħixu issa. Minflok, dan għandu jimmotivana biex nuru kemm napprezzaw b’mod profond din il-qalb tajba verament mhix mistħoqqa t’Alla.
IMSAĦĦIN BIT-TAMA TAʼ L-IRXOXT
14. L-irxoxt kif jistaʼ jkun sors taʼ saħħa kbira għal persuna li qiegħda toqrob it-tmiem tal-ħajja preżenti tagħha?
14 Dawk li għamlu t-tama taʼ l-irxoxt it-tama tagħhom kapaċi jieħdu ħafna saħħa minnha. Meta joqorbu tmiem ħajjithom, jafu li ma jistgħux jipposponu l-mewt b’mod indefinit, huma x’inhuma l-proċeduri mediċi wżati. (Ekkl. 8:8) Jekk żammew erwieħhom mehdijin fix-xogħol tal-Mulej u qdew lealment maʼ l-organizzazzjoni tiegħu, jistgħu jħarsu lejn il-futur b’assiguranza sħiħa. Huma jafu li permezz taʼ l-irxoxt, fiż-żmien stabbilit t’Alla, se jgawdu l-ħajja mill-ġdid. U x’ħajja se tkun din! “Il-vera ħajja,” bħalma sejħilha l-appostlu Pawlu.—1 Tim. 6:19; 1 Kor. 15:58; Eb. 6:10-12.
15. Jekk niġu mheddin minn persekuturi vjolenti, x’jistaʼ jgħinna biex inżommu l-integrità lejn Jehovah?
15 Mhux biss li nafu li hemm l-irxoxt jagħmilna kapaċi nkunu f’saħħitna, imma li nkunu nafu lil dak il-Wieħed li hu s-Sors taʼ dak il-provvediment. Dan jiffortifikana biex inkunu leali lejn Alla saħansitra jekk niġu mheddin bil-mewt f’idejn persekuturi vjolenti. Satana ilu żmien twil jinqeda bil-biżaʼ tal-mewt mhix f’waqtha bħala mezz sabiex iżomm lin-nies fil-jasar. Imma Ġesù ma ċediex għal biżaʼ bħal dan; hu ta prova li kien leali lejn Jehovah dritt sal-mewt. B’dak li wettqet mewtu hu pprovda l-mezz sabiex jeħles lil oħrajn minn biżaʼ bħal dan. (Eb. 2:14, 15) Bħala riżultat tal-fidi tagħhom f’dak il-provvediment, il-veri segwaċi tiegħu bnew isem li jispikka bħala nies li jżommu l-integrità. Meta tqiegħdu taħt pressjoni, taw prova li ‘ma ħabbewx lil erwieħhom stess’ iktar milli jħobbu lil Jehovah. (Riv. 12:11) B’għaqal, ma jipprovawx isalvaw il-ħajja preżenti tagħhom billi jabbandunaw prinċipji Kristjani, bir-riżultat li jitilfu l-prospett taʼ ħajja eterna. (Luqa 9:24, 25) Għandek int dak it-tip taʼ fidi? Se jkollok jekk verament tħobb lil Jehovah u niżżilt fil-fond taʼ qalbek xi tfisser għalik it-tama taʼ l-irxoxt.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Persuna għala għandha bżonn tifhem x’inhi r-ruħ u l-kundizzjoni tal-mejtin qabel ma tistaʼ tapprezza l-irxoxt?
● Min se jirritorna mill-imwiet? Dan l-għarfien kif għandu jeffettwana?
● It-tama taʼ l-irxoxt kif issaħħaħna?