Aħna ‘Nippridkaw il-Kelma’
1 Sewwa sew bħalma ddeskriviet il-Bibbja kif se jkunu “l-aħħar jiem,” il-biċċa l-kbira tan-nies illum għandhom biss “għamla taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Tim. 3:1, 5) Dan ġara għax mexxejja reliġjużi naqsu li jagħtu gwida spiritwali ġenwina lill-merħliet tagħhom. Il-kleru tal-Kristjaneżmu ma jappoġġjax il-Bibbja. Huma jippreferu jirrepetu bħall-pappagall it-tagħlim vojt taʼ filosfi u teologi jew jikkunsidraw kwistjonijiet soċjali u politiċi minflok ma jippridkaw il-Kelma t’Alla. Ħafna mexxejja reliġjużi ma jemmnuhiex il-Bibbja. Iħossu li hi antikwata, u għalhekk b’mod pervers iġibu ’l quddiem it-teorija taʼ l-evoluzzjoni minflok it-tagħlim tal-Bibbja dwar Ħallieq Grandjuż. Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-kleru lanqas biss jużaw l-isem persunali t’Alla, u ma jqajmu l-ebda oġġezzjoni jekk dan jiġi mneħħi mit-traduzzjonijiet moderni tal-Bibbja.
2 L-istess bħalma kienu l-mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù, il-kleru tal-lum qiegħed jippriedka għalxejn. (Matt. 15:8, 9) Huwa eżatt bħalma bassar il-profeta Amos. Jeżisti “ġuħ, mhux għall-ħobż, u għatx, mhux għall-ilma, imma għas-smigħ tal-kliem taʼ Jehovah.” (Amos 8:11) Iktar minn kull ħaġ’oħra, in-nies għandhom bżonn l-ikel spiritwali li hemm fil-Kelma t’Alla.
3 Kif Nissodisfaw Il-Bżonn Spiritwali Tan-Nies: Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex iżomm mal-‘kitbiet qaddisin, li kapaċi jagħmlu lil dak li jkun għaref għas-salvazzjoni,’ u għalhekk qabbdu solennement biex ‘jippriedka l-kelma’ lil ħaddieħor. (2 Tim. 3:14, 15; 4:2) Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna rridu nżommu maʼ dak li tgħallem il-Bibbja meta nippridkaw, u b’hekk nimitaw lill-Eżemplar tagħna, Ġesù, li qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma jappartjeni lil dak li bagħatni.” (Ġwn. 7:16) Aħna nużaw il-Kelma t’Alla bħala l-bażi għat-tagħlim tagħna għax nirrikonoxxu li din fiha għerf divin, u rridu li n-nies ikunu jafu minfejn ġejja l-informazzjoni li qegħdin naqsmu magħhom.—1 Kor. 2:4-7.
4 In-nies iridu l-ewwel jisimgħu l-verità mill-Bibbja sabiex jitgħallmu dwar Jehovah u jpoġġu fidi fih. Pawlu kiteb b’mod loġiku: “Kif, imbagħad, se jpoġġu fidi fih li dwaru ma semgħux? Kif, imbagħad, se jisimgħu mingħajr ma xi ħadd jippriedka?” (Rum. 10:14) Billi nippridkaw il-Kelma t’Alla, ngħinu lil oħrajn jiksbu fidi permezz t’għarfien eżatt. Għarfien bħal dan jistaʼ u fil-fatt ibiddel ħajjiet għall-aħjar. Il-kittieb Ingliż Charles Dickens qal rigward il-Bibbja: “Dan hu l-aqwa ktieb li qatt kien hemm jew se jkun hemm fid-dinja, għax jgħallmek l-aqwa lezzjonijiet li permezz tagħhom kwalunkwe ħlejqa umana li tipprova tkun vera u leali tistaʼ possibilment tiġi ggwidata.”
5 Dawk li għandhom il-ġuħ għall-verità spiritwali jaslu biex jirrikonoxxu li din hi appoġġjata mill-awtorità tal-Kelma t’Alla. Lura fl-1913, Frederick W. Franz, bħala student żagħżugħ fil-kulleġġ, ngħata ktejjeb bit-titlu Where Are the Dead? (Fejn Huma L-Mejtin?) Wara li qara b’interess kbir it-tweġiba tal-Bibbja għal din il-mistoqsija, hu ddikjara: “Din hija l-verità.” Miljuni taʼ wħud li jfittxu l-verità saru jħossuhom bl-istess mod. Ħalli nkomplu nippridkaw il-Kelma b’mod diliġenti u żeluż u b’hekk nieħdu sehem fil-ferħ taʼ li nisimgħu lil oħrajn jgħidu: “Din hija l-verità.”