LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Is-Sess Se Jsaħħaħha r-Relazzjoni Tagħna?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
    • KAPITLU 24

      Is-Sess Se Jsaħħaħha r-Relazzjoni Tagħna?

      Heather ilha xahrejn biss toħroġ maʼ Mike, imma tħossha bħallikieku ilha tafu ħajjitha kollha. Huma l-​ħin kollu jibagħtu l-​messaġġi lil xulxin, jitkellmu għal sigħat sħaħ fuq it-​telefon, u saħansitra jaħsbu u jitkellmu bl-​istess mod! Imma issa, waqt li qegħdin f’karozza pparkjata għad-​dawl tal-​qamar, Mike jrid iktar milli sempliċement jitkellem.

      F’dawn l-​aħħar xahrejn, Mike u Heather m’għamlu xejn iktar ħlief li joqogħdu id f’id u jbusu lil xulxin ħafif ħafif. Heather ma trid tagħmel xejn iżjed minn hekk. Imma lanqas ma trid titlef lil Mike. Ħadd ħliefu ma jġegħelha tħossha daqshekk sabiħa u speċjali. Bejnha u bejn ruħha, hi tirraġuna: ‘Barra minn hekk, jien u Mike ninħabbu . . . ’

      X’AKTARX tistaʼ tobsor fejn se twassal din is-​sitwazzjoni. Imma dak li forsi ma tobsorx hu kemm is-​sess jistaʼ jbiddel b’mod drastiku r-​relazzjoni bejn Mike u Heather—u mhux għall-​aħjar. Ikkunsidra dan li ġej:

      Jekk tikser xi liġi tal-​fiżika, bħalma hi l-​liġi tal-​gravità, se tbati l-​konsegwenzi. L-​istess jistaʼ jingħad jekk tikser xi liġi morali, bħal-​liġi li tgħid: ‘Tbiegħdu miż-​żína.’ (1 Tessalonikin 4:3) Liema konsegwenzi se tbati meta ma tobdix dan il-​kmand? Il-​Bibbja tgħid: “Min jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess.” (1 Korintin 6:18) Dan kif inhu minnu? Ara jekk tistax tikteb fil-​linji provduti tliet konsegwenzi koroh li jistgħu jġibu fuqhom infushom dawk li jagħmlu s-​sess qabel iż-​żwieġ.

      1 ․․․․․

      2 ․․․․․

      3 ․․․․․

      Issa ħares lejn dak li ktibt. Inkludejt affarijiet bħal mard trasmess sesswalment, tqala mhix mixtieqa, jew id-​diżapprovazzjoni t’Alla? Ċertament, dawn huma konsegwenzi devastanti li jistgħu jġibu fuqhom infushom dawk li jiksru l-​liġi morali t’Alla dwar iż-​żína.

      Iżda xorta għandha mnejn tiġik it-​tentazzjoni. Forsi tirraġuna u tgħid, ‘Jien mhu se jiġrili xejn.’ Wara kollox, mhux kulħadd qed ikollu relazzjonijiet sesswali? Dawk tamparek fl-​iskola jiftaħru dwar l-​esperjenzi sesswali li jkollhom, u huma ma tantx jidhru li qed ibatu l-​konsegwenzi. Forsi bħal Heather, li ssemmiet fil-​bidu, anki int tħoss li s-​sess se jressqek eqreb lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Wara kollox, min jieħu pjaċir jiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt għax ikun għadu verġni? Ma jkunx aħjar li tagħmel bħalhom?

      Imma ieqaf ftit u aħseb! L-​ewwel nett mhux kulħadd qed ikollu relazzjonijiet sesswali. Veru, forsi taqra xi statistiki li juru li numru kbir taʼ żgħażagħ qed ikollhom relazzjonijiet sesswali. Pereżempju, riċerka li saret fl-​Istati Uniti wriet li sakemm jiġu biex jispiċċaw l-​iskola sekondarja, 2 minn kull 3 żgħażagħ f’dan il-​pajjiż ikunu attivi sesswalment. Imma dan ifisser ukoll li 1 minn kull 3—numru ġmielu—mhuwiex qed ikollu relazzjonijiet sesswali. Imma xi ngħidu dwar dawk li qed ikollhom relazzjonijiet sesswali? Xi riċerkaturi sabu li ħafna żgħażagħ bħal dawn jesperjenzaw waħda jew iktar mill-​konsegwenzi li ġejjin.

      L-​1 KONSEGWENZA IN-​NIKET. Ħafna miż-​żgħażagħ li għamlu s-​sess qabel iż-​żwieġ jgħidu li wara ddispjaċiehom.

      IT-​2 KONSEGWENZA IN-​NUQQAS TAʼ FIDUĊJA. Wara li jkollhom relazzjoni sesswali, kull wieħed mill-​imseħbin jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Min jaf maʼ min iktar għamel/għamlet is-​sess?’

      IT-​3 KONSEGWENZA ID-​DIŻAPPUNT. Fil-​fond taʼ qalbhom, ħafna tfajliet jippreferu lil xi ħadd li jipproteġihom u mhux li jużahom. U ħafna ġuvintur iħossuhom inqas miġbudin lejn tfajla li tkun ċediet għall-​proposti sesswali tagħhom.

      Barra minn hekk, ħafna ġuvintur qalu li qatt ma jaslu biex jiżżewġu tfajla li kellhom relazzjoni sesswali magħha. Għala? Għax jippreferu lil xi ħadd li għandu morali iktar għoljin dwar is-​sess!

      Jekk int tfajla, dan jissorprendik? Forsi saħansitra jirrabjak? Mela ftakar: Ir-​realtà dwar is-​sess qabel iż-​żwieġ hija ferm differenti minn dak li jintwera fil-​films jew fuq it-​televixin. L-​industrija tad-​divertiment tpinġi s-​sess bejn l-​adoloxxenti bħala xi ħaġa mill-​isbaħ u tagħmlu jidher bħallikieku hu xi ħaġa pjaċevoli li ma tagħmilx ħsara jew saħansitra tagħmlu jidher bħala mħabba vera. Imma tħallihomx iqarrqu bik! Dawk li jipprovaw iħajruk biex tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ, sempliċement qed ifittxu biss dak li jaqbel lilhom. (1 Korintin 13:4, 5) Wara kollox, taħseb li xi ħadd li verament iħobbok se jipperikola l-​benesseri fiżiku u emozzjonali tiegħek? (Proverbji 5:3, 4) Ukoll, taħseb li xi ħadd li verament jimpurtah minnek se jħajrek biex tipperikola r-​relazzjoni tiegħek m’Alla?—Ebrej 13:4.

      Jekk int ġuvni żagħżugħ u qed toħroġ maʼ tfajla, dak li ngħad f’dan il-​kapitlu għandu jagħtik raġuni biex tirrifletti fuq ir-​relazzjoni li qiegħed fiha. Staqsi lilek innifsek: ‘Tassew jimpurtani mit-​tfajla li qed noħroġ magħha?’ Jekk it-​tweġiba tiegħek hija iva, x’inhu l-​aqwa mod kif tistaʼ turiha li jimpurtak minnha? Billi jkollok id-​determinazzjoni li tobdi l-​liġijiet t’Alla, l-​għerf biex tevita ċirkustanzi taʼ tentazzjoni, u l-​imħabba biex tfittex l-​interessi tagħha. Jekk għandek dawn il-​kwalitajiet, x’aktarx li s-​sentimenti tat-​tfajla tiegħek se jkunu bħal dawk tas-​Sulamija, li kienet retta moralment. Hi qalet: “L-​għażiż taʼ qalbi hu tiegħi u jien tiegħu.” (L-​Għanja taʼ Salamun 2:16) Fi ftit kliem, int se tkun l-​eroj tagħha!

      Sew jekk int ġuvni u sew jekk int tfajla, il-​fatt hu li jekk iċċedi għas-​sess qabel iż-​żwieġ tkun qed tbaxxi lilek innifsek għax tkun bħallikieku qed tarmi xi ħaġa prezzjuża. (Rumani 1:24) Mhux taʼ b’xejn li wara l-​att sesswali ħafna wħud iħossu ċertu vojt u li ma jiswew għal xejn. Ikun bħallikieku bi traskuraġni ħallew parti prezzjuża minnhom infushom tiġi misruqa! Tħallix dan jiġri lilek. Jekk xi ħadd jipprova jħajrek biex ikollok relazzjoni sesswali billi jgħidlek: “Kieku tħobbni taċċetta,” b’mod sod wieġeb: “Kieku tħobbni lanqas biss tistaqsini!”

      Ġismek hu prezzjuż wisq biex tarmih kif ġieb u laħaq. Uri li għandek karattru sod biżżejjed ħalli tobdi l-​kmand t’Alla biex titbiegħed miż-​żína. Imbagħad, jekk xi darba tiżżewweġ, tkun tistaʼ tagħmel l-​att sesswali. U tkun tistaʼ tgawdih bis-​sħiħ, mingħajr ebda inkwiet, dispjaċir, u inċertezza, li spiss huma l-​konsegwenzi li jġib miegħu s-​sess qabel iż-​żwieġ.​—Proverbji 7:22, 23; 1 Korintin 7:3.

      AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLI 4 U 5 TAʼ VOLUME 2

      FIL-​KAPITLU LI JMISS

      Kemm hu serju l-​vizzju tal-​masturbazzjoni?

      SKRITTURA PRINĊIPALI

      “Aħarbu miż-​żína. . . . Min jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess.”​—1 Korintin 6:18.

      SUĠĠERIMENT

      Fejn tidħol il-​kondotta maʼ xi ħadd tas-​sess oppost, regola tajba li għandek iżżomm f’moħħok hi: Jekk qed tagħmel xi ħaġa li ma tridx li l-​ġenituri tiegħek jarawk tagħmilha, mela mhux suppost qed tagħmilha.

      KONT TAF . . . ?

      Wara li ġuvni jkollu relazzjoni sesswali, hemm iktar ċans li jitlaq lit-​tfajla tiegħu u jsib oħra.

      L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

      Meta nkun maʼ xi ħadd tas-​sess oppost, iċ-​ċirkustanzi li jeħtieġ nevita huma ․․․․․

      Jekk xi ħadd tas-​sess oppost ikun iridni niltaqaʼ miegħu f’post imwarrab, jien se ngħid ․․․․․

      Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

      INT X’TAĦSEB?

      ● Għalkemm is-​sess qabel iż-​żwieġ jistaʼ jidher bħala xi ħaġa sabiħa, għala hu taʼ ħsara għalik?

      ● X’se tagħmel jekk xi ħadd iħajrek biex tagħmel l-​att sesswali?

      [Kumment f’paġna 176]

      “Bħala Kristjan, int għandek kwalitajiet li se jiġbdu lil oħrajn lejk. Għalhekk, jeħtieġ toqgħod attent u tirrifjuta meta tiġi mħajjar tagħmel xi ħaġa immorali. Irrispetta dawn il-​kwalitajiet. Tmurx kontra l-​prinċipji tiegħek stess!”​—Joshua

      [Stampa f’paġni 176, 177]

      Meta tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ, ikun bħallikieku jkollok pittura sabiħa u tużaha bħala tapit quddiem il-​bieb

  • Kif Nistaʼ Negħleb il-Vizzju tal-Masturbazzjoni?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
    • KAPITLU 25

      Kif Nistaʼ Negħleb il-Vizzju tal-Masturbazzjoni?

      “Qbadt il-​vizzju tal-​masturbazzjoni meta kelli tmien snin. Imbagħad, tgħallimt x’inhi l-​ħarsa t’Alla dwar din il-​kwistjoni. Kull darba li kont naqaʼ fit-​tentazzjoni kont inħossni veru ħażin. Bejni u bejn ruħi kont ngħid: ‘Alla kif jistaʼ jħobb lil xi ħadd bħali?’”—Luiz.

      META tkun fiż-​żmien tal-​pubertà, ix-​xewqat sesswali jistgħu jsiru partikolarment qawwijin. Bħala riżultat, għandek mnejn taqaʼ fil-​vizzju tal-​masturbazzjoni.a Ħafna wħud għandhom mnejn jgħidu li l-​masturbazzjoni mhi xejn gravi. Huma jirraġunaw: “Ma tkun qed tagħmel ħsara lil ħadd.” Madankollu, hemm raġuni tajba biex tevita dan il-​vizzju. L-​appostlu Pawlu kiteb: ‘Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom . . . fejn jidħol . . . l-​aptit sesswali.’ (Kolossin 3:5) Il-​masturbazzjoni mhux talli ma tmewwitx l-​aptit sesswali, imma talli żżidu iktar. Barra minn hekk, ikkunsidra dan li ġej:

      ● Il-​masturbazzjoni ġġiegħel lil dak li jkun jiżviluppa attitudni totalment egoistika. Pereżempju, meta tkun qed timmasturba, persuna tkun medhija fis-​sensazzjonijiet taʼ ġisimha stess.

      ● Il-​masturbazzjoni ġġiegħel lil dak li jkun iħares lejn dawk tas-​sess oppost bħala sempliċi oġġetti biex jissodisfa lilu nnifsu.

      ● Il-​ħsibijiet egoistiċi li jirriżultaw minħabba l-​vizzju tal-​masturbazzjoni jistgħu jagħmluha diffiċli biex jinkiseb sodisfazzjon mir-​relazzjonijiet sesswali fiż-​żwieġ.

      Minflok ma ddur għall-​masturbazzjoni biex tissodisfa x-​xenqiet sesswali li jkollok miġmugħin ġo fik, stinka biex tikkultiva r-​rażan. (1 Tessalonikin 4:4, 5) Sabiex tiġi megħjun tagħmel dan, il-​Bibbja tissuġġerixxi li tevita ċirkustanzi li għandhom mnejn iqanqluk sesswalment. (Proverbji 5:8, 9) Iżda, xi ngħidu jekk rikbek il-​vizzju tal-​masturbazzjoni? Forsi pprovajt tieqaf imma kien kollu għalxejn. Ikun faċli tikkonkludi li ma tistax tinbidel u li m’intix kapaċi tgħix fi qbil mal-​livelli t’Alla. Fil-​fatt, ġuvni jismu Pedro hekk kien iħares lejh innifsu. Hu jgħid: “Meta kont inċedi għat-​tentazzjoni, kont inħossni veru ħażin. Ħsibt li qatt ma stajt ningħata maħfra għal dak li kont għamilt. Kont insibha diffiċli biex nitlob.”

      Jekk int tħossok hekk, qawwi qalbek. Il-​każ tiegħek mhuwiex bla tama. Ħafna żgħażagħ—u adulti—għelbu l-​vizzju tal-​masturbazzjoni. Anki int tistaʼ!

      Kif Tistaʼ Tegħleb is-​Sentimenti taʼ Ħtija

      Bħalma diġà rajna, dawk li qabdu l-​vizzju tal-​masturbazzjoni spiss jinħakmu minn sentimenti taʼ ħtija. Bla dubju, li ‘ssewwed qalbek fi qbil mar-​rieda t’Alla’ jistaʼ jagħtik inċentiv biex tegħleb il-​vizzju. (2 Korintin 7:11) Iżda l-​ħtija żejda jistaʼ jkollha r-​riżultat oppost. Tant tistaʼ ġġiegħlek tħossok skuraġġit li kulma tkun trid tagħmel hu li taqtaʼ qalbek.—Proverbji 24:10.

      Mela agħmel ħiltek kollha biex ikollok ħarsa bilanċjata lejn is-​sitwazzjoni. Il-​masturbazzjoni hija forma taʼ nuqqas taʼ ndafa. Tistaʼ tagħmlek ‘ilsir taʼ diversi xewqat u pjaċiri,’ u twasslek biex tiżviluppa attitudnijiet ħżiena. (Titu 3:3) Madankollu, il-​masturbazzjoni mhijiex forma taʼ immoralità sesswali gravi, bħalma hi l-​fornikazzjoni. (Ġuda 7) Jekk għandek il-​problema tal-​masturbazzjoni, taħsibx li kkommettejt xi dnub li ma jinħafirx. Is-​sigriet hu li tirreżisti x-​xenqa u li qatt ma taqtaʼ qalbek!

      Huwa faċli li tħossok qalbek maqtugħa wara li tkun ċedejt għat-​tentazzjoni. Meta jiġrilek hekk, ftakar fil-​kliem taʼ Proverbji 24:16: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum; imma n-​nies mill-​agħar se jitfixklu minħabba l-​gwaj.” Jekk għal xi żmien tkun waqajt fit-​tentazzjoni ma jfissirx li int persuna mill-​agħar. Mela taqtax qalbek. Minflok, analizza xi jkun wasslek biex iċċedi għat-​tentazzjoni u pprova evita li tirripeti l-​istess affarijiet li wassluk għall-​masturbazzjoni.

      Ħu l-​ħin biex timmedita fuq l-​imħabba u l-​ħniena t’Alla. Is-​salmista David, li ġieli dineb minħabba dgħufija personali, stqarr: “Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu, Ġeħova wera ħniena maʼ dawk li jibżgħu minnu. Għax hu jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:13, 14) Tabilħaqq, Ġeħova jaf li aħna imperfetti u huwa ‘lest li jaħfer.’ (Salm 86:5) Mill-​banda l-​oħra, hu jridna nagħmlu sforz biex nitjiebu. Mela liema passi prattiċi tistaʼ tieħu biex tegħleb il-​vizzju li għandek?

      Analizza d-​divertiment tiegħek. Tara int films, programmi fuq it-​televixin, jew websajts fuq l-​Internet li jqanqluk sesswalment? B’għerf, is-​salmista talab lil Alla: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”b—Salm 119:37.

      Agħmel sforz biex iżżomm moħħok iffokat fuq affarijiet oħrajn. William, li hu Kristjan, jagħti dan il-​parir: “Qabel ma tmur torqod, aqra xi ħaġa bbażata fuq il-​Bibbja. Huwa importanti ħafna li l-​aħħar ħsieb tal-​ġurnata jkun wieħed spiritwali.”—Filippin 4:8.

      Tkellem maʼ xi ħadd dwar il-​problema. Il-​mistħija għandha mnejn tagħmilhielek diffiċli biex titkellem dwar il-​kwistjoni maʼ xi ħadd li tafda. Madankollu, jekk tagħmel dan se tiġi megħjun tegħleb il-​vizzju! Kristjan ieħor li jismu David jaqbel maʼ dan. Hu jgħid: “Tkellimt fil-​privat maʼ missieri. Qatt mhu se ninsa l-​kliem li qalli. Bi tbissima ħelwa fuq wiċċu, hu qalli: ‘Kemm jien kburi bik!’ Hu kien jaf li kelli rrabbi l-​kuraġġ biex inkellmu dwar din il-​ħaġa. Dan kien proprju l-​inkuraġġiment li kelli bżonn u għenni nkun iktar determinat li nitjieb.”

      “Missieri mbagħad urieni ftit skritturi biex jgħinni nara li ma kontx persuna ħażina, u wrieni wkoll ftit skritturi oħrajn biex jagħmel ċert li jien fhimt kemm kien serju l-​vizzju li kont qbadt. Hu qalli biex inżomm sod u ma nċedix għat-​tentazzjoni sakemm nerġgħu niddiskutu din il-​kwistjoni. Qalli wkoll biex ma naqtax qalbi jekk nerġaʼ naqaʼ fit-​tentazzjoni, u li jkun tajjeb li wara kull darba li nimmasturba nħalli iktar żmien jgħaddi bejn darba u oħra.” David għal liema konklużjoni wasal? Hu jgħid: “Il-​fatt li xi ħadd kien jaf bil-​problema li kelli u tani l-​għajnuna tiegħu kien taʼ ġid kbir għalija.”c

      FIL-​KAPITLU LI JMISS

      Is-​sess każwali mhuwiex xi kwistjoni li tistaʼ tittieħed ħafif ħafif. Kun af għala.

      [Noti ta’ taħt]

      a Il-​masturbazzjoni m’għandhiex tiġi mfixkla mat-​tqanqil sesswali li ma jkollokx kontroll fuqu. Pereżempju, ġuvni għandu mnejn iqum mill-​irqad imqanqal sesswalment. Jew inkella jkollu tixrid tal-​isperma matul il-​lejl. B’mod simili, xi tfajliet għandhom mnejn iħossuhom imqanqlin sesswalment bla ma jridu, b’mod speċjali eżatt qabel jew wara l-​mestrwazzjoni. Għall-​kuntrarju, il-​masturbazzjoni tfisser li persuna, minn jeddha, tistimula lilha nfisha sesswalment.

      b Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 33 taʼ Volume 2.

      c Għal iktar informazzjoni, ara Volume 2, paġni 239-​241.

      SKRITTURA PRINĊIPALI

      “Aħrab mix-​xewqat li jistaʼ jkollok fiż-​żgħożija, imma iġri wara s-​sewwa, il-​fidi, l-​imħabba, il-​paċi, flimkien maʼ dawk li b’qalb nadifa jsejħu lill-​Mulej.”​—2 Timotju 2:22.

      SUĠĠERIMENT

      Itlob qabel ma x-​xenqiet isiru qawwijin. Itlob lil Alla Ġeħova jagħtik “qawwa iktar min-​normal” sabiex tkampa mat-​tentazzjoni.​—2 Korintin 4:7.

      KONT TAF . . . ?

      Kwalunkwe individwu b’karattru dgħajjef għandu mnejn iċedi għax-​xenqiet sesswali tiegħu stess. Iżda trid tkun bniedem b’karattru sod biex turi r-​rażan, saħansitra meta tkun waħdek.

      L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

      Nistaʼ nżomm moħħi ffokat fuq affarijiet li huma safjin jekk jien ․․․․․

      Minflok ma nċedi għax-​xenqa, jien se ․․․․․

      Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

      INT X’TAĦSEB?

      ● Għala hu importanti li tiftakar li Ġeħova ‘lest li jaħfer’?​—Salm 86:5.

      ● Peress li Alla, li ħalaq ix-​xenqiet sesswali, jgħid ukoll li għandek tikkultiva r-​rażan, liema fiduċja għandu fik?

      [Kumment f’paġna 182]

      “Mindu għelibt il-​problema, għandi kuxjenza nadifa quddiem Ġeħova, u din hi xi ħaġa li ma nbiddilha maʼ xejn!”​—Sarah

      [Stampa f’paġna 180]

      Jekk taqaʼ int u tiġri f’xi tellieqa ma jfissirx li trid tibda mill-​bidu; jekk terġaʼ taqaʼ fit-​tentazzjoni tal-​masturbazzjoni ma tkunx ħassart il-​progress li tkun diġà għamilt

  • Xi Ngħidu Dwar is-Sess Każwali?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
    • KAPITLU 26

      Xi Ngħidu Dwar is-Sess Każwali?

      “Iż-​żgħażagħ joħorġu maʼ xi ħadd sempliċement biex jaraw jekk jirnexxilhomx jaslu sal-​att sesswali u biex jaraw kemm-​il persuna se jgħabbu.”—Penny.

      “Il-​ġuvintur jiftaħru li għandhom tfajla, iżda xorta jagħmlu s-​sess maʼ ħafna tfajliet oħrajn. Huma jitkellmu dwar dan bil-​miftuħ.”—Edward.

      ĦAFNA żgħażagħ illum jiftaħru li jagħmlu s-​sess każwali bla rbit taʼ xejn. Xi wħud saħansitra jafu nies lejn min jistgħu jduru għas-​sess mingħajr il-​“komplikazzjonijiet” li ġġib magħha relazzjoni romantika.

      Tiħodhiex bi kbira jekk tiġik it-​tentazzjoni biex tagħmel dan! (Ġeremija 17:9) Edward, li ġie kwotat iktar kmieni, jgħid: “Ħafna tfajliet offrewli li mmur magħhom għas-​sess, u bħala Kristjan din hija l-​iktar tentazzjoni li nsib diffiċli biex nirreżisti. Huwa diffiċli li ngħid le!” Liema prinċipji tal-​Bibbja għandek iżżomm f’moħħok jekk tiġi mħajjar biex tagħmel is-​sess każwali?

      Kun Af Għala s-​Sess Każwali Hu Ħażin

      Iż-​żína tant hi dnub serju li dawk li jipprattikawha “ma jirtux is-​saltna t’Alla.” (1 Korintin 6:9, 10) M’għandniex xi ngħidu, dan huwa minnu sew jekk tnejn min-​nies jagħmlu s-​sess għax “jinħabbu” u sew jekk jagħmlu s-​sess każwali. Sabiex tirreżisti t-​tentazzjoni f’dawn iż-​żewġ sitwazzjonijiet, għandek tħares lejn il-​prattika taż-​żína bl-​istess mod li jħares lejha Ġeħova.

      “Nemmen b’qalbi kollha li t-​triq taʼ Ġeħova hi l-​aqwa mod t’għajxien.”—Karen, il-​Kanada.

      “Ftakar li int bin jew bint xi ħadd, ħabib jew ħabiba taʼ ħafna nies, u parti minn kongregazzjoni. Jekk iċċedi għat-​tentazzjoni tkun qed tiddiżappunta lil dawn in-​nies kollha!”—Peter, il-​Britannja.

      Jekk ikollok il-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn iż-​żína, tkun qed ‘tobgħod dak li hu ħażin,’ anki jekk ikun jiġbed l-​għajn.—Salm 97:10.

      Qari suġġerit: Ġenesi 39:7-​9. Innota l-​waqfa li Ġużeppi ħa b’kuraġġ kontra t-​tentazzjoni sesswali u x’għenu jirreżisti.

      Kun Kburi bit-​Twemmin Tiegħek

      Huwa komuni li ż-​żgħażagħ bi kburija jieħdu waqfa għal xi ħaġa li jemmnu fiha. Int għandek il-​privileġġ li żżomm mal-​livelli t’Alla bil-​mod kif iġġib ruħek. Toqgħodx tistħi minħabba l-​ħarsa tiegħek lejn is-​sess qabel iż-​żwieġ.

      “Agħmilha ċara mill-​bidu nett li int għandek prinċipji morali.”—Allen, il-​Ġermanja.

      “Il-​ġuvintur li kont immur l-​iskola sekondarja magħhom kienu jafu min jien, u għalhekk kienu jafu li t-​tentattivi tagħhom kienu se jkunu kollha ħela taʼ ħin.”—Vicky, l-​Istati Uniti.

      Meta tieħu waqfa għat-​twemmin tiegħek ikun sinjal li int qed issir Kristjan matur.—1 Korintin 14:20.

      Qari suġġerit: Proverbji 27:11. Ara kif l-​azzjonijiet pożittivi tiegħek jistgħu jmissu qalb Ġeħova!

      Kun Deċiżiv!

      Huwa importanti li tgħid le. Iżda xi wħud għandhom mnejn jifhmu l-​“le” tiegħek bħala li sempliċement qed tagħmel tabirruħek li m’għandekx interess.

      “Dak kollu dwarek—kif tilbes, kif titkellem, lil min tkellem, u kif tmur man-​nies—għandu juri li int qed tirrifjuta.”—Joy, in-​Niġerja.

      “Jeħtieġ tagħmilha ċara li qatt m’int se ċċedi. Qatt taċċetta rigali mingħand ġuvintur li jipprovaw iġegħluk tagħmel l-​att sesswali magħhom. Huma jistgħu jużaw din il-​ħaġa kontrik, bħallikieku trid tpattilhom billi tagħtihom xi ħaġa lura.”—Lara, il-​Britannja.

      Ġeħova se jgħinek jekk turi li int deċiżiv. Mill-​esperjenza tiegħu stess, is-​salmista David setaʼ jgħid hekk dwar Ġeħova: “Maʼ xi ħadd leali int se taġixxi b’lealtà.”—Salm 18:25.

      Qari suġġerit: It-​2 Kronaki 16:9. Innota li Ġeħova huwa ħerqan biex jgħin lil dawk li jridu jagħmlu dak li hu tajjeb.

      Kun Prudenti

      Il-​Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Kif tistaʼ tapplika dan il-​parir? Billi tkun prudenti!

      “Żomm ’il bogħod kemm tistaʼ minn nies li jitkellmu dwar affarijiet bħal dawn.”—Naomi, il-​Ġappun.

      “Taqbadx u tagħti informazzjoni personali, bħalma hu l-​indirizz jew in-​numru tat-​telefon tiegħek.”—Diana, il-​Britannja.

      Analizza d-​diskors, il-​kondotta, u s-​sħubija tiegħek, kif ukoll il-​postijiet fejn tmur. Imbagħad, staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed jien, bla ma naf, nagħti indikazzjoni li biha ninkuraġġixxi lil oħrajn iħajruni biex nagħmel l-​att sesswali magħhom?’

      Qari suġġerit: Ġenesi 34:1, 2. Ara kif tfajla jisimha Dina kellha konsegwenzi traġiċi għax kienet fil-​post żbaljat.

      Ftakar li s-​sess każwali hu xi ħaġa serja ħafna f’għajnejn Alla Ġeħova; u hekk għandu jkun għalik. Jekk tieħu waqfa għal dak li hu tajjeb, jistaʼ jkollok kuxjenza nadifa quddiem Alla u tkun qed tipproteġi d-​dinjità tiegħek. Bħalma tgħid tfajla jisimha Carly: “Għala għandek tħalli lilek innifsek tiġi ‘użat’ biex ħaddieħor jikseb sodisfazzjon mumentanju? Ħu ħsieb dak li ħdimt tant iebes għalih!”

      FIL-​KAPITLU LI JMISS

      Il-​ġuvintur lejn liema tip taʼ tfajliet jgħidu li tassew iħossuhom miġbudin? Għandek mnejn tibqaʼ skantata!

      SKRITTURA PRINĊIPALI

      “Agħmlu l-​almu tagħkom biex fl-​aħħar [Alla] isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-​paċi.”​—2 Pietru 3:14.

      SUĠĠERIMENT

      Aħdem fuq il-​kwalitajiet ġewwinin tiegħek. (1 Pietru 3:3, 4) Iktar ma jkollok kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, iktar se tiġbed lejk persuna bi kwalitajiet bħal dawn.

      KONT TAF . . . ?

      Ġeħova jridek tieħu pjaċir bl-​att sesswali bil-​mod kif ħalqu hu—bħala sors taʼ pjaċir fiż-​żwieġ—mingħajr l-​inkwiet, l-​inċertezzi, u d-​dispjaċiri li spiss jiġu bħala konsegwenzi taż-​żína.

      L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

      Nistaʼ nimita d-​determinazzjoni taʼ Ġużeppi li jibqaʼ moralment nadif, jekk jien ․․․․․

      Se nevita l-​iżball li għamlet Dina jekk jien ․․․․․

      Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

      INT X’TAĦSEB?

      ● Għalkemm is-​sess illeċitu għandu mnejn jattira lill-​ġisem imperfett, għala huwa ħażin?

      ● X’se tagħmel jekk xi ħadd iħajrek tagħmel l-​att sesswali miegħu?

      [Kumment f’paġna 185]

      “Kun soda! Meta raġel żagħżugħ ipprova jħajjarni biex nagħmel xi ħaġa sesswali miegħu, jien għedtlu: ‘Neħħi idek minn fuq spallti!’ Imbagħad, tlaqt ’l hemm u wrejtu mill-​bixra taʼ wiċċi li ma ħadtx pjaċir.”​—Ellen

      [Stampa f’paġna 187]

      Jekk tagħmel is-​sess każwali, tkun qed tbaxxi lilek innifsek

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja