-
Naqsmu maʼ Ħaddieħor il-Faraġ li Jehovah JipprovdiIt-Torri tal-Għassa—1996 | Novembru 1
-
-
4. Uħud interessati ġodda b’liema modi differenti jistgħu jirreaġixxu għat-tribulazzjoni?
4 B’sogħba, bħalma bassar Ġesù, it-tribulazzjoni tikkaġuna li xi wħud jitfixklu u jieqfu milli jissieħbu mal-kongregazzjoni Kristjana. (Mattew 13:5, 6, 20, 21) Oħrajn jissaportu t-tribulazzjoni billi jżommu moħħhom iffokat fuq il-wegħdi kollhom faraġ li qegħdin jitgħallmu huma. Eventwalment jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah u jitgħammdu bħala dixxipli taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (Mattew 28:19, 20; Mark 8:34) M’għandniex xi ngħidu, it-tribulazzjoni ma tiqafx malli Kristjan jitgħammed. Per eżempju, li wieħed jibqaʼ kast tistaʼ tkun battalja iebsa għalih jekk qabel kellu passat immorali. Oħrajn ikollhom iħabbtu wiċċhom m’oppożizzjoni minn membri tal-familja li m’humiex kredenti. Tkun xi tkun it-tribulazzjoni, kulmin isegwi fedelment ħajja taʼ dedikazzjoni lil Alla jistaʼ jkun żgur minn ħaġa waħda. B’mod verament persunali, se jesperjenza l-faraġ u l-għajnuna t’Alla.
“Alla taʼ Kull Faraġ”
5. Pawlu, x’esperjenza wkoll mal-ħafna provi li għadda minnhom?
5 Wieħed li apprezza profondament il-faraġ li Alla jipprovdi kien l-appostlu Pawlu. Wara ż-żmien li kien partikolarment taʼ prova fl-Asja u l-Maċedonja, hu esperjenza serħan kbir malli samaʼ li l-kongregazzjoni taʼ Korintu kienet wieġbet tajjeb għall-ittra tiegħu taʼ twiddib. Dan qanqlu biex jiktbilhom it-tieni ittra, li fiha l-espressjoni taʼ tifħir li ġejja: “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena [“ħniniet teneri,” NW] u Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna.”—2 Korintin 1:3, 4.
6. X’nitgħallmu mill-kliem taʼ Pawlu li jinsab fit-2 Korintin 1:3, 4?
6 Dan il-kliem imnebbaħ jagħtina ħafna x’nifhmu. Ejjew nanalizzawh. Meta Pawlu jesprimi tifħir jew ringrazzjament lil Alla jew jitolbu xi ħaġa fl-ittri tiegħu, aħna ġeneralment insibu li hu kien jinkludi wkoll apprezzament profond għal Ġesù, il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. (Rumani 1:8; 7:25; Efesin 1:3; Lhud 13:20, 21) Għalhekk, Pawlu jindirizza din l-espressjoni taʼ tifħir lil “Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.” (Korsiv tagħna.) Imbagħad, għall-ewwel darba fil-kitbiet tiegħu, juża nom Grieg tradott “ħniniet teneri.” Dan in-nom ġej minn kelma wżata biex tesprimi niket minħabba s-sofferenza taʼ xi ħaddieħor. B’hekk Pawlu jiddeskrivi s-sentimenti teneri t’Alla għal kwalunkwe wieħed mill-qaddejja leali Tiegħu li jkun għaddej minn tribulazzjoni—sentimenti teneri li jqanqlu lil Alla biex jaġixxi b’mod ħanin għan-nom tagħhom. Fl-aħħarnett, Pawlu straħ fuq Jehovah bħala s-sors taʼ din il-kwalità mixtieqa billi jsejjaħlu “Missier il-ħniena [“ħniniet teneri,” NW].” (Korsiv tagħna.)
7. Għala jistaʼ jingħad li Jehovah hu dak “Alla taʼ kull faraġ”?
7 Il-“ħniniet teneri” t’Alla jirriżultaw f’serħan għal dak li jkun għaddej minn tribulazzjoni. Għalhekk Pawlu jkompli jiddeskrivi lil Jehovah bħala dak “Alla taʼ kull faraġ.” B’hekk, kwalunkwe faraġ li nistgħu nesperjenzaw mill-qalb tajba taʼ sħabna l-kredenti, nistgħu nserrħu rasna li Jehovah hu s-sors tiegħu. M’hemm ebda faraġ reali u dejjiemi li ma joriġinax minn Alla. Barra minn hekk, huwa hu li ħalaq lill-bniedem fix-xbiha tiegħu, biex b’hekk jagħmilna kapaċi li nkunu farrâġa. U huwa l-ispirtu qaddis t’Alla li jqanqal lill-qaddejja tiegħu biex juru ħniena tenera lejn dawk li jeħtieġu l-faraġ.
Imħarrġin Biex Inkunu Farrâġa
8. Għalkemm Alla m’huwiex is-sors tal-provi tagħna, li nistabru fit-tribulazzjoni tagħna liema effett taʼ benefiċċju jistaʼ jkollu fuqna?
8 Waqt li Alla Jehovah jippermetti li jiġu diversi provi fuq il-qaddejja leali tiegħu, qatt ma jkun hu s-sors taʼ provi bħal dawn. (Ġakbu 1:13) Madankollu, il-faraġ li jipprovdi meta nissaportu t-tribulazzjoni jistaʼ jħarriġna biex inkunu iktar sensittivi għall-bżonnijiet t’oħrajn. B’liema riżultat? “Biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta taʼ hemm [“tribulazzjoni,” NW].” (2 Korintin 1:4) B’hekk Jehovah iħarriġna biex inkunu wħud li b’mod effettiv naqsmu l-faraġ tiegħu maʼ kredenti sħabna u maʼ dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħna hekk kif nimitaw lil Kristu u ‘nfarrġu lill-imnikktin kollha.’—Isaija 61:3 [Isaija 61:2, NW]; Mattew 5:4.
9. (a) X’se jgħinna biex nissaportu s-sofferenza? (b) Oħrajn kif jiġu mfarrġin meta aħna fedelment nissaportu t-tribulazzjoni?
9 Pawlu ssaporta l-ħafna sofferenzi tiegħu grazzi għall-faraġ abbundanti li rċieva mingħand Alla permezz taʼ Kristu. (2 Korintin 1:5) Aħna wkoll nistgħu nesperjenzaw abbundanza taʼ faraġ billi nimmeditaw fuq il-wegħdi prezzjużi t’Alla, billi nitolbu għall-appoġġ taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, u billi nesperjenzaw kif Alla jwieġeb għat-talb tagħna. B’hekk se niġu msaħħin biex inkomplu nappoġġjaw is-sovranità taʼ Jehovah u nagħtu prova li x-Xitan huwa giddieb. (Ġob 2:4; Proverbji 27:11) Meta nkunu ssaportejna bil-fedeltà kwalunkwe forma taʼ tribulazzjoni, għandna, bħal Pawlu, nagħtu l-kredtu kollu lil Jehovah, li huwa l-faraġ tiegħu li jgħin lill-Kristjani biex jibqgħu leali waqt provi. Is-sabar taʼ Kristjani leali għandu effett li jfarraġ fuq il-fratellanza, billi jġiegħel lil oħrajn ikunu ddeterminati biex ‘jissaportu s-sofferenzi wkoll.’—2 Korintin 1:6.
10, 11. (a) Liema huma xi affarijiet li kkaġunaw sofferenza lill-kongregazzjoni taʼ Korintu tal-qedem? (b) Pawlu kif farraġ lill-kongregazzjoni taʼ Korintu, u liema tama esprima?
10 Il-Korintin kellhom is-sehem tagħhom taʼ sofferenzi li jiġu fuq il-Kristjani veri kollha. Barra minn hekk, kellhom bżonn parir biex jaqtgħu mis-sħubija lil wieħed żieni li ma jindimx. (1 Korintin 5:1, 2, 11, 13) Il-fatt li naqsu li jieħdu din l-azzjoni u li jtemmu l-ġlied u l-firdiet kien ġab diżunur fuq il-kongregazzjoni. Imma fl-aħħar applikaw il-parir taʼ Pawlu u wrew indiema ġenwina. Għalhekk, hu faħħarhom kordjalment u stqarr li r-rispons mill-aħjar tagħhom għall-ittra tiegħu kien farrġu. (2 Korintin 7:8, 10, 11, 13) Milli jidher, dak li kien ġie maqtugħ mis-sħubija wkoll kien nidem. Għalhekk Pawlu wissiehom biex ‘iħennu għalih u jfarrġuh, li ma jmurx jaqtaʼ jiesu taħt it-toqol tan-niket.’—2 Korintin 2:7.
11 It-tieni ittra taʼ Pawlu min jaf kemm farrġet lill-kongregazzjoni taʼ Korintu. U din kienet waħda mill-intenzjonijiet tiegħu. Hu spjega: “It-tama tagħna fikom [“għalikom,” KŻ] hi dejjem qawwija, għax aħna nafu li, kif intom taqsmu magħna s-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu l-faraġ tagħna.” (2 Korintin 1:7) Fil-konklużjoni taʼ l-ittra tiegħu, Pawlu ħeġġeġ: “Komplu . . . tfarrġu, . . . u dak Alla taʼ mħabba u taʼ paċi se jkun magħkom.”—2 Korintin 13:11.
12. Liema bżonn għandhom il-Kristjani kollha?
12 X’lezzjoni importanti nistgħu nitgħallmu minn dan! Il-membri kollha tal-kongregazzjoni Kristjana għandhom bżonn ‘jaqsmu l-faraġ’ li Alla jipprovdi permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu qaddis tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art. Saħansitra wħud maqtugħin mis-sħubija għandu mnejn ikollhom bżonn taʼ faraġ jekk ikunu nidmu u rranġaw il-korsa żbaljata tagħhom. B’hekk, “l-irsir leali u diskret” istitwixxa provvediment mimli ħniena biex jgħinhom. Darba fis-sena żewġ anzjani jistgħu jżuru lil uħud maqtugħin mis-sħubija. Dawn għandhom mnejn ma jurux iżjed attitudni ribelluża jew m’għadhomx involuti f’xi dnub serju u għandhom mnejn jeħtieġu l-għajnuna biex jieħdu l-passi neċessarji biex jiġu aċċettati mill-ġdid.—Mattew 24:45, NW; Eżekjel 34:16.
It-Tribulazzjoni taʼ Pawlu fl-Asja
13, 14. (a) Pawlu kif iddeskriva ż-żmien taʼ tribulazzjoni ħarxa li esperjenza fl-Asja? (b) Pawlu liema ġrajja setaʼ kellu f’moħħu?
13 Ix-xorta taʼ sofferenza li l-kongregazzjoni Kristjana kienet esperjenzat sa dan il-punt ma setgħetx tiġi mqabbla mal-ħafna tribulazzjonijiet li Pawlu kellu jissaporti. B’hekk, hu setaʼ jfakkarhom: “Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, bit-taħbit [“tribulazzjoni,” NW] tagħna li ġie fuqna fl-Asja: kif konna magħfusin bla qjies aktar milli nifilħu, hekk li qtajna jiesna li nibqgħu ħajjin: Saħansitra kellna fina nfusna s-sentenza tal-mewt, biex ma jkollniex tama fina nfusna, imma f’Alla li jqajjem il-mejtin: Hu li ħelisna minn mewt hekk kbira, u jeħlisna: fih nittamaw li jarġaʼ jeħlisna.”—2 Korintin 1:8-10, KŻ.
14 Xi studjużi tal-Bibbja jemmnu li Pawlu kien qiegħed jirreferi għar-rewwixta f’Efesu, li setgħet swiet il-ħajja taʼ Pawlu kif ukoll il-ħajjiet taż-żewġ Maċedonjani li kienu qegħdin jivvjaġġaw miegħu, Gajus u Aristarkus. Dawn iż-żewġ Kristjani ġew meħudin bil-forza ġewwa teatru li kien ippakkjat b’marmalja li “baqgħu sejrin igħajtu għal madwar sagħtejn sħaħ: ‘Kbira Artemi [l-alla mara] taʼ l-Efesin!’” Eventwalment, uffiċjal tal-belt irnexxielu jikkwieta lill-folla. Din it-theddida fuq il-ħajjiet taʼ Gajus u Aristarkus bil-fors li niktitu ferm lil Pawlu. Fil-fatt, hu ried jidħol biex jirraġuna mal-marmalja fanatika, imma ma ħallewhx jissogra ħajtu b’dan il-mod.—Atti 19:26-41.
15. Liema sitwazzjoni estrema tistaʼ tiġi deskritta fl-1 Korintin 15:32?
15 Madankollu, Pawlu għandu mnejn kien qiegħed jiddeskrivi sitwazzjoni bil-wisq iktar estrema minn dan l-inċident li semmejna. Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu staqsa: “X’jiswieli li jien tqabadt mal-bhejjem f’Efesu kieku għamiltu għal għajn in-nies?” (1 Korintin 15:32) Dan jistaʼ jfisser li l-ħajja taʼ Pawlu kienet mhedda mhux biss minn irġiel donnhom bhejjem imma litteralment minn annimali salvaġġi fl-istejdjum t’Efesu. Il-kriminali kienu xi drabi kkastigati billi jiġu sforzati biex jiġġieldu maʼ bhejjem feroċi quddiem folol għatxana għad-demm. Jekk Pawlu ried jgħid li kien iffaċċja bhejjem salvaġġi litterali, bil-fors li fl-aħħar mument hu ġie meħlus mirakolożament minn mewta krudili, sewwa sew bħalma Danjel ġie salvat minn ħalq l-iljuni litterali.—Danjel 6:23 [Danjel 6:22, NW].
Eżempji Taʼ Żmien Modern
16. (a) Ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah għala jistgħu jgħidu li għaddew mit-tribulazzjonijiet li Pawlu għadda minnhom? (b) Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti għal dawk li mietu minħabba l-fidi tagħhom? (ċ) Liema effett tajjeb jirriżulta meta xi Kristjani jeħilsuha ħafif mill-mewt?
16 Ħafna Kristjani tal-lum jistgħu jalludu għat-tribulazzjonijiet li Pawlu għadda minnhom. (2 Korintin 11:23-27) Illum, ukoll, il-Kristjani għadhom ‘magħfusin iżżejjed li ma jkunux jifilħu,’ u ħafna ffaċċjaw sitwazzjonijiet li fihom ‘qatgħu jieshom minn ħajjithom.’ (2 Korintin 1:8) Xi wħud inqatlu minn qattiela tal-massa u persekuturi krudili. Nistgħu nibqgħu ċerti li l-qawwa li tfarraġ t’Alla għenithom jissaportu u li huma mietu b’qalbhom u b’moħħhom fissi b’mod sod fuq it-twettiq tat-tama tagħhom, sew jekk kienet tama għas-sema u sew jekk għall-art. (1 Korintin 10:13; Filippin 4:13; Apokalissi 2:10) F’xi każi oħrajn, Jehovah immanuvra l-affarijiet, u ħutna ġew salvati mill-mewt. Bla dubju dawk li għaddew minn ħelsien bħal dan żviluppaw fiduċja akbar “f’Alla li jqajjem lill-mejtin.” (2 Korintin 1:9) Wara, huma setgħu jitkellmu b’konvinzjoni saħansitra akbar hekk kif qasmu l-messaġġ taʼ faraġ t’Alla m’oħrajn.—Mattew 24:14.
17-19. Liema esperjenzi juru li ħutna fl-Irwanda kienu u għadhom wħud li jieħdu sehem fil-faraġ t’Alla?
17 Riċentement l-għeżież ħutna fl-Irwanda għaddew minn esperjenza simili għal dik taʼ Pawlu u sħabu. Ħafna tilfu ħajjithom, imma l-isforzi taʼ Satana ma rnexxilhomx jeqirdu l-fidi tagħhom. Minflok, ħutna f’dan il-pajjiż esperjenzaw il-faraġ t’Alla f’ħafna modi persunali. Matul il-ġenoċidju tat-Tutsi u l-Ħutu li jgħixu fl-Irwanda, kien hemm Ħutu li ssograw ħajjithom biex jipproteġu lit-Tutsi u Tutsi li pproteġew lil Ħutu. Xi wħud ġew maqtulin minn estremisti talli pproteġew lil sħabhom kredenti. Per eżempju, wieħed Xhud Ħutu jismu Gahizi ġie maqtul wara li ħeba lil waħda oħt Tutsi jisimha Chantal. Ir-raġel Tutsi taʼ Chantal, Jean, ġie moħbi f’post ieħor minn waħda oħt Ħutu jisimha Charlotte. Għal 40 jum Jean u ħu ieħor Tutsi baqgħu moħbijin f’ċumnija kbira, u joħorġu biss għal perijodi qosra matul il-lejl. Dan iż-żmien kollu, Charlotte pprovdietilhom ikel u protezzjoni, għalkemm kienet tgħix qrib kamp taʼ l-armata Ħutu. Fuq din il-paġna, tistaʼ tara ritratt taʼ Jean u Chantal li reġgħu ngħaqdu flimkien, u li huma grati li sħabhom il-kredenti Ħutu ‘ssograw ħajjithom’ għalihom, sewwa sew bħalma għamlu Priska u Akwila għall-appostlu Pawlu.—Rumani 16:3, 4.
18 Rwakabubu, Xhud ieħor Ħutu, ġie mfaħħar mill-gazzetta Intaremara talli pproteġa lil sħabu kredenti Tutsi.a Din stqarret: “Hemm ukoll Rwakabubu, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, li kompla jaħbi lin-nies f’post wara l-ieħor fost ħutu (dan huwa kif isejħu lil xulxin dawn il-kredenti). Hu kien iqattaʼ l-ġurnata kollha jġorr l-ikel u l-ilma tax-xorb għalihom għalkemm ibati bl-ażżma. Imma Alla għamlu b’saħħtu b’mod straordinarju.”
19 Ikkunsidra, ukoll, koppja Ħutu interessati jisimhom Nicodeme u Athanasie. Qabel ma faqqaʼ l-ġenoċidju, din il-koppja miżżewġa kienu qegħdin jistudjaw il-Bibbja maʼ Xhud Tutsi jismu Alphonse. B’sogru għal ħajjithom, huma ħbew lil Alphonse f’darhom. Iktar tard irrealizzaw li d-dar ma kinitx post taʼ sigurtà għaliex il-ġirien tagħhom Ħutu kienu jafu bil-ħabib tagħhom Tutsi. Għalhekk, Nicodeme u Athanasie ħbew lil Alphonse f’ħofra fil-bitħa tagħhom. Din kienet mossa tajba għaliex il-ġirien bdew jiġu jfittxu lil Alphonse kważi kuljum. Waqt li kien ilu f’din il-ħofra għal 28 ġurnata, Alphonse immedita fuq ir-rakkonti tal-Bibbja bħalma huwa dak dwar Raħab, li ħbiet lil żewġ Israeliti fuq il-bejt tad-dar tagħha f’Ġeriko. (Ġożwè 6:17) Illum Alphonse ikompli s-servizz tiegħu fl-Irwanda bħala predikatur taʼ l-aħbar tajba, grat li l-istudenti tiegħu tal-Bibbja li kienu Ħutu ssograw ħajjithom għalih. U xi ngħidu dwar Nicodeme u Athanasie? Dawn issa huma Xhieda mgħammdin taʼ Jehovah u jikkonduċu iktar minn 20 studju tal-Bibbja maʼ persuni interessati.
20. Jehovah b’liema modi farraġ lil ħutna fl-Irwanda, imma liema ħtieġa kontinwa għandhom ħafna minnhom?
20 Fiż-żmien li beda l-ġenoċidju fl-Irwanda, kien hemm 2,500 proklamatur taʼ l-aħbar tajba fil-pajjiż. Għalkemm mijiet tilfu ħajjithom jew ġew imġegħlin jaħarbu mill-pajjiż, in-numru taʼ Xhieda żdied għal iktar minn 3,000. Dik hija prova li Alla tabilħaqq farraġ lil ħutna. Xi ngħidu dwar il-ħafna orfni u romol fost ix-Xhieda taʼ Jehovah? Naturalment, dawn għadhom għaddejjin minn tribulazzjoni u jeħtieġu faraġ kontinwu. (Ġakbu 1:27) Id-dmugħ tagħhom se jiġi mimsuħ kompletament meta jseħħ l-irxoxt fid-dinja l-ġdida t’Alla. Minkejja dan, grazzi għall-imministrar taʼ ħuthom u minħabba li huma adoraturi taʼ dak “Alla taʼ kull faraġ,” huma jistgħu jkampaw mal-ħajja.
21. (a) Ħutna, fejn iktar kienu fi bżonn estrem tal-faraġ t’Alla, u x’inhu mod wieħed li bih ilkoll kemm aħna nistgħu ngħinu? (Ara l-kaxxa “Faraġ Matul Erbaʼ Snin taʼ Gwerra.”) (b) Il-bżonn tagħna għall-faraġ meta se jiġi sodisfatt kompletament?
21 F’ħafna postijiet oħrajn, bħalma huma l-Eritrea, Singapore, u dik li qabel kienet il-Jugoslavja, ħutna jkomplu jaqdu lil Jehovah fedelment minkejja t-tribulazzjoni. Jalla ngħinu lill-aħwa bħal dawn billi regolarment nagħmlu suppliki biex huma jistgħu jirċievu l-faraġ. (2 Korintin 1:11) U jalla nissaportu fedelment saż-żmien meta Alla permezz taʼ Ġesù Kristu se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna’ fil-veru sens tal-kelma. Imbagħad se nesperjenzaw sa l-ogħla grad il-faraġ li Jehovah jipprovdi fid-dinja l-ġdida tiegħu taʼ tjieba.—Apokalissi 7:17; 21:4; 2 Pietru 3:13. (w96 11/1)
-
-
Faraġ Matul Erbaʼ Snin taʼ GwerraIt-Torri tal-Għassa—1996 | Novembru 1
-
-
Faraġ Matul Erbaʼ Snin taʼ Gwerra
MATUL l-erbaʼ snin taʼ gwerra fit-territorju taʼ dik li qabel kienet il-Jugoslavja, ħafna nies għaddew minn tbatijiet u nuqqas kbir t’affarijiet. Inklużi magħhom kien hemm mijiet taʼ Xhieda taʼ Jehovah, li fedelment komplew iqimu lil dak “Alla taʼ kull faraġ.”—2 Korintin 1:3.
F’Sarajevo, in-nies għaddew minn tbatija oħra, dik taʼ li jgħixu f’belt kbira li kienet qiegħda tiġi assedjata matul il-gwerra kollha kemm hi. Kien hemm nuqqas t’elettriku, ilma, ħatab, u ikel. Il-Kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Sarajevo kif iffunzjonat taħt dawn il-kundizzjonijiet estremi? Kristjani minn pajjiżi qrib issograw ħajjithom biex iġibu kwantità taʼ provisti taʼ serħan. (Ara The Watchtower, l-1 taʼ Novembru, 1994 paġni 23-7.) Barra minn hekk, l-aħwa f’Sarajevo qasmu dak li kellhom maʼ xulxin, billi poġġew l-enfasi primarja fuq li jaqsmu affarijiet spiritwali. Matul l-assedju indokratur Kristjan minn dik il-belt ta dan ir-rapport li ġej:
“Aħna napprezzawhom ferm il-laqgħat tagħna. Marti u jien, flimkien maʼ 30 persuna oħra, nimxu 15-il kilometru għal-laqgħat u 15 oħra lura. Xi drabi ġie mħabbar li l-ilma jkun se jiġi fornut matul il-ħinijiet tal-laqgħat. L-aħwa x’kienu se jagħmlu? Kienu se jibqgħu d-dar jew jattendu l-laqgħat? Ħutna ppreferew jattendu l-laqgħat. L-aħwa dejjem jgħinu lil xulxin; kulma għandhom, jaqsmuh m’oħrajn. Waħda oħt fil-kongregazzjoni tagħna tgħix barra l-belt, ħdejn il-foresta; għalhekk huwa naqra iktar faċli għaliha biex tikseb xi ftit ħatab. Hi taħdem ukoll maʼ tal-forn, u s-salarju tagħha jiġi mħallas bi dqiq. Meta jkun possibbli, hi taħmi ħobża kbira u ġġibha magħha l-laqgħa. Wara l-laqgħa, hi u ħierġa , tagħti biċċa lil kulħadd.
“Huwa importanti li ħadd mill-aħwa rġiel jew nisa qatt ma jħoss li huwa abbandunat. Ħadd ma jaf min minna se jmiss li jkollu bżonn l-għajnuna f’xi sitwazzjoni mhux pjaċevoli. Meta kellna t-toroq miksijin bis-silġ u waħda oħt kienet marida, aħwa rġiel, żgħażagħ u b’saħħithom ġibduha fuq slitta għal-laqgħat.
“Ilkoll kemm aħna nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u Jehovah bierek l-isforzi tagħna. Hu ra s-sitwazzjoni estrema tagħna fil-Bosnja, imma berikna b’żjieda—żjieda li qatt ma rajna qabel il-gwerra.”
Bl-istess mod, f’partijiet oħrajn taʼ dik li qabel kienet il-Jugoslavja, li kienu mifnijin bil-gwerra, ix-Xhieda taʼ Jehovah gawdew minn żjidiet minkejja tbatijiet ħorox. Mill-uffiċċju tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Kroazja jasal dan ir-rapport dwar grupp taʼ Xhieda: “L-aħwa li kienu qegħdin jgħixu ġewwa Velika Kladuša kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ żmien iebes ferm. Il-belt ġiet attakkata diversi drabi. L-aħwa kellhom jispjegaw in-newtralità tagħhom lill-armati Kroati, Serbi, u diversi armati Musulmani. Dak li huwa ċert hu, li huma kellhom jissaportu ħafna—priġuneriji, swat, ġuħ, periklu taʼ mewt. Xorta waħda, ilkoll kemm huma baqgħu leali u għandhom il-privileġġ li jispikka taʼ li jaraw il-barka taʼ Jehovah fuq l-attivitajiet tagħhom.”
Minkejja dawn it-tbatijiet, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Velika Kladuša u l-pajjiż qrib Bihać ikomplu jgawdu żjidiet hekk kif jaqsmu l-messaġġ t’Alla taʼ faraġ b’żelu kbir mal-ġirien tagħhom. Total taʼ 26 pubblikatur tas-Saltna minn dawn iż-żewġ postijiet qegħdin jikkonduċu 39 studju tal-Bibbja fid-djar! (w96 11/1)
-