LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kl kap. 11 pp. 98-107
  • Dawn Huma l-Aħħar Jiem!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dawn Huma l-Aħħar Jiem!
  • Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KARATTERISTIĊI TAʼ L-​AĦĦAR JIEM
  • WIEĠEB GĦALL-​EVIDENZA
  • Qegħdin Aħna Ngħixu fl-​“Aħħar Jiem”?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Qegħdin Aħna Verament Ngħixu “fl-Aħħar Jiem”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “It-Tmiem Tad-Dinja” Huwa Qrib Ferm!
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Se Tagħti Int Kas it-Twissija t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
kl kap. 11 pp. 98-107

Kapitlu 11

Dawn Huma l-​Aħħar Jiem!

1. Ħafna għala jħossuhom xi ftit jew wisq mifxulin meta jikkontemplaw ix-​xena dinjija, imma fejn tistaʼ tinstab spjegazzjoni taʼ min joqgħod fuqha taʼ ġrajjiet dinjin?

ID-​DINJA mqallba tagħna kif waslet sa dan il-​punt? Fejn se naslu? Qatt staqsejt mistoqsijiet bħal dawn? Ħafna jħossuhom xi ftit jew wisq mifxulin meta jħarsu lejn ix-​xena dinjija. Realtajiet bħalma huma l-​gwerer, il-​mard, u l-​kriminalità jġiegħlu lin-​nies jitħassbu dwar x’hemm maħżun fil-​futur. Il-​mexxejja fil-​gvern ftit joffru tama. Madankollu, spjegazzjoni taʼ min joqgħod fuqha dwar dawn il-​jiem kollhom niket tistaʼ tinkiseb mingħand Alla fil-​Kelma tiegħu. Il-​Bibbja b’mod taʼ min joqgħod fuqu tgħinna naraw fejn qegħdin fil-​medda taż-​żmien. Turina li qegħdin fl-​“aħħar jiem” tas-​sistema t’affarijiet preżenti.—2 Timotju 3:1, KŻ.

2. Ġesù ġie mistoqsi liema mistoqsija mid-​dixxipli tiegħu, u kif wieġeb?

2 Ikkunsidra, per eżempju, it-​tweġiba li Ġesù ta għal xi mistoqsijiet imqajmin mid-​dixxipli tiegħu. Tlett ijiem qabel ma miet Ġesù, huma staqsewh: “X’se jkun is-​sinjal tal-​miġja tiegħek u taʼ tmiem id-​dinja?”a (Mattew 24:3) Bi tweġiba, Ġesù semma ġrajjiet dinjin speċifiċi u sitwazzjonijiet li kellhom juru b’mod ċar li din id-​dinja taʼ mingħajr Alla daħlet fl-​aħħar jiem tagħha.

3. Il-​kundizzjonijiet fuq l-​art għala marru għall-​agħar meta Ġesù beda jaħkem?

3 Bħalma huwa muri fil-​kapitlu taʼ qabel, il-​kronoloġija tal-​Bibbja twassal għall-​konklużjoni li s-​Saltna t’Alla diġà bdiet taħkem. Imma dak kif jistaʼ jkun? L-​affarijiet marru għall-​agħar, mhux għall-​aħjar. Attwalment, din hija indikazzjoni qawwija li s-​Saltna t’Alla fil-​fatt bdiet taħkem. Għala ngħidu hekk? Sewwa, Salm 110:2 jinformana li għal xi żmien Ġesù kellu jaħkem ‘f’nofs l-​egħdewwa tiegħu.’ Tabilħaqq, l-​ewwel att tiegħu bħala Sultan tas-​sema kien li jixħet lil Satana u lill-​anġli demonji tiegħu għal isfel lejn il-​viċinanza taʼ l-​art. (Apokalissi 12:9) X’kien l-​effett? Dan kien preċiż dak li Apokalissi 12:12 bassar: “Ħażin għalikom, ja art u baħar, għax fikom niżel id-​Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” Aħna issa qegħdin ngħixu f’dak il-​‘ftit żmien.’

4. X’inhuma xi karatteristiċi taʼ l-​aħħar jiem, u x’jindikaw? (Ara l-​kaxxa.)

4 M’huwiex sorprendenti, għalhekk, li meta Ġesù ġie mistoqsi x’kellu jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu u tal-​konklużjoni tas-​sistema t’affarijiet, ir-​risposta tiegħu kienet waħda f’lokha. Diversi komponenti tas-​sinjal jinstabu fil-​kaxxa f’paġna 102. Bħalma tistaʼ tara, l-​appostli Kristjani Pawlu, Pietru, u Ġwanni jipprovdulna iktar dettalji rigward l-​aħħar jiem. Veru, il-​biċċa l-​kbira tal-​karatteristiċi tas-​sinjal u taʼ l-​aħħar jiem jinvolvu sitwazzjonijiet taʼ niket. Madankollu, it-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji għandu jikkonvinċina li din is-​sistema mill-​agħar waslet fi tmiemha. Ejjew nagħtu ħarsa mill-​qrib lejn xi wħud mill-​karatteristiċi prinċipali taʼ l-​aħħar jiem.

KARATTERISTIĊI TAʼ L-​AĦĦAR JIEM

5, 6. Il-​profeziji rigward il-​gwerer u l-​ġuħ kif qegħdin jiġu mwettqin?

5 “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7; Apokalissi 6:4) Il-​kittieb Ernest Hemingway sejjaħ lill-​Ewwel Gwerra Dinjija “t-​tbiċċir l-​iktar kolossali, qattiel, u mmaniġġat ħażin li qatt seħħ fuq l-​art.” Skond il-​ktieb The World in the Crucible—1914-1919, din kienet “medda ġdida t’operar taʼ gwerra, l-​ewwel gwerra totali fl-​esperjenza taʼ l-​umanità. It-​tul taʼ żmien, l-​intensità, u l-​iskala tagħha kienu jisbqu lil kwalunkwe ħaġa li kienet magħrufa qabel jew ġeneralment mistennija.” Imbagħad ġiet it-​Tieni Gwerra Dinjija, li tat prova li kienet iktar distruttiva mill-​Ewwel Gwerra Dinjija. “Is-​seklu għoxrin,” jgħid il-​professur taʼ l-​istorja Hugh Thomas, “kien iddominat mill-​ma-chine gun, mit-​tank tal-​gwerra, mill-​B-52, mill-​bombi nukleari u, fl-​aħħarnett, mill-​missila. Kien immarkat minn gwerer iktar imdemmijin u distruttivi minn dawk taʼ kwalunkwe era oħra.” Veru, intqal ħafna dwar id-​diżarm wara li ntemmet il-​Gwerra Bierda. Xorta waħda, rapport wieħed jagħti stima li wara t-​tnaqqis propost madwar 10,000 sa 20,000 bombi nukleari se jibqgħu—iktar minn 900 darba tal-​qawwa splussiva wżata matul it-​Tieni Gwerra Dinjija.

6 “Ikun hawn ġuħ kbir.” (Mattew 24:7; Apokalissi 6:5, 6, 8) Mill-​1914 ’l hawn kien hemm mill-​inqas 20 każ taʼ ġuħ kbir. Inħawi milqutin jinkludu l-​Bangladexx, il-​Burundi, iċ-​Ċina, l-​Etjopja, il-​Greċja, l-​Indja, l-​Irwanda, il-​Kambodja, in-​Niġerja, ir-​Russja, is-​Somalja, u s-​Sudan. Imma l-​ġuħ m’huwiex dejjem ikkaġunat minn nuqqas taʼ ikel. “Il-​provista taʼ l-​ikel tad-​dinja matul l-​għaxriet taʼ snin riċenti kibret iktar bil-​ħeffa mill-​popolazzjoni tagħha,” ikkonkluda grupp taʼ xjenzati agrikoli u ekonomisti. “Imma minħabba li mill-​inqas 800 miljun ruħ għadhom fil-​faqar tremend, . . . huma ma jistgħux jixtru biżżejjed mill-​abbundanza biex jeħlishom minn malnutrizzjoni kronika.” Indħil politiku huwa involut f’każi oħrajn. Dr. Abdelgalil Elmekki mill-​Università taʼ Toronto jiċċita żewġ eżempji li fihom eluf kienu fl-​għaks waqt li l-​pajjiżi tagħhom kienu qegħdin jesportaw ammonti enormi taʼ ikel. Il-​gvernijiet dehru iktar ikkonċernati f’li jiksbu flus barranin biex jiffinanzjaw il-​gwerer tagħhom milli biex jitimgħu liċ-​ċittadini tagħhom. Il-​konklużjoni taʼ Dr. Elmekki? Il-​ġuħ huwa taʼ spiss “kwistjoni taʼ tqassim u politika tal-​gvern.”

7. X’inhuma l-​fatti dwar il-​pesti llum?

7 “Mard li jittieħed.” (Luqa 21:11; Apokalissi 6:8) L-​influwenza Spanjola taʼ l-​1918-19 swiet minn taʼ l-​inqas 21 miljun ħajja. “Id-​dinja qatt qabel fl-​istorja ma kienet ġiet imħarbta minn qattiel li biċċer daqstant bnedmin b’tant ħeffa,” jikteb A. A. Hoehling f’The Great Epidemic. Illum, il-​mard li jittieħed huwa fl-​eqqel tiegħu. Kull sena, il-​kanċer joqtol ħames miljun ruħ, mard konness mad-​dijarrea jiswa l-​ħajjiet taʼ iktar minn tliet miljuni trabi u tfal, u t-​tuberkulożi toqtol tliet miljuni. Infezzjonijiet respiratorji, prinċipalment il-​pulmonite, kull sena joqtlu 3.5 miljun tifel u tifla taħt il-​ħames snin. U numru li jbellhek taʼ 2.5 biljun—nofs il-​popolazzjoni tad-​dinja—ibatu minn mard li jiġi minn nuqqas taʼ ilma jew ilma kkontaminat u nuqqas taʼ sanità. L-​AIDS tisponta bħala tfakkira oħra li l-​bniedem, minkejja l-​kisbiet mediċi sinjifikanti li kellu, mhux kapaċi jeqred għalkollox il-​pesti.

8. In-​nies kif qegħdin jagħtu prova li huma ‘wħud li jħobbu l-​flus’?

8 “Il-​bnedmin jingħataw għal l-​imħabba . . . tal-​flus.” (2 Timotju 3:2) Fil-​pajjiżi madwar id-​dinja, in-​nies jidhru li għandhom kilba li ma tispiċċa qatt għal għana akbar. “Is-​suċċess” huwa taʼ spiss imkejjel minn kemm huwa kbir l-​ammont fuq iċ-​ċekk tal-​paga, “kemm wieħed jirnexxi” huwa mkejjel minn kemm wieħed jippossiedi. “Il-​materjaliżmu se jkompli jkun wieħed mill-​forzi li jistimulaw fis-​soċjetà Amerikana . . . u forza li qiegħda żżid fl-​importanza fi swieq ewlenin oħrajn ukoll,” iddikjarat il-​viċi presidentessa t’aġenzija tar-​riklamar. Qiegħed dan jiġri fejn tgħix int?

9. X’jistaʼ jingħad dwar id-​diżubbidjenza mbassra lejn il-​ġenituri?

9 “Ma jisimgħux mill-​ġenituri.” (2 Timotju 3:2) Ġenituri, għalliema, u oħrajn illum għandhom evidenza diretta li t-​tfal ma juru ebda rispett u huma diżubbidjenti. Xi wħud minn dawn iż-​żgħar qegħdin jew jirreaġixxu għall-​imġiba ħażina tal-​ġenituri jew jimitawha. Numru li dejjem jiżdied taʼ tfal qegħdin jitilfu l-​fidi fi—u jirribellaw kontra—l-​iskola, il-​liġi, ir-​reliġjon, u l-​ġenituri tagħhom. “Bħala tendenza,” jgħid wieħed għalliem veteran, “jidhru li ftit li xejn għandhom rispett lejn kwalunkwe ħaġa.” B’ferħ, iżda, ħafna tfal li għandhom il-​biżaʼ t’Alla huma eżemplari fl-​imġiba.

10, 11. Liema evidenza hemm li n-​nies huma feroċi u bla qalb?

10 “Kiefra [“feroċi,” NW].” (2 Timotju 3:3) Il-​kelma Griega tradotta “feroċi” tfisser ‘mhux immansat, salvaġġ, nieqes mis-​simpatija u s-​sentiment uman.’ Dan kemm jixraq lil ħafna wħud li jikkommettu l-​vjolenza llum! “Il-​ħajja hija tant trawmatika, tant mimlija b’orrur imdemmi li trid tkun verament stonkuż biex taqra l-​aħbarijiet taʼ kuljum,” qal editorjal wieħed. Surġent li jieħu ħsieb is-​sigurtà f’kumpless t’appartamenti nnota li ħafna żgħażagħ jidhru li qegħdin jagħlqu għajnejhom għall-​konsegwenzi taʼ l-​azzjonijiet tagħhom. Hu qal: “Hemm sentiment taʼ, ‘Għada min rah? Illum nieħu li nistaʼ.’”

11 “Bla qalb.” (2 Timotju 3:3) Din il-​frażi hija tradotta minn kelma Griega li tfisser “kiefer, inuman” u tindika “nuqqas t’affezzjoni naturali fil-​familja.” (The New International Dictionary of New Testament Theology) Iva, l-​affezzjoni hija taʼ spiss nieqsa fl-​istess ambjent li fih suppost tiffjorixxi—id-​dar. Rapporti taʼ trattament abbużiv taʼ mseħbin fiż-​żwieġ, tfal, u saħansitra taʼ ġenituri anzjani saru komuni b’mod inkwetanti. Grupp wieħed li jirriċerka kkummenta: “Il-​vjolenza umana—kemm jekk daqqa taʼ ħarta jew imbottatura, daqqa taʼ sikkina jew sparatura—sseħħ iktar taʼ spiss ġewwa ċ-​ċirku tal-​familja milli fi kwalunkwe post ieħor fis-​soċjetà tagħna.”

12. Għala jistaʼ jingħad li n-​nies jagħmluha taʼ tajbin minn barra biss?

12 “Jiċħdu l-​qawwa tat-​tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin.” (2 Timotju 3:5) Il-​Bibbja għandha l-​qawwa li tbiddel il-​ħajjiet għall-​aħjar. (Efesin 4:22-24) Madankollu, ħafna llum jużaw ir-​reliġjon tagħhom bħala paraventu biex jinħbew warajh u jwettqu attivitajiet bla tjieba li ma jogħġbux lil Alla. Mexxejja reliġjużi taʼ spiss jagħlqu għajnejhom għall-​gideb, is-​serq, u l-​kondotta sesswali ħażina. Ħafna reliġjonijiet jippridkaw l-​imħabba imma jappoġġjaw il-​gwerra. “F’isem il-​Ħallieq Suprem,” josserva editorjal fir-​rivista India Today, “esseri umani wettqu atroċitajiet l-​iktar abominabbli kontra ħlejjaq sħabhom.” Fil-​fatt, iż-​żewġ konflitti l-​iktar imdemmijin taż-​żminijiet riċenti—l-​Ewwel u t-​Tieni Gwerer Dinjin—faqqgħu fil-​qalba tal-​Kristjaneżmu.

13. Liema evidenza hemm li l-​art qiegħda tiġi rrovinata?

13 “Qegħdin jeqirdu d-​dinja.” (Apokalissi 11:18) Iktar minn 1,600 xjenzat, inklużi l-​104 li rebħu l-​premju Nobel, minn madwar id-​dinja approvaw bil-​miftuħ twissija, maħruġa mill-​Union of Concerned Scientists (UCS), li stqarret: “Il-​bnedmin u d-​dinja naturali qegħdin fuq korsa taʼ kolliżjoni. . . . Ma fadalx iktar minn ftit għaxriet taʼ snin qabel ma jintilef iċ-​ċans li jiġi evitat it-​theddid.” Ir-​rapport qal li l-​prattiċi tal-​bniedem li jheddu l-​ħajja “jistgħu tant ibiddlu d-​dinja li din mhix se tkun kapaċi ssostni l-​ħajja bil-​manjiera li nafuha aħna.” It-​tnaqqis taʼ l-​ozone, it-​tniġġis taʼ l-​ilma, il-​qerda tal-​foresti, it-​telf tal-​produttività tal-​ħamrija, u l-​estinzjoni taʼ ħafna speċi t’annimali u pjanti ġew iċċitati bħala problemi urġenti li għandhom jiġu ttrattati. “It-​tbagħbis tagħna fin-​nisġa interdipendenti tal-​ħajja,” qalet il-​UCS, “tistaʼ tqanqal effetti mifruxin, inklużi l-​kollassi taʼ sistemi bijoloġiċi li d-​dinamiżmu tagħhom nifhmuh b’mod imperfett.”

14. Kif tistaʼ tagħti prova li Mattew 24:14 qiegħed jiġi mwettaq fi żmienna?

14 “Din il-​Bxara t-​tajba tas-​Saltna tixxandar fid-​dinja kollha.” (Mattew 24:14) Ġesù bassar li l-​aħbar tajba tas-​Saltna kellha tiġi ppridkata maʼ l-​art kollha, bħala xiehda lill-​ġnus kollha. Bil-​għajnuna u l-​barka divini, miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jiddedikaw biljuni taʼ sigħat għal dan ix-​xogħol taʼ ppridkar u taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Iva, ix-​Xhieda jirrealizzaw li jkunu ħatjin tad-​demm jekk ma jiddikjarawx l-​aħbar tajba. (Eżekjel 3:18, 19) Imma jitgħaxxqu li kull sena eluf iwieġbu bi gratitudni għall-​messaġġ tas-​Saltna u jieħdu l-​waqfa tagħhom bħala Kristjani veri, jiġifieri, bħala Xhieda taʼ Jehovah. Huwa privileġġ inestimabbli li taqdi lil Jehovah u b’hekk ixxerred l-​għarfien dwar Alla. U wara li din l-​aħbar tajba tiġi ppridkata fl-​art abitata kollha, se jiġi t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar.

WIEĠEB GĦALL-​EVIDENZA

15. Din is-​sistema mill-​agħar preżenti kif se tintemm?

15 Din is-​sistema kif se tintemm? Il-​Bibbja tbassar “diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira” li se tibda b’attakk mill-​element politiku taʼ din id-​dinja fuq “Il-​Belt [“BABEL,” KŻ] il-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Mattew 24:21; Apokalissi 17:5, 16) Ġesù qal li matul dan il-​perijodu ‘x-​xemx kellha tiddallam, il-​qamar kellu jitlef id-​dija tiegħu, il-​kwiekeb kellhom jaqgħu mis-​sema, u l-​qawwiet tas-​sema kellhom jitheżhżu.’ (Mattew 24:29) Dan jistaʼ jindika fenomeni ċelestjali litterali. Hu x’inhu l-​każ, id-​dwal jiddu tad-​dinja reliġjuża se jiġu esposti u eliminati. Imbagħad Satana, imsejjaħ ‘Gog taʼ l-​art taʼ Magog,’ se juża bnedmin korrotti f’li joħroġ b’ruħu kollha f’assalt kontra n-​nies taʼ Jehovah. Imma Satana m’huwiex se jkollu suċċess, għax Alla se jindaħal biex jeħlishom. (Eżekjel 38:1, 2, 14-23) It-​“taħbit il-​kbir [“tribulazzjoni l-​kbira,” NW]” se jilħaq il-​quċċata tiegħu f’Armageddon, il-​“gwerra taʼ nhar il-​jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” Din se tnaddaf sa l-​inqas traċċa mill-​organizzazzjoni taʼ l-​art taʼ Satana, billi tiftaħ it-​triq biex barkiet bla tmiem ikunu jistgħu jgelglu fuq il-​bnedmin li jkunu baqgħu ħajjin.—Apokalissi 7:9, 14; 11:15; 16:14, 16; 21:3, 4.

16. Kif nafu li l-​karatteristiċi pprofetizzati taʼ l-​aħħar jiem japplikaw għal żmienna?

16 Waħedhom, xi karatteristiċi tal-​profeziji li jiddeskrivu l-​aħħar jiem jistgħu jidhru li japplikaw għal perijodi oħrajn fl-​istorja. Imma meta jiġu meħudin flimkien, l-​evidenzi pprofetizzati jippontaw preċiż għal żmienna. Biex nagħtu eżempju: Il-​linji li jifformaw il-​marki tas-​swabaʼ taʼ individwu jifformaw disinn li ma jistaʼ jappartjeni lil ebda individwu ieħor. Bl-​istess mod, l-​aħħar jiem għandhom id-​disinn tagħhom stess taʼ marki, jew ġrajjiet. Dawn jifformaw “marka taʼ swabaʼ” li ma tistaʼ tappartjeni lil ebda perijodu taʼ żmien ieħor. Meta tiġi kkunsidrata flimkien maʼ l-​indikazzjonijiet tal-​Bibbja li s-​Saltna tas-​sema t’Alla qiegħda issa taħkem, l-​evidenza tipprovdi bażi solida biex wieħed jikkonkludi li dawn huma tabilħaqq l-​aħħar jiem. Iktar minn hekk, hemm prova Skritturali ċara li s-​sistema mill-​agħar preżenti dalwaqt se tiġi meqruda.

17. L-​għarfien li dawn huma l-​aħħar jiem x’għandu jqanqalna biex nagħmlu?

17 Int kif se twieġeb għall-​evidenza li dawn huma l-​aħħar jiem? Ikkunsidra dan: Li kieku maltempata distruttiva għall-​aħħar tkun fil-​qrib, aħna nieħdu miżuri taʼ prekawzjoni mingħajr dewmien. Sewwa, dak li l-​Bibbja tbassar għal din is-​sistema preżenti għandu jqanqalna għall-​azzjoni. (Mattew 16:1-3) Nistgħu naraw b’mod ċar li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema dinjija. Dan għandu jimmotivana biex nagħmlu kwalunkwe aġġustamenti neċessarji biex niksbu l-​favur t’Alla. (2 Pietru 3:3, 10-12) Billijirreferi għalih innifsu bħala l-​aġent għas-​salvazzjoni, Ġesù jsammaʼ s-​sejħa urġenti: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-​ikel u x-​xorb iżżejjed u s-​sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-​ħafna tħassib għall-​ħtiġijiet tal-​ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibux dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqaʼ bħal nassa fuq kull min igħammar fuq wiċċ l-​art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-​ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tippreżentaw ruħkom quddiem Bin il-​Bniedem.”—Luqa 21:34-36.

[Nota taʼ taħt]

a Xi Bibbji jużaw il-​kelma “sistema t’affarijiet” minflok “dinja.” L-​Expository Dictionary of New Testament Words taʼ W. E. Vine jgħid li l-​kelma Griega ai·onʹ “tissinjifika perijodu taʼ tul indefinit taʼ żmien, jew żmien meqjus f’relazzjoni maʼ dak li jiġri fil-​perijodu.” Il-​Greek and English Lexicon to the New Testament taʼ Parkhurst (paġna 17) jinkludi l-​espressjoni “din is-​sistema t’affarijiet” meta jiddiskuti l-​użu t’ai·oʹnes (plural) f’​Lhud 1:2. Mela t-​traduzzjoni “sistema t’affarijiet” hija f’armonija mat-​test Grieg oriġinali.

ITTESTJA L-​GĦARFIEN TIEGĦEK

Il-​Bibbja x’bassret dwar żviluppi dinjin hekk kif tibda l-​ħakma taʼ Kristu?

Liema huma xi karatteristiċi taʼ l-​aħħar jiem?

X’inhu dak li jikkonvinċik li dawn huma l-​aħħar jiem?

[Kaxxa f’paġna 102]

XI KARATTERISTIĊI TAʼ L-​AĦĦAR JIEM

• Gwerer mingħajr preċedent.—Mattew 24:7; Apokalissi 6:4.

• Ġuħ.—Mattew 24:7; Apokalissi 6:5, 6, 8.

• Pesti.—Luqa 21:11; Apokalissi 6:8.

• Żjieda fl-​illegalità.—Mattew 24:12.

• L-​irrovinar taʼ l-​art.—Apokalissi 11:18.

• Terremoti.—Mattew 24:7.

• Żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.—2 Timotju 3:1.

• Imħabba eċċessiva tal-​flus.—2 Timotju 3:2.

• Diżubbidjenza lejn il-​ġenituri.—2 Timotju 3:2.

• Nuqqas t’affezzjoni naturali.—2 Timotju 3:3.

• Iħobbu l-​pjaċiri iktar milli ’l Alla.—2 Timotju 3:4.

• Nuqqas taʼ rażna.—2 Timotju 3:3.

• Bla mħabba għat-​tjubija.—2 Timotju 3:3.

• Ma jagħtux kas tal-​periklu imminenti.—Mattew 24:39.

• Uħud li jiżżufjettaw jiċħdu l-​evidenza taʼ l-​aħħar jiem.—2 Pietru 3:3, 4.

• Ippridkar globali tas-​Saltna t’Alla.—Mattew 24:14.

[Stampa taʼ paġna sħiħa page 101]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja